'Huwa fl-interess tagħna li nipprevjenu kriżi oħra ta' migrazzjoni u li jkollna strateġija għall-Afganistan'

MEPs minn Kumitati differenti tal-Parlament Ewropew jgħidu li l-irtirar tat-truppi Amerikani "mingħajr kundizzjonijiet" wassal għal "kollass xokkanti tal-istituzzjonijiet"

It-Talibani ħadu l-kontroll tal-Afganistan
It-Talibani ħadu l-kontroll tal-Afganistan

Wara l-iżviluppi drammatiċi fl-aħħar jiem u sigħat il-Membri Parlamentari Ewropej mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u mill-Kumitati għall-Iżvilupp u dak dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Afganistan - esprimew it-tħassib serju tagħhom għal dik li sejħu "kalamità politika, militari u morali" fl-Afganistan u fakkru li dan il-pass mit-Taliban - li issa ħadu kontroll ta' dan il-pajjiż wara snin illi matulhom l-Istati Uniti u n-Nato kienu bbażati fl-Afganistan - huwa inkwetanti ferm.

Il-President Amerikan Joe Biden sostna illi hu kellu għażla - bejn li jżomm man-negoazjati biex jirtira t-truppi jew inkella jibgħat eluf ta' membri tas-servizz militari lura fl-Afganistan għal dik li sejjaħ "it-tielet diċenju ta' gwerra."

Biden qal illi hu mhux se jirrepeti l-istess żbalji tal-passat u allura sostna li hu jżomm ma' din id-deċiżjoni. 

'Kollass xokkanti tal-istituzzjonijiet'

L-MEPs iżda fakkru li l-fatt li t-truppi rtiraw mingħajr kundizzjonijiet wassal għall-kollass xokkanti tal-istituzzjonijiet Afgani u l-forzi tas-sigurtà, "xi ħaġa li ħalliet lit-Taliban jieħu kontroll tal-pajjiż malajr."

"F'dan il-mument drammatiku, l-aktar kruċjali hija l-għajnuna militari. Għalhekk aħna nsejħu biex b'urġenza il-partijiet kollha jassikuraw u jiffaċilitaw it-tluq sigur u organizzat ta' barranin u nies mill-Afganistan - li jixtiequ jitilqu mill-pajjiż," sostnew l-MEPs. Huma qalu illi t-tluq minn Kabul jeħtieġ ikun assigurat b'kull mezz possibbli u sostnew li l-Unjoni Ewropea għandha "responsabilità morali" lejn dawk li ħadmu għal entitajiet tagħha, mseħbin fin-Nato u organizzazzjonijiet ta' soċjetà ċivili u internazzjonali li jinsabu f'dan il-pajjiż.

Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lil dawk li issa jinsabu fil-poter biex jastjenu mill-vjolenza "u jirrispettaw id-drittijiet umani bażiċi u l-liġi internazzjonali umanitarja kif ukoll il-kisbiet tal-aħħar 20 sena fl-oqsma tad-drittijiet tan-nisa u tfajliet, id-dritt tal-edukazzjoni, kura u żvilupp soċjali u ekonomiku." 

Huma sostnew illi l-UE flimkien ma' msieħba oħrajn jeħtieġ jitrattaw b'mod urġenti il-kriżi umanitarja fil-pajjiż u r-reġjun, ikkawżata mill-kunflitti, nuqqas ta sigurtà tal-ikel, nixfiet u l-pandemija Covid-19. "Huwa fl-interess tagħna li nipprevjenu kriżi oħra ta' migrazzjoni. Għalhekk l-UE jeħtieġ tiżvilupa strateġija għall-Afganistan u r-reġjun billi tieħu kont taċ-ċirkostanzi l-ġodda - quddiem il-fatt li r-Russja u ċ-Ċina se jippruvaw jimlew "il-vojt politiku" malajr."

L-MEPs qed jitolbu wkoll biex il-Pakistan, l-Iran u l-Indja jilgħabu parti kostruttiva fl-irwol fl-Afganistan.
 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024