Il-Covid-19 u l-bidla fil-klima qed iwasslu għal 'splużjoni' fil-ġuħ - il-Ġnus Magħquda tgħid lill-MEPs

Minn 135 miljun dawk fir-riskju ta' ġuħ telgħu għal 270 miljun. Rappreżentant tal-Ġnus Magħquda jitkellem u jirrispondi lill-MEPs dwar il-ġuħ u kif il-bidla fil-klima qed twassal biex din il-problema tikber sew... 

Waqt laqgħa fil-Parlament Ewropew organizzata mill-Kumitat tal-Iżvilupp tal-istess Parlament Membri Parlamentari Ewropej semgħu kif il-Covid-19 kompliet twassal biex miljuni madwar id-dinja jiżdiedu mal-lista ta' persuni li jbatu l-ġuħ.  

Fil-fatt filwaqt illi erba' snin ilu kienu 80 miljun persuna fir-riskju ta' ġuħ, dan żdied b'55 miljun (għal 135 miljun) sa qabel il-pandemija Covid-19.  Din il-pandemija kompliet tiggrava s-sitwazzjoni b'mod allarmanti ħafna, tant li l-problema ta' persuni b'riskju li jbatu l-ġuħ madwar id-dinja żdiedet b'100%: Minn 135 miljun għal 270 miljun! 

Dan qalu lill-Parlament Ewropew id-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Dinji għall-Ikel tal-Ġnus Magħquda David Beasley li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-MEPs u li qal ukoll illi in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel madwar id-dinja żdiedet minn 650 miljun persuna fl-2019 għal 811-il miljun persuna fl-2020 - is-sena tal-pandemija.  

Beasley qal li hemm b'kollox mal-40 miljun persuna "iħabbtu fuq il-bieb tal-ġuħ" f'madwar 43 pajjiż - l-ifqar pajjiżi fost il-fqar.  

Hu sostna li hemm tliet fatturi prinċipali li qed iwasslu għall-ġuħ madwar id-dinja, li huma: Il-Bidla fil-klima, il-kunflitt u fl-aħħar snin il-pandemija tal-Covid-19 li jfakkar illi wasslet ukoll biex jingħalqu l-portijiet u f'xi każi fornituri tal-ikel ma waslux. "Konna ħsibna li l-pandemija mhux se tibqa' magħna wara l-2020, imma qegħdin fl-2021 u l-pandemija għadha għaddejja. Ninsabu fi kriżi!" 

Huwa għamel twissija fid-dawl ukoll ta' miżuri li qed jittieħdu madwar id-dinja bħalissa u jisħaq illi jekk id-deċiżjonijiet dwar il-virus jittieħdu "f'vakuum l-effett ta' dan ikun agħar mill-marda nnifisha." 

Hu spjega kif biex il-Ġnus Magħquda tgħin lill-madwar 40 miljun persuna li jinsabu f'xifer il-ġuħ madwar id-dinja teħtieġ madwar $6.7 biljun. Għalhekk saħaq illi l-aqwa soluzzjonijiet jistgħu jkunu biss dawk li jgħinu l-pajjiż jsolvi l-problemi f'pajjiżu - kemm jekk huwa kunflitt u anke problemi li qed iġġib magħha l-bidla fil-klima.  

"L-ispiża ta' immigranti li qed jitilqu minn pajjiżhom minħabba ġuħ jew waħda mill-problemi li qed insemmu hija straordinarja - bejn €50 u €100 kuljum!" kompla jispjega lill-MEPs. 

Huwa reġa' wissa lill-MEPs li kienu qed isegwu: "Is-seba' jew tmien xhur li ġejjin huma kruċjali. Għandna obbligu li nieħdu azzjoni! Jekk ma niħdux azzjoni l-konsegwenzi se jkunu katastrofiċi."  Beasley fil-fatt qal li l-Ġnus Magħquda qed tbassar li sal-2050 1.2 biljun persuna se jkollhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba diversi problemi, fosthom ġuħ ikkawżat minn kunflitt, Covid-19 u bidla fil-klima.  

Huwa temm iħeġġeġ għal soluzzjonijiet lokali, mhux biss flus u qal li l-Parlament Ewropew għandu jwettaq evalwazzjoni tal-programmi ta' għajnuna li qed tagħti l-Unjoni Ewropea u liema minnhom qed iħallu biżżejjed impatt. Hu tefa' botta u qal li ma jistax jifhem kif kuljum waqt il-pandemija kien qed jinħoloq biljunarju b'medja ta' ġid ta' żewġ biljuni filwaqt li hu qed jittallab għal flus biex nies ikunu jistgħu jieklu! 

Intant diversi MEPs staqsew mistoqsijiet lil Beasley u uħud minnhom għaddew kummenti wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-ġuħ u l-bidla fil-klima.  

L-MEP Bernhard Zimniok - mill-Partit Identità u Demokrazija - sostna illi l-ħafna diskors li qed isir huwa "ipokrezija" għax skont hu l-problema kruċjali u ewlenija tibqa' l-isplużjoni fil-popolazzjoni tad-dinja. Għalhekk huwa sostna li jkun żball illi wieħed jara l-fondi bħala s-soluzzjoni ta' kollox.  

"Qed nitkellmu fuq 100 miljun persuna li qed tbati mill-ġuħ fid-dinja u l-affarijiet jaf huma agħar minn hekk u s-sitwazzjoni mhix titijieb," saħaq l-MEP Zimniok.  

Huwa akkuża lill-Ġnus Magħquda li mhumiex joffru s-soluzzjonijiet it-tajbin u li ħadd mhu jitkellem dwar il-kunflitti li qed iwasslu għal dawn il-problemi, kunflitti - jisħaq l-MEP - li wħud minnhom huma sostnuti mill-Ewropa.  

L-MEP Spanjol mill-partit The Left Miguel Urban Crespo semma' l-ħela tal-ikel u saħaq li l-maġġoranza tal-ikel jinħela waqt il-produzzjoni, it-trasport u l-bejgħ u appella biex l-istakeholders - speċjalment kumpaniji kbar - ikunu parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema.   

MEP ieħor - Antoni Comin I Oliveres - sostna li hemm fraġilità partikolari f'dak li jirrigwarda vijabilità tal-ikel u qal li hemm ċerti pajjiżi li tant huma vulnerabbli li f'każ ta' pandemija jew problemi bħal kunflitti mill-ewwel ikollhom problemi fil-fornitura tal-ikel.  

L-MEP Marlene Mortiler mill-Partit Popolari Ewropew fakkret illi hekk kif il-popolazzjoni tad-dinja u tal-Ewropa qed tiżdied jeħtieġ ikun hemm fornitura akbar tal-ikel. Hija kkritikat lill-Kummissjoni Ewropea li qalet illi ppermettiet li l-Ewropa tipproduċi inqas permezz ta' diversi inizzjattivi, "li jfisser illi se jkollna nimpurtaw aktar." Hi staqsiet jekk il-Ġnus Magħquda hix qed tgħin biex pajjiżi fqar jipproduċu aktar ikel.  

 

Ġuħ kbir ikkawżat mill-bidla fil-Klima fil-Madagascar! 

Il-Madagascar mhux pajjiż li ħafna Maltin huma familjari miegħu - apparti għal film animat u popolari li jġib l-istess isem. Din il-gżira - waħda mill-akbar fid-dinja u waħda mill-isbaħ ukoll - bħalissa qed tesperjenza sitwazzjoni ta' ġuħ gravi.  

Waqt id-diskussjoni Bealsey qal lill-MEPs preżenti li din il-gżira fl-Afrika qed tesperjenza l-agħar nixfa u ġuħ fi snin hekk kif ħafna mill-ħaxix li minnu jiddependu eluf ta' nies mhumiex jikbru. Dan kollu - naturalment -  kien ikkumplikat aktar bil-pandemija tal-Covid-19.  

"In-nies tal-Madagascar qed ibatu mid-deċiżjonijiet ta' pajjiżi oħrajn li qed iwasslu għall-bidla fil-klima bis-sitwazzjoni hawnhekk tkun waħda ħażina ħafna," qal Beasley. Huwa sostna li biex biss jitwassal biżżejjed ikel mill-Ġnus Magħquda l-operazzjoni se tiswa €80 miljun.  

Aryn Baker, f'artiklu fuq it-Time Magazine  nhar l-20 ta' Lulju, jispjega l-gravità tas-sitwazzjoni u jisħaq li n-nies ta' din il-gżira qed jgħaddu minn "tbatija li ma tistax timmaġinaha, b'familji ipartu anke borom jew xi mgħarfa għal ftit tadam jew tiġieġ jew ross - minn dak li għad fadal fis-suq."  Huwa jgħid li l-art hija mimlija ramel, mingħajr ilma u bi ftit ċans ta' xita. 

Huwa jgħid illi l-Madagascar - mingħajr diżastri naturali jew kunflitti - huwa l-ewwel pajjiż fid-dinja li qed jesprjenza l-ġuħ minħabba l-effetti tal-bidla fil-klima.  

Beasley qal li apparti li jintbagħat l-ikel, hemm bżonn soluzzjonijiet fit-tul biex inaqqsu minn din il-problema, fosthom sistemi ta' irrigazzjoni, ħażna tal-ilma u pjan strateġiku sħiħ u komprensiv.  

 

U l-UE x'qed tagħmel? 

L-UE - sa mill-2010 - ilha tagħti assistenza umanitarja marbuta mal-ikel, liema għajnuna għenet iktar min 100 miljun persuna. 

20% mill-għajnuna umanitarja kollha li tagħti l-UE tmur biex tingħata assistenza ta' emerġenza għall-ikel u hija adattata għal gruppi differenti ta' nies.  

Meta jkun hemm biżżejjed ikel, imma problema finanzjarja ta' ħafna nies biex jixtru dan l-ikel l-UE tagħti dawn il-flus biex jinxtraw il-prodotti, li tqis aktar effiċjenti milli tibgħat prodotti madwar id-dinja.  

Il-Kummissjoni Ewropea hija membru tal-Konvenzjoni għall-Assistenza tal-Ikel u tipprovdi €350 miljun kull sena biex tnaqqas l-insigurtà fil-provvista tal-ikel.  

Fl-2020 l-UE allokat €500 miljun għal dan il-għan. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024