B’rispett kbir lejn l-umanità u b’valuri sodi lejn il-politika ekoloġika u ambjentali: il-Ħodor fil-Parlament Ewropew

It-tielet parti mill-artiklu fejn il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-gruppi Ewropej li jiddominaw il-Parlament Ewropew u li fuq kollox jolqtu l-iktar lilna l-Maltin. 

Fil-ġimgħat li għaddew il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn l-alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) kif ukoll il-Partit Popolari Ewropew (PPE). Illum se nagħtu ħarsa lejn il-Partit tal-Ħodor - jiġifieri l-partit li jħaddan l-istess valuri tal-partit Malti l-ADPD.

X'inhi l-istorja ta’ dan il-partit?

F’Malta l-Partit tal-Ħodor hu meqjus bħala partit żgħir iżda fil-Parlament Ewropew hu r-raba' l-iktar partit li għandu rappreżentazzjoni, b’74 Membru Parlamentari. Qablu insibu lil Renew Europe b’108 siġġu, lis-Soċjalisti b’154 siġġu u kif għidna fl-artiklu ta’ qabel lill-PPE bil-maġġoranza ta’ 182 siġġu.

Fost dawk li twaqqfu riċentament, il-grupp tal-Ħodor ġie mwaqqaf fit-22 ta’ Frar tal-2004, fir-Raba’ Kungress tal-Federazzjoni Ewropea tal-Partiti l-Ħodor (EFGP) f’Ruma li għalih attendew aktar minn 1,000 delegat.  

L-ewwel għan tal-Ħodor kien il-kampanja elettorali tal-2004 għall-Parlament Ewropew. L-EGP mexxa l-ewwel kampanja elettorali fl-Ewropa li kellha motivi u slogans komuni fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Intant il-Ħodor kienu kkontestaw fl-elezzjonijiet tas-snin ta’ qabel ukoll taħt forom oħra. Huma kienu l-ewwel ikkontestaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-1979 u kisbu rappreżentanza hemmhekk bħala parti minn grupp usa', l-Alleanza Qawsalla. 

Wara l-elezzjonijiet tal-1989, il-Ħodor iffurmaw grupp parlamentari separat, il-Grupp Aħdar fil-Parlament Ewropew. Imnaqqsa fin-numri fl-elezzjonijiet tal-1994 il-Ħodor iffurmaw parti mill-Alleanza Radikali Ewropea, riżultat ta’ suċċess fl-1999 ippermettilhom jiffurmaw grupp magħqud mal-Alleanza Ħielsa Ewropea li tinkludi partiti reġjonalisti bħala membri (EFA). 

Bħala wieħed mill-partiti politiċi tal-UE, huma jaħdmu mal-partiti nazzjonali, l-ADPD fil-każ ta’ Malta, u mal-membri tal-Ħodor eletti tal-Parlament Ewropew fi Brussell għal għan wieħed. Għal trasformazzjoni ħadra tal-Ewropa u tal-ekonomija tagħha b’enfasi fuq it-tibdil fil-klima u tisħiħ tad-drittijiet umani, fost oħrajn.

Il-Partit li għadu magħqud mal-Alleanza Ħielsa Ewropea hu l-unika partit b’kopresidenza bilanċjata bejn is-sessi taħt it-tmexxija tal-MEP Ġermaniża Ska Keller u l-MEP Belġjan Philippe Lamberts.

Ska Keller
Ska Keller

Il-Ħodor u t-tibdil fil-klima!

Lill-Ħodor ħafna jassoċjawhom mal-ambjent, u bir-raġun! Fejn jidħol it-tibdil fil-klima, dan il-partit kien minn tal-ewwel li rrikonoxxieh bħala l-isfida ewlenija tal-pjaneta tagħna f’dan is-seklu. Il-Ħodor kienu minn tal-ewwel ukoll biex jagħmlu pressjoni mhux biss fuq il-Kumissjoni Ewropea iżda wkoll fuq il-gvernijiet nazzjonali biex jieħdu kull pass neċċesarju u jintlaħqu l-miri klimatiċi.

Dan il-partit jemmen fil-bżonn ta’ enerġija rinnovabbli li tissostitwixxi, mhux tissupplimenta, il-karburanti fossili u l-enerġija nukleari. Għalhekk il-Ħodor kienu ħarġu b’numru ta’ miżuri konkreti biex jitneħħew gradwalment sorsi ta' enerġija li huma jiddeskrivu bħala “qodma”, mingħajr ma jiġu kkawżati problemi ġodda bħal faqar fl-enerġija. 

Fosthom insibu l-proposta li telenka l-importanza tat-tneħħija tal-impjanti nukleari u tal-faħam. Minflok il-Ħodor ipproponew l-enerġija rinnovabbli aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li investituri, fondi u bliet inaqqsu r-rabtiet finanzjarji tagħhom mas-settur tal-fossil fuels billi jieqfu jinvestu fuqhom.

Għaldaqstant il-Ħodor jemmnu wkoll li sabiex jilħqu l-miri tal-klima, hemm bżonn ukoll tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u jiġu promossi modi sostenibbli ta' trasport b’mod speċjali trasport pubbliku u mobbiltà kondiviża (bike sharing, car sharing) li jagħmluna inqas dipendenti fuq il-mobilità motorizzata.

Il-Ħodor u l-effetti tal-Covid-19!

Il-pjanijiet nazzjonali ta’ reżiljenza u rkupru li ddominaw il-maġġoranza tad-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew, għall-Partit Ewropew tal-Ħodor, jippermettu opportunità unika biex titwettaq tranżizzjoni ġusta għas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika tan-nies fid-domanda tal-UE. 

Il-Ħodor kienu qablu mal-ftehim tal-UE biex jinġabru 750 biljun ewro bħala parti mill-pjan ta’ rkupru bl-isem ‘Next Generation EU’ li skont huma serva wkoll bħala mezz ta’ unità bejn l-Istati Membri. 

Fil-fatt dan il-partit jemmen li dan il-pjan ta’ rkupru jippermetti li l-impatt tal-pandemija jiġi mtaffi filwaqt li l-investimenti meħtieġa fil-kawża komuni li s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna jsiru reżiljenti għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Bħala partit, huma jemmnu li l-UE għandha tassigura s-solidarjetà fil-qalba u f'kull livell tal-irkupru. 

Apparti dan kollu, l-istess partit jemmen li dan il-pjan ta’ rkupru jista jservi bħala transizzjoni għal futur iktar ħadrani, b’tibdiliet favur l-ambjent u l-ekonomija sustanibbli. Fid-29 ta’ April, il-partit kien ospita laqgħa għall-mexxejja tal-partit propju fuq dan kollu fejn ġie diskuss il-bini tal-Fond għall-Irkupru nnifsu u l-aspetti differenti tal-kriżi.

F’Ġunju li għadda l-Ħodor organizzaw sessjoni fil-Parlament Ewropew iddedikata lill-pandemija u l-impatt fuq il-ġustizzja soċjali. Bl-għajta, ‘ma nħallu ’l ħadd warajna’, il-Ħodor xtaqu jiżguraw li l-UE tpoġġi s-saħħa u l-ugwaljanza soċjali fil-qalba tas-soċjetà tagħna. 

Din is-sessjoni kienet tirrifletti kwistjonijiet differenti bħall-ekonomija, drittijiet soċjali u solidarjetà, trasformazzjoni ekoloġika ġusta u l-irwol tal-EU Green New Deal fil-ġustizzja soċjali u ambjentali.

Il-partit tal-Ħodor kien minn ta’ quddiem li tkellem ukoll dwar is-settur turistiku u l-impatt li ħalliet il-pandemija fuqu. F’riżoluzzjoni tal-istess partit lura f’Diċembru tal-2020, huma semmew kif pajjiżi bħal Malta setgħu jingħataw għajnuna minħabba li t-turiżmu huwa fattur essenzjali jew importanti fl-ekonomija jew fl-iżvilupp ekonomiku.

Għalhekk dan il-partit kien iġġieled għal miżuri ta' emerġenza biex jikkumpensaw għat-tnaqqis brutali fid-dħul ekonomiku marbut mat-turiżmu speċjalment fil-Mediterran, iżda wkoll f'reġjuni oħra fl-Ewropa. 

Huma kienu saħħqu li l-kriżi tal-COVID-19 tat prova traġika tal-vulnerabbiltà ta’ pajjiżi, reġjuni u komunitajiet Ewropej li għalihom it-turiżmu, inkluż it-turiżmu tal-kungress, huwa importanti. Fil-lista huma kienu niżlu lil Malta bħala eżempju flimkien mal-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja.

Il-Ħodor u l-abort!

F’riżoluzzjoni li tmur lura għall-2011, il-Ħodor kienu talbu għar-rikonoxximent tad-dritt fundamentali tan-nisa li jiddeċiedu meta u jekk jixtiequ jkollhom it-tfal, u d-dritt li jkollhom abort f'kundizzjonijiet psikoloġiċi, sanitarji jew ekonomiċi tajba, tkun xi tkun l-età, l-oriġini soċjali jew l-istat ċivili tagħhom.

Huma talbu aċċess għal abort sigur u legali li baqa’ kwistjoni kontroversjali f'pajjiżi Ewropej, fejn il-liġijiet ivarjaw minn projbizzjoni għal leġislazzjoni aktar liberali. Madankollu l-Partit Ewropej tal-Ħodor kien irrefera wkoll għal pajjiżna meta semmew pajjiżi li qed jieħdu inizjattivi li “jheddu d-drittijiet sesswali tan-nisa, b’mod partikolari d-dritt għall-abort.”

Għaxar snin wara, dan l-argument reġa’ qam b’aktar saħħa fil-Parlament Ewropew, bl-attakk iddur fuq il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli. Din id-darba il-Partit kien aktar voċifru, iġġieldu għall-istess valuri filwaqt li qalu li qed josservaw tnaqqis serju fid-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fl-Ewropa. 

F’din iċ-ċirkostanza huma kienu qed jirreferu għall-Polonja li neħħiet l-aċċess għall-abort u l-irtirar tat-Turkija mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Huma kienu ssuġġerixxu li l-istati Membri qed ifallu l-obbligi ta’ diliġenza dovuta lilhom taħt il-liġi internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-protezzjoni tan-nisa u tal-bniet mill-vjolenza sesswali kif ukoll fil-provvediment ta’ aċċess għall-ġustizzja.

Fir-riżoluzzjoni tagħhom li ġiet adottat mill-partit bejn il-25 u d-29 ta’ Mejju, bl-isem ta’ “il-kunsens huwa sexy”, il-Ħodor talbu għal definizzjoni legali ċara ta’ ‘rape’, għarfien dwar il-kunses u l-età tal-kunsens kif ukoll aġġornament fl-edukazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva. 

Philip Lamberts
Philip Lamberts

Il-Ħodor u l-imigrazzjoni!

Tajjeb li qabel ma ngħidu x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Ewropew tal-Ħodor rigward l-imigrazzjoni, infakkru li dan il-Partit huwa magħqud mal-Alleanza Ħielsa Ewropea (EFA). Imwaqqaf fl-1999, l-EFA jiġbor fih MEPs li jemmnu f’Ewropa bla fruntieri. Jappoġġjaw Ewropa bħala nazzjon wieħed filwaqt li jiddefendu d-diversità kulturali u lingwistika.

B’dak f’moħħna, il-Partit Ewropew tal-Ħodor jemmen li l-Ewropa kienet proġett ta’ paċi, li tegħleb il-fruntieri u tgħaqqad in-nies. Il-Ħodor jiċċelebraw id-diversità u jridu jagħmlu l-Ewropa post sigur għal kulħadd. 

Jemmnu li d-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà huma valuri Ewropej ewlenin u jiffurmaw il-pedamenti tal-Proġett Ewropew. Jemmnu wkoll f'soċjetà ġusta fejn kulħadd huwa trattat b'mod ugwali u jgawdi l-istess drittijiet, irrispettivament mis-sess, l-etniċità, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Lura fl-2013, meta Lampeduża kienet għaddejja minn kriżi li ħalliet aktar minn 300 immigrant mejjet, il-Ħodor użaw din il-kriżi bħala eżempju f’reżoluzzjoni li ssostni li l-UE mhux tagħmel biżejjed biex tipproteġi lill-immigranti.

Fil-preżent huma għadhom tal-istess fehma filwaqt li ma jaqblux kif skonthom, il-politika tal-migrazzjoni Ewropej u nazzjonali, hija aktar ibbażata fuq tħassib ripressiv u ta' sigurtà billi jikkriminalizzaw lill-immigranti.

Fil-fatt il-Ħodor kienu servew bħala oppożizzjoni meta fil-Parlament Ewropew bdew jiġu diskussi proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex tinterċetta dgħajjes fil-Baħar Mediterran u tibgħathom lura lejn l-Afrika ta’ Fuq. Huma kemm-il darba tennew li “meta tiġi biex tħalli n-nies jidħlu, kull ċenteżmu jingħadd u jiġi mistoqsi. Madankollu, l-UE m'għandha l-ebda problema li taħli riżorsi konsiderevoli biex iżżomm in-nies barra.”

F’April tal-2020, Malta sabet ruħha fil-ġurnali barranin kif ukoll fl-aġenda tal-Parlament Ewropew wara li l-Gvern taħt l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela ħabbar li Malta hi nazzjon żgħir li ma jiflaħx għal aktar. Dak iż-żmien Malta kienet ukoll fil-bidu tal-pandemija.

Il-Partit Ewropew tal-Ħodor flimkien ma’ dawk l-imsejħa Alternattiva Demokratika mmexxija minn Carmel Caccopardo kienu bagħtu stqarrija lill-Gvern biex jesprimu d-diżappunt tagħhom.

Fl-ittra huma stqarrew li huma ddiżappuntati li m’hemm l-ebda rieda fost il-gvernijiet għal soluzzjoni Ewropea. Sostnew li s-solidarjetà Ewropea hija assolutament meħtieġa f'din is-sitwazzjoni. 

Filwaqt li spjegaw li bħala unjoni, l-Ewropa għandha r-responsabbiltà umanitarja li tipprovdi lil dawn in-nies bl-ikel u l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja huma ħeġġew ukoll lill-awtoritajiet Maltin biex “jieqfu jiddemonizzaw il-bastimenti tal-NGOs li qed jagħmlu dak li l-UE u l-istati membri tagħha qed jonqsu milli jagħmlu: isalvaw il-ħajjiet.”

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024