Kienu l-akbar imma ma baqgħux. Fuq ix-xellug, mal-ħaddiem u favur l-abort: Is-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew
Il-gazzetta ILLUM - f'artiklu maqsum fi tnejn - jagħti ħarsa lejn il-movimenti politiċi li magħhom ipoġġu l-MEPs Maltin. X'jemmnu? X'inhuma l-prioritajiet tagħhom? Fuq xhiex ħadmu fl-aħħar snin?

minn Albert Gauci Cunningham

Ħafna drabi nisimgħu tant dwar il-Parlament Ewropew u dak li qed jagħmlu l-MEPs Maltin fih - imma qajla ninteressaw biżżejjed ruħna - probabbilment għax huwa istituzzjoni xi ftit 'il bogħod minn Malta - dwar il-partiti li fihom jinsabu l-MEPs tagħna u li fl-aħħar mill-aħħar jiddettaw ħafna mill-aġenda tal-Parlament. Huwa f'dan il-kuntest li wieħed irid jgħaddi ġudizzju wkoll dwar id-direzzjoni li fiha sejjer il-Parlament u allura l-MEPs tagħna.
Biex tifhem aħjar min huma l-partiti u x'qed joffru u xi jħossu li huma l-prioritajiet tal-Ewropa, tiegħek u tagħhom il-gazzetta ILLUM bniet profil qasir permezz ta' ftit ideat u prioritajiet li għandhom l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi - li fih hemm l-erba' MEPs Laburisti u (il-Ħadd li ġej), il-Partit Popolari Ewropew - li fih hemm iż-żewġ MEPs Nazzjonalisti.
X'inhi l-istorja ta' dan il-partit?
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija il-Grupp tas-Soċjalisti kien fuq quddiem fil-kundanna tan-nazzjonaliżmu u l-estremiżmu. Dan il-grupp li parti minnu hemm il-Partit Laburista Malti - twaqqaf fid-29 ta' Ġunju 1953, biex huwa t-tieni l-eqdem partit fil-Parlament Ewropew wara l-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi fl-Ewropa (ALDE).
Il-Grupp li bħalissa huwa t-tieni l-akbar fil-Parlament Ewropew beda meta l-Parlament ma kienx kif nafuh illum u minflok kien jissejjaħ l-Assemblea Ewropea għall-Faħam u l-Azzar sakemm imbagħad inħoloq l-Parlament kif nafuh illum.
Fl-1974 inħolqot il-Konfederazzjoni tal-Partiti Soċjalisti tal-Komunità Ewropea li mbagħad saret il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE) fl-1992.

Il-grupp tas-Soċjalisti dejjem kien l-aktar partit li kiseb siġġijiet fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew sal-1999. Fil-fatt dan il-partit kiseb 124 siġġu fl-elezzjoni tal-1979, 166 fl-1984, 198 fl-1989 u 214 fl-1994. Dan ir-riżultat imbagħad inqaleb fl-1999 meta l-Partit Popolari Ewropew kiseb 295 vot u l-PSE 232.
Is-Soċjalisti baqgħu t-tieni l-akbar grupp Ewropew sa minn dakinhar, bl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew tirriżulta f'154 MEP għal dan il-partit, fosthom l-erba' MEPs Laburisti Maltin: Alfred Sant, Cyrus Engerer (minflok Miriam Dalli), Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar.
L-isem tal-partit illum huwa: L-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi tal-Parlament Ewropew.
Is-Soċjalisti, il-ħaddiem u x-xogħol!
"Immaġina Ewropa fejn in-nies kollha jaqilgħu Living Wage, jaffordjaw housing diċenti u ebda tifel jew tifla ma jitrabbew fil-faqar."
Hekk jgħid is-sit ta' dan il-partit fil-parti li titratta l-prioritajiet. Fil-fatt dan is-sit - www.socialistsanddemocrats.eu - jisħaq illi l-prioritajiet ewlenin tal-partit huma: Drittijiet soċjali jsiru realtà, garanzija ta' Living Wage għall-Ewropej kollha, protezzjoni ta' ħaddiema onlajn jew offline, id-difiża tad-drittijiet taż-żgħażagħ u finalment li ħadd ma jibqa' lura.
F'dawn il-prioritajiet il-partit jagħti ħarsa lejn il-Covid-19 u l-fatt li din qed tagħmel il-ħajjiet tal-ħaddiema iktar diffiċli.
"Wasal iż-żmien biex indawwru l-kliem ta' ringrazzjament għall-eroj tal-Covid-19 f'pagi diċenti...għandna bżonn strateġija għal pagi minimi nazzjonali u Living Wage garantita għall-Ewropej kollha," jisħaq l-istess partit.
Filwaqt li dan il-partit jesiġi li kull ħaddiem jitħaddem bid-dmirijiet u drittijiet tiegħu, jsemmu l-ħaddiema tal-pjattaforma u anke l-bżonn li kull ħaddiem ikollu d-dritt ta' skonessjoni - leġiżlazzjoni li inċidentalment tressqet 'il quddiem mill-MEP Alex Agius Saliba.
Il-partit ifakkar li l-iskema tal-Youth Guarantee li kienet mexxiet 'il quddiem wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' ftit snin ilu, kienet waslet biex 10 miljun persuna jsibu ix-xogħol.
Is-Soċjalisti u l-Bidla fil-Klima!
Dwar il-bidla fil-klima, li bħalissa qed niddiskutu tant madwar id-dinja inkluż hawn Malta, is-Soċjalisti qed jisħqu li għandha titressaq Liġi Ewropea għall-Klima li kull stat Membru jkun marbut li jimxi magħha u li jkollha tragward sabiex sal-2050 jkun hemm żero emmissjonijiet netti ta' gassijiet serra.
Is-Soċjalisti jridu li ssir riforma fil-Politika Komuni tal-Agrikoltura u anke f'dik tas-sajd - biex dawn ikunu kompatibbli mal-ambizzjonijiet ambjentali u tal-klima. Fil-fatt din ir-riforma diġà sar ħafna xogħol fuqha f'Ġunju li għadda - xi ħaġa li s-Soċjalisti laqgħu b'entużjażmu.
Is-Soċjalisti u l-Covid-19!
Il-Grupp politiku tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ppreżentaw pożizzjoni dwar il-vaċċin f'Lulju ta' din is-sena. "L-iżbaji tal-passat ma jistgħux jiġu ripetuti ... irridu nassiguraw li hemm l-ugwaljanza u li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fejn hemm il-vaċċinazzjoni."
Huma jfakkru li l-carers u l-ħaddiema nisa huma l-aktar nies esposti għall-virus u allura l-ħaddiema frontline jeħtieġ dejjem ikollhom aċċess għall-vaċċin.
Il-Partit Soċjalista jisħaq li hemm bżonn illi l-Parlament Ewropew jaċċerta illi jkun hemm aċċess għall-vaċċin f'pajjiżi foqra u li dożi li ma jkunux meħtieġa jingħataw lil dawn il-pajjiżi.
Is-Soċjalisti u l-abort!
Din interessanti għalina għax f'Malta l-abort għadu llegali f'kull ċirkostanza! Fl-2015 ħafna mill-MEPs Soċjalisti iffirmaw id-dikjarazzjoni 'All of us' dwar drittijiet li jitrattaw l-abort. L-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi hija favur l-abort, fil-fatt fuq is-sit tal-partit jingħad illi s-saħħa sesswali u riproduttiva "huma drittijiet u priorità." Ifakkru li dan jinkludi l-edukazzjoni sesswali, tqala mhux mixtieqa, aċċess għall-abort, trattament għall-mard sesswali u vjolenza sesswali.

Fil-fatt is-Soċjalisti jfakkru illi f'żewġ pajjiżi membri (Malta u l-Polonja) l-abort għadu illegali. Jisħaq illi d-dritt tal-mara "li tiddeċiedi fuq ġisimha hija fundamentali u għandha tkun parti mid-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem."
L-S&D jgħid li trid illi s-saħħa sesswali u riproduttiva tal-mara jkunu parti mill-istrateġija tal-UE għas-saħħa pubblika.
Is-Soċjalisti u t-taxxa!
Din tinteressana ħafna lilna għaliex Malta hija waħda minn dawk il-pajjiżi li qed jippruvaw jżommu rata ta' taxxa iktar baxxa għall-kumpaniji - li wassal biex ħafna kumpaniji li ma joperawx Malta fetħu uffiċċju hawnhekk biex waqt li jibqgħu joperaw f'pajjiż ieħor iħallsu bir-rata ta' taxxa ta' Malta - jiġifieri bil-wisq inqas!
Is-Soċjalisti huma kontra dan u jgħidu ċar illi huma se jkomplu l-"ġlieda" biex ir-rata ta' taxxa globali tkun ta' 21%. Jgħidu wkoll li "hemm bżonn jiġi applikat il-prinċipju li "t-taxxi huma mħallsin fejn isiru l-profitti" li jfisser illi Malta titlef miljuni kbar fi dħul jekk dan iseħħ.
Biex inkunu ġusti mal-istampa kollha, il-Ministru tal-Finanzi Malti Clyde Caruana, f'kummenti ma' din il-gazzetta kien indika li jista' jkun illi Malta jkollha tilħaq xi forma ta' kompromess fuq din il-kwistjoni, speċjalment wara li tilfet lir-Renju Unit mill-UE - alleat kruċjali f'din il-kwistjoni.
Is-Soċjalisti u l-faqar!
Ma jistax jonqos li moviment politiku xellugi jitfa' ħafna mill-ħarsa tiegħu fuq il-faqar! Kampanja partikolari li mexxew is-Soċjalisti hija dik sabiex jinqata' l-faqar relatat mal-enerġija (dawl, ilma, gass etc..).
F'din il-kampanja l-partit tas-Soċjalisti qed jipproponi li ma jkunx hemm aktar twaqqif ta' servizzi lil dawk iċ-ċittadini li ma jkunux jistgħu jħallsu l-kont speċjalment f'perjodi kruċjali ta' kesħa jew sħana kbira. Qed jisħqu li għandu jkun hemm tariffi soċjali għal dawk bi dħul baxx u għal vulnerabbli u limitu strett fuq taxxi u ħlasijiet minn dawk il-familji li qed isibuha diffiċli li jħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom.
X'iqisu li huma l-kisbiet tagħhom?
L-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi tfakkar li hi kienet fuq quddiem kontra miżuri ta' awsterità fi kriżijiet "u kontra l-isqra li riedu jkeċċu lil Ateni miż-żona ewro ... aħna konna fuq in-naħa tal-poplu," isostni l-partit fl-elenku tal-kisbiet tiegħu fuq is-sit tiegħu.
L-S&D jgħid li grazzi għal dan il-moviment politiku twaqqfu kumitati li jinvestigaw il-Panama Papers u l-LuxLeaks, filwaqt li jfakkru li grazzi għal dan il-partit saret ir-reviżjoni tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, li tgħin biex tipprevjeni mill-evażjoni tat-taxxa.
Filwaqt li fakkru li huma minn ta' quddiem fil-ġlieda għall-ugwaljanza, jisħqu illi waħda mill-kisbiet hija l-ġlieda kontra l-estremiżmu fl-UE u fakkru kif il-grupp politiku kien fuq ta' quddiem biex jimbutta passi kontra l-Gvernijiet tal-Polonja u l-Ungerija, fost oħrajn.
Min imexxi dan il-grupp?
Hija social worker, membru tal-Partit Soċjalista Spanjol u ilha Membru Parlamentari Ewropew sa mill-2004. Il-President tas-Soċjalisti hija Iratxe García Pérez.

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.



