L-UE dwar l-attakk fuq l-ajruport ta’ Kabul - ‘Dan l-att barbaru kontra nies innoċenti ma jistax jinħafer’

Id-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropa fid-dawl tal-attakk f’Kabul, l-operazzjoni ta’ evakwazzjoni minn pajjiżi Ewropej u l-fehma ta’ Biden

Il-President tal-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Afganistan ħarġu dikjarazzjoni dwar l-attakk terroristiku fl-ajruport ta' Kabul. 

Maħruġa mill-Presidenti David McAllister (PPE, Kumitat għall-Affarijiet Barranin), Maria Arena (S&D, Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem), u Petras Auštrevičius (Renew, Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Afganistan), id-dikjarazzjoni tikkundanna “bl-iktar mod qawwi” l-attakki f’Kabul.  

“F'isem il-Parlament Ewropew, nesprimu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familji tal-vittmi ... it-Talibani għandhom jassumu r-responsabbiltà għas-sigurtà taż-żoni taħt il-kontroll tagħhom.” 

B’mod urġenti huma appellaw lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri  u n-nazzjonijiet imsieħba biex ikomplu l-evakwazzjoni sigura u ordnata ta' ċittadini barranin u Afgani li jixtiequ jitilqu mill-pajjiż.  

Huma talbu li n-negozjati ta’ paċi jiġu mħarsa billi n-naħat kollha fl-Afganistan jastjenu minn kull forma ta' vjolenza.  Fakkru wkoll li l-liġi umanitarja internazzjonali u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tan-nisa, il-bniet u l-minoranzi għandhom jiġu rispettati. 

Sa dan ix-xahar, lir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan kien iffokat l-aktar fuq il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem. Id-Delegazzjoni tal-UE f'Kabul, li hija mmexxija mill-Ambaxxatur Andreas von Brandt, ħadet sehem ukoll fil-proċess ta' paċi li falliet bejn it-Taliban u l-Gvern tal-eks President Ashraf Ghani. 

Ir-reazzjonijiet ta’ uħud mill-pajjiżi ewropej 

Sigħat wara li l-attakk ħasad l-ajruport ta’ Kabul, li hu l-aħħar mitjar ikkontrollat mill-Istati Uniti fl-Afganistan kif ukoll iċ-ċentru tal-evakwazzjoni, numru ta’ reazzjonijiet ġew ppubblikati mill-mexxeja Ewropej. 

Mir-Renju Unit, il-Prim Ministru Boris Johnson qal li l-Gvern tiegħu se jkompli bl-operazzjoni biex jevakwa ċittadini Brittaniċi kif ukoll Afgani li ħadmu għar-Renju Unit jew li huma meqjusa vulnerabbli.  

F’isem Franza, il-President Emmanuel Macron qal li Franza se taħdem mal-alleati sal-aħħar minuta filwaqt li rrikonoxxa li Franza kellha 20 karozza tal-linja mimlija ċittadini u Afgani mwaħħla barra l-ajruport bit-tama li joħorġu mill-pajjiż. S’issa ġie rraportat li fi Franza waslu mal-100 Franċiż u madwar 2,000 Afgan.  

Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel wegħdet ukoll l-għajnuna, minkejja li kkonfermat li l-Ġermanja temmet l-evakwazzjonijiet militari tagħha aktar kmieni l-Ġimgħa, 27 ta' Awwissu.  

Il-Ġermanja ma kinitx l-unika pajjiż li temmet l-evakwazzjonijiet militari tagħha. Fil-fatt insibu wkoll lill-Belġju li temm l-isforzi min-naħa tiegħu u l-operazzjoni bl-isem ‘it-tajra l-ħamra.’ Magħhom ingħaqdu wkoll il-Polonja u r-Repubblika Ċeka. 

L-Ispanjoli qegħdin ukoll fil-lista tal-pajjiżi li waqfu l-evakwazzjonijiet, bl-aħħar żewġ titjiriet lejn Dubai jaslu l-Ġimgħa, 27 ta' Awwissu, filgħodu. Dawn it-titjiriet ġarrew 81 Spanjol inkluż truppi, uffiċjali tal-pulizija u membri tal-ambaxxata.  

X’nafu sa issa dwar is-sitwazzjoni f’Kabul 

Il-Ħamis, 26 ta' Awwissu, splużjoni qawwija heżżet l-Ajruport Internazzjonali Hamid Karzai f’Kabul. Dan filwaqt li folol kbar kienu qed jinġabru fiż-żona, bit-tama li jiġu aċċettati fuq titjira ta’ evakwazzjoni. 

L-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-5:00.p.m ħin lokali u ħasdet il-ħajja ta’ 95 persuna u ħalliet 150 persuna midruba. Il-Pentagon fl-Istati Uniti, ikkonferma li 13-il vittma huma mill-armata Amerikana inklużi Marines u membri tat-tim mediku tan-Navy. 15-il suldat ieħor oħra jinsab midrub. 

L-għada, il-Ġimgħa, il-Gvern tar-Renju Unit ikkonferma li żewġ ċittadini u tifel Ingliżi kienu nqatlu fl-attakk. 

Il-bumbardament seħħ sigħat wara li l-Gvern Amerikan wissa liċ-ċittadini tagħhom biex jibqgħu 'l bogħod mill-ajruport, minħabba theddida imminenti ta' attakk mill-IS-K, il-fergħa tal-Afganistan tal-grupp Stat Iżlamiku. 

Is-Segretarju tad-Difiża tar-Renju Unit, Ben Wallace, qal li persuna daħlet mgħammra bi splusiv fil-ġakketta min-nofs familji li kienu qed jistennew barra l-bieb tal-mitjar. 

Min-naħa tiegħu il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, iddeskriva dan l-attakk bħala jum l-iktar imdemmi fl-aħħar deċenju u wissa li l-Istati Uniti se tkun qed tfittex il-moħħ wara dan l-attakk u ġiegħlu jħallas. 

Il-President ma ta l-ebda indikazzjoni li qed jippjana li jestendi l-evekwazzjonijiet lil hinn mid-data oriġinali, dik tal-aħħar tax-xahar. Madankollu hu rrikonoxxa li l-attakk tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Kabul hu biss ħjiel ta’ dak li ġej għall-Afghanistan ladarba l-evakwazzjonijiet ikunu kkonkludew. 

It-Taliban ħadu kontrol tal-Afganistan aktar kmieni dan ix-xahar hekk kif il-forzi Amerikani ħejjew biex jitilqu mill-pajjiż wara 20 sena.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024