Iħeġġu lill-PE ma jirrikonoxxix dak Russu jekk l-elezzjonijiet isiru bi ksur ta' prinċipji demokratiċi

Ir-rapport ta' Kumitat tal-Parlament Ewropew (PE) qed jisħaq ukoll li l-UE hemm bżonn li "tnaqqas mid-dipendenza li għandha fuq ir-Russja fuq il-gass, iż-żejt u l-materja prima

Vladimir Putin
Vladimir Putin

Matul ix-xahar ta' Lulju il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-UE ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropeqa sabiex tikkumbatti dik li qed isejħu "politika agressiva tar-Russja" filwaqt li qed isostnu wkoll illi għandu jkun preparat qafas ta' kooperazzjoni sabiex dan il-pajjiż isir tabilħaqq wieħed demokratiku. 

L-MEPs fuq il-Kumitat qalu li l-UE għandha tkun lesta li ma tirrikonoxxix lill-Parlament Russu "jekk l-elezzjonijiet ta' din is-sena huma kkunsidrati illi saru bi ksur tal-prinċipji demokratiċi u l-liġi internazzjonali."

Fl-assessjar tal-Kumitat fir-rigward tar-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u r-Russja l-MEPs qed jisħqu li "l-Parlament jeħtieġ jagħmel differenza bejn il-poplu Russu u l-President Vladimir Putin" li jmexxi dak li jsejħu "reġim." Il-Kumitat jiddeskrivi dan ir-reġim bħala "awtoritarju u kleptokratiku, immexxi minn President-għal-ħajtu mdawwar b'oligarkija." Minkejja dan huma jsostnu illi r-Russja xorta għandha futur demokratiku quddiemha u allura appellat lill-Kunsill Ewropew biex jadotta strateġija - b'inċentivi u kundizzjonijiet - biex b'hekk tissaħħaħ id-demokrazija.

Dan ir-rapport miktub mill-MEP mill-Litwanja Andrius Kubilius, kien approvat b'56 vot favur, disa' kontra u ħames astensjonijiet.

Ir-rapport qed jipproponi, fost oħrajn, li l-UE tistabilixxi alleanza mal-Istati Uniti u msieħba oħrajn sabiex t-tentattivi "kemm tar-Russja u anke taċ-Ċina" li jdgħajfu d-demokrazija madwar id-dinja u "jiddistabilizzaw l-ordni politika fl-Ewropa" jiġu nnewtralizzati. Għalhekk huma qed jgħidu wkoll li l-UE għandha tikkunsidra sanzjonijiet u politika li tilqa' għal moviment ta' flus u li tappoġġja attivisti ta' drittijiet umani. 

Appoġġ lill-pajjiżi madwar ir-Russja

L-MEPs qed jisħqu wkoll li l-UE għandha tkompli tappoġġja lill-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u tippromovi riformi ewropej u libertajiet fundamentali. Huma qalu li dan għandu jsir fid-dawl tal-influwenza u anke aggressjoni tar-Russja lejn dawn il-pajjiżi.

Ir-rapport qed jisħaq ukoll li l-UE hemm bżonn li "tnaqqas mid-dipendenza li għandha fuq ir-Russja fuq il-gass, iż-żejt u l-materja prima, għallinqas sakemm idum President Putin." Huma qalu li l-Patt Aħdar Ewropew se jkun kruċjali f'dan ir-rigward. 

Għalhekk l-MEPs sostnew li l-UE jeħtieġ twaqqaf "flus maħmuġin" li ġejjin mir-Russja, kif ukoll tesponi ir-riżorsi u l-assi finanzjarji "tal-awtokratiċi u l-oligarki Russi moħbijin fi stati membri tal-UE."

Kubilius saħaq illi hija priorità tal-UE li "tiddefendi d-demokrazija". Huwa qal li l-UE trid taħdem fuq l-assunzjoni li l-bidla hija possibbli fir-Russja u jrid jkollha "l-kuraġġ li tieħu pożizzjonijiet iebsin fil-konfront tal-Kremlin."

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024