Fl-aħħar snin, iktar minn qatt qabel, id-diskussjoni f'pajjiżna dwar il-ġurnaliżmu u l-midja in ġenerali ħadet spinta, l-aktar imbuttata mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Għalkemm mhuwiex soljev, diskussjoni fil-Parlament Ewropew weriet biċ-ċar li l-isfidi, il-pressjonijiet u anke t-theddid u l-attakki li qed jiffaċċjaw il-ġurnalisti u dawk kollha li jaħdmu fil-midja hija mifruxa mal-UE kollha.
Waqt id-diskussjoni li ġiet organizzata mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew, kienet ikkwotata statistika minn Lutz Kinkel, id-Direttur Maniġerjali taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Midja, li turi illi matul l-2020 fil-pajjiżi kollha tal-UE u anke r-Renju Unit kien hemm 425 ilment minn ġurnalisti jew nies fil-midja. Dawn l-ilmenti kienu ġejjin minn 1,181 persuna jew entità affetwata, minn 29 pajjiż.
L-istess statistika turi illi l-aktar ilment komuni kien dak li jitratta abbuż fiżiku jew psikoloġiku, f'287 tal-każi jew 67.5%. It-tieni l-aktar ilment komuni kien dak ta' fastidju, li dwaru saru 209 ilmenti (49%) u warajh il-pressjoni legali fuq ġurnalisti u djar tal-midja - fost oħrajn permezz ta' SLAPP, libell li jhedded l-struttura u l-vijabilità finanzjarja tal-ġurnalist jew l-entità li jaħdem fiha. Fil-fatt dwar dan saru b'kollox 138 ilment (32.4%). Ir-raba' l-aktar komuni huwa assalt fiżiku, b'97 ilment (22.8%) u warajh b'74 ilment (17.4%) attakki jew theddid fuq il-proprjetà tal-ġurnalist.
Kien hemm ukoll 58 ilment (13.6%) ta' ċensura.
L-istess statistika taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Midja juri illi l-maġġoarnza ta' dawk li wettqu dawn l-attakki kienu individwi privati, b'37.4%.
Intant l-akbar numru ta' ilmenti kienu minn ġurnalisti jew ħaddiema oħrajn tal-midja (fotografi, vidjografi...) li kienu qed jagħmlu xogħolhom waqt dimostrazzjoni. B'kollox kien hemm 117-il ilment ta' din in-natura (27.5%).
Kien hemm 60 ilment (14%) ta' attakki onlajn u 56 (13%) ta' attakki f'postijiet pubbliċi.
Tnaqqis fid-dħul u l-midja soċjali - fost l-akbar sfidi tal-ġurnaliżmu
Intant waqt din id-diskussjoni ġew elenkati numru ta' sfidi li qed tiffaċċja l-midja madwar l-UE kollha minn Łukasz Lipiński, Deputat Editur ta' Polityka u Editur ta' Polityka.pl pubblikazzjoni Pollakka ċentru-xellugija.
Waħda mill-akbar sfidi jgħid Lipiński huwa t-tnaqqis fid-dħul, b'mod ġenerali, fosthom mir-riklami, in-nuqqas ta' regolamenti ċari fejn anke jirrigwarda copyright u l-fatt li l-qawwa u l-kobor tal-midja soċjali qed twassal biex kulħadd isir xandar tal-aħbar u "ġurnalist".
Hemm problemi oħrajn iżda, fosthom dawk relatati mat-teknoloġija u allura l-fatt li ħafna drabi d-distribuzzjoni tal-kontenut huwa kkontrollat minn Search Engines (per eż. Google) u dawk relatati mad-demokrazija u s-saltna tad-dritt f'pajjiż partikolari. Lipiński qal li kull fejn il-polarizzazzjoni tant tkun kbira, ħafna drabi tkisser il-"midde ground" fil-politika u allura jkun hemm biss żewġ estremi - ambjent li jwassal biex jiddgħajjef u jiġi attakkat il-ġurnaliżmu indipendenti.
Finalment allura jiġbor kollox fi tliet pressjonijiet li qed isiru fuq il-midja: Pressjoni legali, pressjoni ekonomika u pressjoni politika.
Il-każ tal-Polonja
L-aktar pajjiż li ssemma waqt din id-diskussjoni kien il-Polonja, mhux biss għax kien hemm Lipiński, imma wkoll għax f'dan il-pajjiż seħħet xi ħaġa li Scott Griffen, id-Deputat Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Midja (IPI) iddeskriva bħala "inkwetanti ħafna."
Il-kumpanija PKN Orlen li fir-realtà hija kumpanija tal-fjuwil u żejt, xtrat il-Polska Press mill-Grupp Ġermaniż Verlagsgruppe Passau. Din il-kumpanija b'hekk xtrat 20 gazzetta li toħroġ kuljum, 120 magażin li joħroġ kull ġimgħa u 500 portal - li b'kollox ifisser madwar 17.5 miljun qarrej.
Dan ifisser li kumpanija kummerċjali mhux biss għandha saħħa bla preċedent fuq il-messaġġ li se jingħata talli l-interessi kummerċjali tagħha se jkunu ikbar mill-bżonn ta' ġurnaliżmu investigattiv.
Agħar minn hekk iżda PKN Orlen kienet irrappurtata li keċċiet għexieren ta' ħaddiema , madwar 245 ġurnalist u editur u li minflokhom daħħlet persuni magħżulin minnha.
Din is-sena stess il-Gvern Pollakk daħħal taxxa fuq id-dħul tal-midja mir-riklamar, filwaqt li kienu saru 187 azzjoni legali, li minnhom 66 kienu SLAPP. Il-Gvern Pollakk qed ikun akkużat, fost oħrajn, li attakka lill-ġurnalisti, ikkanċella akkreditazzjoni ġurnalistika għal atitivtajiet filwaqt li ffinanzja "b'mod sproporzjonat" lill-midja tal-Gvern.
'Ambjent ostili għall-ġurnaliżmu f'ħafna pajjiżi tal-UE'
Waqt din id-diskussjoni Tom Gibson, ir-Rappreżentant tal-UE fil-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti qal illi f'ħafna pajjiżi tal-UE sar hemm ambjent ostili għall-ġurnaliżmu u semma' l-assassinju kemm ta' Daphne Caruana Galizia, hawn Malta u anke dak ta' Ján Kuciak, fl-Islovakkja. Huwa qal li fiż-żewġ każi, qabel l-assassinji kien hemm elenku ta' theddid legali.
Huwa semma' wkoll kif fl-UE qed jikbru l-attakki diġitali, cyber bullying u l-fastidju politiku.
Gibson sostna li l-mexxejja politiċi jeħtieġ ikunu kontabbli għas-sigurtà tal-ġurnalisti, jieħdu passi biex jindirizzaw l-inkwiet tal-ġurnalisti filwaqt illi jsir skrutinju mill-UE li żżomm lill-Istati Membri kontabbli għas-sigurtà tal-ġurnalisti.
"Irridu leġiżlazzoni li tinkludi dik kontra l-ISLAPP, irridu appoġġ lill-vittmi u taħriġ lill-pulizija. Irridu li l-Att dwar il-Libertà tal-Midja tkun b'saħħitha ... u tħares lejn ir-realtajiet ta' diversi stati membri," sostna Gibson f'waħda mir-risposti lill-MEPs preżenti.
Anna Herold kelliema għall-Kummissjoni Ewropea sostniet li l-Kummissjoni qed taħdem fuq rakkomandazzjonijiet li jassiguraw is-sigurtà tal-ġurnalisti, filwaqt li qed tħares lejn rakkomandazzjonijiet oħrajn bħal standards li jeliminaw l-impunità, li tkun assigurata l-protezzjoni soċjali u li jkunu indirizzati l-problemi ta': Abbuż kontra ġurnalisti onlajn kif ukoll abbuż u fastidju fuq ġurnalisti nisa jew dawk li qed jirrapportaw kwistjonijiet ta' minoranzi.
Griffen tkellem ukoll dwar l-importanza li l-midja tiskopri modi ġodda ta' negozju li jippermettu lill-ġurnaliżmu indipendenti jgħix. Huwa wera' l-preokupazzjoni tiegħu għall-"ħtif" tal-midja hekk kif ħafna minnha tispiċċa f'idejn "alleati tal-Gvern". Huwa qal li meta il-midja tkun maħtufa mill-istat "l-aċċess għall-midja indipendenti jsir diffiċli."