17% biss jemmnu li l-Gvern Malti qed jagħmel biżżejjed biex jilqa’ għat-tibdil fil-klima

Il-gazzetta ILLUM lura bl-istħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea rigward it-tibdil fil-klima. Din id-darba b’analiżi ta’ dak li jaħsbu l-Ewropej fuq l-azzjonijiet meħudha mill-UE u l-Gvern rispettiv tagħhom

Il-Maltin kienu fost l-Istati Membri li għarfu li hemm bżonn ta’ iktar azzjoni fil-konfront tal-isfidi ambjentali li qed taffaċċja d-dinja fil-preżent, b’mod speċjali dawk li jittrataw it-tibdil fil-klima. 

Il-Maltin huma wkoll fost is-26 Stat Membru fl-Unjoni Ewropea (UE) li jemmnu li l-Gvern Nazzjonali mhux jagħmel biżżejjed biex jittratta t-tibdil fil-klima. Dan ħareġ fl-istħarriġ speċjali tal-Kummisjoni Ewropea permezz tal-Eurobarometer. 

26 stat membru tal-UE inkluż il-Maltin, jaħsbu li l-Gvern tagħhom mhux jagħmel biżżejjed

L-istħarriġ juri li f'26 Stat Membru tal-UE, aktar min-nofs dawk li wieġbu jaħsbu li l-Gvern tagħhom mhux qed jagħmel biżżejjed biex jindirizza t-tibdil fil-klima.  Fost dawk bl-ogħla persentaġġikien hemm il-Kroazja (89%), il-Portugall (85%) u l-Italja (84%), u l-inqas fl-Awstrija (54%), id-Danimarka (56%) u l-Lussemburgu (63%). Fil-każ tal-Maltin, 79% jemmnu li l-Gvern mhux jagħmel biżżejjed biex jindirizza t-tibdil fil-klima.

B’kollox mill-inqas tlieta minn kull 10 persuni li wieġbu huma tal-fehma li l-Gvern tagħhom qiegħed jagħmel biżżejjed fost l-aktar kuntenti nsibu d-Daniżi (37%), l-Awstrijaċi (33%) u l-poplu tal-Lussemburgu (30%). F’dan l-każ, 17% biss tal-Maltin wieġbu li jemmnu li l-Gvern qiegħed jagħmel biżżejjed biex jiġġieled it-tibdil fil-klima.

Il-Finlandja hija l-uniku pajjiż minn 27 Stat Membru, fejn l-akbar grupp ta’ dawk li wieġbu jaħsbu li l-Gvern tagħhom qed jagħmel biżżejjed biex jindirizza t-tibdil fil-klima b’40%. 

Kwart ta' dawk li wieġbu jaħsbu li l-Gvern Nazzjonali tagħhom qed jagħmel wisq biex jindirizza t-tibdil fil-klima fil-Finlandja (25%) u warajhom insibu l-Iżvezja b’10%. B'kuntrast, 0% għandhom din il-fehma fil-Kroazja u 1% biss fi tmien Stati Membri tal-UE, inkluż Malta.

Ftit iktar minn wieħed minn kull għaxar persuni li wieġbu li ma jafux x’inhu jagħmel il-Gvern tagħhom biex jaffaċja din l-isfida. L-ogħla persentaġġ ta’ persuni li wieġbu “ma nafx” kienu l-Bulgari b’11%. Fil-każ ta’ Malta, 3% ma jafux x’inhu jagħmel il-Gvern f’dan ir-rigward.

X’jaħsbu l-Ewropej fuq l-miri tal-UE u l-Gvern tagħhom inkluż il-miri tal-2030?

Il-parteċipanti ġew mistoqsija kemm jaħsbu li huwa importanti li ż-żewġ awtoritajiet, il-Gvern Nazzjonali tagħhom u l-Unjoni Ewropea stess, jistabbilixxu miri ambizzjużi biex iżidu l-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata, bħall-enerġija mir-riħ jew mix-xemx, sal-2030.

Kważi disgħa minn kull 10 Ewropej (88%) jaħsbu li hu importanti li l-Gvern Nazzjonali ta’ pajjiżhom jistabbilixxi miri ambizzjużi bħal dawn imsemmija. Malta kellha l-ogħla ċifra fejn 76% jaħsbu li hu importanti ħafna li l-Gvern Malti kif ukoll l-UE jistabbilixxu miri ambizzjużi filwaqt li 17% jemmnu li hu xi ftit importanti. Bil-kontra ta’ dan, 2% tal-Maltin jaħsbu li mhux importanti, filwaqt li 1% jaħsbu li assolutament mhux importanti.

Din tal-aħħar kienet ċifra komuni mas-27 stat hekk kif madwar wieħed minn kull għaxar parteċipanti (9%) ma jaħsbux li dan huwa importanti.

Din il-mistoqsija kienet ibbażata fuq miri stabbilliti mill-Parlament Ewropew permezz tat-trattat tal-EU Green Deal. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew kienu laħqu ftehim politiku proviżorju li jistabbilixxi l-liġi ambjentali nnifisha tal-UE, l-għan tal-UE għall-klima newtrali sal-2050, u l-mira kollettiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet għal mill-inqas 55% sal-2030. Fil-fatt lill-parteċipanti, il-Kumissjoni Ewropea staqsiethom ukoll jekk jaqblux ma’ kull waħda minn dawn il-miri.

Disgħa minn kull għaxar parteċipanti (90%) jaqblu li l-emissjonijiet tal-gassijiet  għandhom jitnaqqsu għal minimu filwaqt li jiġu kkumpensati l-emissjonijiet li jifdal biex l-ekonomija tal-UE tkun newtrali għall-klima sal-2050, b'75% ta' dawk li wieġbu jaqsmu din l-opinjoni f'kull Membru Stat tal-UE. 

Il-ħames sfidi li jinkwetaw lill-Maltin - Dak li ġie rrapportat mill-ILLUM il-ġimgħa li għaddiet                 

Mill-istess stħarriġ speċjali tal-Kummisjoni Ewropea kien determinat li 19% tal-Maltin iqisu t-tibdil fil-klima bħala l-aktar problema serja li qed taffaċja id-dinja bħalissa. Madankollu it-tibdil fil-klima hi kkunsidrata bħala t-tieni l-iktar problema serja għal Maltin hekk kif l-isfida tat-tixrid tal-mard kienet l-ewwel prijorità (29%, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 17%). 

B’dan f’moħħna, il-Maltin irriżulta li huma l-aktar poplu li jinkwieta fuq problemi tas-saħħa kkawżati mit-tniġġiż b’10%. Fil-fatt din l-isfida tikklassifika bħala t-tielet l-iktar sfida inkwetanti għal poplu Malti.  

Warajha bl-istess persentaġġ ta’ 9% hemm l-isfidi ekonomiċi u l-qerda tan-natura. Il-ħames problema li l-Maltin jinkwetaw fuqha hi t-tnaqqir tad-demokrazija u l-istat tad-dritt (7%). 

Dawn il-ħames sfidi, kif jista’ wieħed faċilment jinnota, jiġbru bejn wieħed u ieħor il-kontenut kollu li jiġi diskuss fuq il-mezzi tax-xandir, ġurnali u l-midja soċjali Maltin. Fil-fatt sfidi oħra li għal Maltin huma “xi ħaġa ta’ barra” ma ngħatawx daqshekk importanza. Dan nistgħu narawh kemm fl-armi nukleari, fit-terroriżmu u fil-kunflitti bl-armi, li kollha ġew fl-aħħar tal-istatistika b’ 1% tal-Maltin biss jinkwietaw fuqhom.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024