Sfortunatament għad ma hemmx - sa issa - rikonoxximent tal-istatus ta' diżabilità bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li qed tagħmilha aktar diffiċli biex persuna b'diżabilità tkun tista' tgawdi mid-dritt ta' moviment ħieles bl-iktar mod iffaċilitat. Għalhekk rapport mill-MEP Malti Alex Agius Saliba qed jisħaq u jappella lill-Istati Membri kollha biex jirrikonoxxu l-istatus ta' diżabilità mogħti minn stat membru ieħor, sabiex b'hekk tkun massimizzata l-mobilità tax-xogħol u l-benefiċċji relatati ma' kundizzjonijiet ta' servizz.
F'kummenti mal-gazzetta ILLUM Alex Aguis Saliba jagħti żewġ eżempji ta' dawk li qed jiġu affetwati b'mod ħażin minn dan in-nuqqas ta' armonizzazzjoni: Persuni li jbatu mill-Fibromyalgia u anke dawk li jbatu mill-Chronic Fatigue Syndrome (ME). Huwa jispjega illi minkejja li f'Malta u f'ħafna pajjiżi oħrajn tal-UE dawn għandhom status ta' persuna b'diżabilità, f'ċerti pajjiżi oħrajn tal-UE dan l-istatus jaqa' - għax dawn il-kundizzjonijiet mhumiex meqjusin bħala diżabilità.
"Din hija l-akbar problema ta' persuni b'diżabilità u dan ir-rapport - 'Draft Report on the Protection of Persons with Disabilities through Petitions: Lessons Learnt' - huwa mibni proprju fuq drittijiet mibnijin u msemmijin fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda u fuq numru ta' petizzjonijiet matul is-snin li telgħu quddiem il-Parlament Ewropew," sostna Aguis Saliba.
Agius Saliba qal li l-unika strument li jaċċerta xi ħaġa simili hija l-Karta ta' Diżabilità li ssemmiet fl-Istrateġija għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. Huwa jgħid illi l-proposta tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli li din il-card tkun obbligatorja għall-pajjiżi kollha tal-UE "huwa pass 'il quddiem" imma jisħaq li mhuwiex biżżejjed.
Mal-ILLUM Agius Saliba jfakkar li din il-card mhux se tagħti definizzjoni armonizzata ta' diżabilità, xi ħaġa li jgħid illi hija faċli li ssir u li diġà ġiet proposta mill-European Disability Forum.
Ir-rapport jinnota kif madwar 25% taċ-ċittadini Ewropej ibatu minn xi forma ta' diżabilità u jgħid li anke l-UE innifisha tgawdi minn status ta' diżabilità armonizzat minflok is-sistema preżenti ta' regoli u definizzjonijiet differenti għal pajjiżi differenti.
Ir-rapport juri tħassib għall-fatt li l-aċċessibilità u l-aċċess f'ambjent mibni ma kienx inkluż fl-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, filwaqt iżda li tfaħħar l-inizjattiva tal-istess Kummissjoni għal Pjan ta' Azzjoni għall-Aċċessibilità Onlajn.
Ir-rapport iħeġġeġ lill-entitajiet tal-UE biex jassiguraw illi l-websites kollha tagħhom huma aċċessibbli għal kulħadd, inkluż dawk bi bżonnijiet speċjali. B'mod iktar ġenerali r-rapport jisħaq li persuni b'diżabilità jeħtieġ ikunu parti mit-trasformazzjoni diġitali.
1% tal-petizzjonijiet quddiem il-PE kienu minn persuni b'diżabilità
Ir-rapport tal-MEP Agius Saliba jgħid illi 1% tal-petizzjonijiet li waslu quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (PE) kienu ġejjin minn nies b'diżabilità b'diversi kwistjonijiet fosthom nuqqas ta' aċċess fit-trasport pubbliku, trattament ugwali u anke fuq kwistjonijiet ta' awtonomija.
Fil-fatt fit-tmiem tiegħu r-rapport jelenka l-petizzjonijiet kollha li resqu quddiem il-PE, fosthom il-qagħda prekarja tas-sitwazzjoni għal persuni b'diżabilità fl-Ungerija (2015), fuq kif il-GDPR tista' taffetwa l-aċċess għall-internet għal persuni b'diżabilità (2018) u fuq il-bżonn ta' akkomodazzjoni aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u dawk bi problemi ta' mobilità (2020).
Ir-rapport ifakkar kif il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Anti-Discrimination Directive għadha ma kisbitx il-kunsens tal-Kunsill Ewropew (mill-Istati Membri, jiġifieri).
Fir-risposta Parlamentari tagħha fi Frar ta' din is-sena l-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli sostniet illi l-Kummissjoni qed tkompli bit-tentattivi tagħha biex tasal fi ftehim f'dawn in-negozjati.
Fir-risposta tagħha lill-MEPs hija qalet illi l-Pjan tal-UE kontra r-Razziżmu (2020 - 2025) U L-Istrateġija għall-Ugwaljanza LGBTIQ (2020 - 2025(4), it-tnejn jappellaw lill-Kunsill biex jadottaw tali proposta.
Ir-rapport ta' Agius jgħid illi diversi petizzjonijiet li saru fl-aħħar żmien juru wkoll kemm il-pandemija Covid-19 iggravat il-ksur ta' drittijiet tal-bniedem fil-konfront ta' persuni b'diżabilità.
Agius Saliba u l-MEPs l-oħrajn fil-Kumitat sejħu lill-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf Aġenzija Ewropea għall-Aċċessibilità, li tkun responsabbli għall-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet fuq l-aċċessibilità f'leġiżlazzjoni u politika tal-UE u biex tqajjem aktar għarfien dwar l-importanza ta' aċċessibilità.
Fil-fatt l-għanijiet ta' dan ir-rapport jistgħu jinqasmu fi tlieta: Il-bżonn ta' aktar għarfien, il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tassigura li l-Liġijiet qed jiġu mħarsa u finalment li l-Kummissjoni ttejjeb liġijiet eżistenti fejn dawn mhumiex adegwati.
Dan ir-rapport ġie approvat b'31 vot favur u tliet astensjonijiet