Il-maskri u l-ingwanti ma jgħinux: Il-baħar Mediterran l-iktar baħar imniġġeż fid-dinja

It-tniġġiż tal-baħar fhiex jikkonsisti eżatt u x’inhu jagħmel il-Parlament Ewropew biex jgħin is-sitwazzjoni? Fuq kollox, lil Malta kif jaffettwaha dan kollu? Il-gazzetta ILLUM tanalizza l-aħħar rapport dwar l-impatt tal-iskart tal-baħar

Ilna naraw numru ta’ kampanji fuq il-baħar u l-iskart, mill-kampanji tax-xummiemu jgħid li l-baħar mhux miżbla lura fid-90ijiet għal dawk aktar riċenti eżempju tal- ‘Clean Seas’. Madankollu dawn il-kampanji kollha bħal donnhom ma kienu xejn ħlief filmati li tara darba u tinsa’ l-għada. Minn issa, pero’ daqsekk ċajt għax l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tieħu r-rigni f’ideha.  

‘L-impatt tal-iskart tal-baħar fuq is-sajd', hekk hu msemmi r-rapport li ġie diskuss fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa. Ir-rapport imħejji mill-Kumitat Ewropew għas-Sajd u mir-rapporteur, l-MEP Franċiża Catherine Chabaud, jieħu f’kunsiderazzjoni  leġislazzjoni li l-Unjoni Ewropea (UE) ħadmet fuqhom diġà matul din is-sena fosthom il-famuż Green Deal.  

66,000 trakk għall-ġbir ta' skart mimli plastik mormi fil-Mediterran kull sena 

L-iskart tal-baħar viżibbli fuq il-bajjiet, tul il-kosta, f'żoni kostali u fuq wiċċ l-ilma jirrappreżenta biss frazzjoni tal-fenomenu tat-tniġġis tal-baħar.  

Ir-rapport jgħid li l-maġġoranza tal-iskart (80%) ġej minn attivitajiet fuq l-art, il-kumplament jiġi minn attivatijiet fuq il-baħar fejn ġie rraportat ukoll li hemm żieda sinifikanti fit-trasport minn bastimenti kbar mhux tas-sajd. 

Pero' l-iktar punt xokkanti li joħroġ minn dan ir-rapport hu l-fatt li l-baħar Mediterran hu wieħed mill-iktar ibħra mniġġsa fid-dinja. Il-Fond Dinji għan-Natura (WWF) ikkalkulaw li 730 tunnellata ta' skart jintremew fil-Baħar Mediterran kuljum filwaqt li 11,200 tunnellata ta’ plastik mormi fl-ambjent isib triqtu mal-kumplament tal-iskart. Dan kollu hu ekwivilenti għal 66,000 trakk għall-ġbir ta' skart mimli plastik mormi fil-Mediterran kull sena. 

70% tal-iskart tal-baħar li jispiċċa f'qiegħ il-baħar u l-massa kumulattiva ta' skart li jżomm fil-wiċċ jirrappreżenta biss 1% tal-plastik fl-oċean. 

Minkejja dawn in-numri kollha, ir-rapport jgħid li riċerka xjentifika turi li dawn iċ-ċifri huma biss stima tas-sitwazzjoni li fil-verità hi ferm agħar. L-aħħar riċerka xjentifika turi li l-livell ta' tniġġis tal-plastik fl-oċean ġie sottovalutat u għad hemm nuqqas kbir ta’ għarfien oċeanografiku.  

Il-gżejjer Maltin diġà huma affetwati minħabba li qegħdin fiċ-ċentru tal-Meditterran, iżda jekk hemm bżonn ta’ konferma li Malta tinsab fl-inkwiet, ir-rapport jipprovdi din ukoll. Fil-fatt ir-rapport mal-ewwel isemmi li l-iskart tal-baħar għandu effetti morfoloġiċi negattivi, partikolarment fuq il-gżejjer.  

Fi ftit kliem dan ir-rapport jispjega li l-iskart tal-baħar jakkumula b'mod partikolari madwar gżejjer żgħar. Dawn il-gżejjer bħal Malta jkollhom l-ekonomiji tagħhom bbażati l-aktar fuq is-sajd u t-turiżmu, li t-tnejn jiġu affetwati mit-tniġġiż tal-baħar ukoll. 

L-iskart fil-baħar jħalli impatt sinifikanti fuq is-sajd, tant li huwa saħansitra l-akbar problema fejn hu kkonċernat sajd li jwassal ukoll għal spejjeż kbar. 

Maskri, sigaretti u kontenituri tal-plastik fost l-aktar oġġetti misjuba fil-baħar 

Fil-preżent sirna nisimgħu wkoll biż-żieda ta’ clean-ups organizzati minn attivisti u organizzazjonijiet. Riċentament kellna wkoll l-isfida ta’ Neil Aguis. Dan l-għawwiem, għum bla waqfien minn Linosa f’Sqallija għal Għawdex, b’rekord ta’ 125.6km fi ftit iktar minn 52 siegħa. L-għawma rekord saret bħala parti minn kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar l-iskart tal-plastik fil-baħar.  

Il-Kumitat li ħejja dan ir-rapport studja x’inhuma l-aktar oġġetti li jinstabu fl-ibħra.  Din l-informazzjoni nġabret permezz ta’ dawn in-nies li jorganizzaw clean-ups fl-ibħra. Fost l-aktar affarijiet komuni li nsibu fl-oċean hemm il-fdalijiet tas-sigaretti inkluż tabakk, il-kontenituri u l-flixken tax-xorb, il-boroż, it-tappijiet u issa qed jinstabu wkoll numru kbir ta’ maskri u ingwanti.  

Ir-rapport jgħid li hemm ukoll oġġetti akbar li jagħmlu parti mill-iskart fosthom tagħmir tas-sajd, tifrik ta' bastimenti li għerqu matul is-snin u skart perikoluż bħal splussivi u fdalijiet oħra tal-gwerra. 

Ir-rapport itemm l-ispjegazzjoni tiegħu billi jgħid li hemm bosta pressjonijiet oħra relatati mal-ibħra li hemm bżonn jiġu trattati b’mod immedjat, bħal tibdil fil-klima, sajd illegali u sajd żejjed, u attivitajiet li qed jiżdiedu bħat-trasport marittimu u tat-turiżmu. 

60 proposta mressqa bit-tama li ssir bidla 

Fir-rapport ġew imniżżla 60 proposta mqassma f’ħames kategoriji;  

  • It-titjib tal-qafas leġiżlattiv u l-governanza dwar il-baħar   

  •  It-titjib tar-riċerka u l-għarfien dwar l-iskart tal-baħar  

  •  L-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura  

  •  Programmi ta' ġbir u mmaniġjar għall-iskart tal-baħar  

  •  Edukazzjoni aħjar dwar it-tniġġis tal-plastik nano u mikro. 

Il-Kumitat irrikonoxxa li l-aħjar mod biex innaqsu l-ammonti esaġerati ta' skart fil-baħar huwa jekk innaqsu u nevitaw il-produzzjoni tal-plastik għal kollox. Minflok naħdmu b’materjal li jista’ jiġi riċiklat u nużaw materjali u prodotti li jistgħu jiġu użati iktar minn darba.  

Ir-rapport iħeġġeġ lill-Kumissjoni Ewropea biex issaħħaħ l-irwol tagħha fl-ixjenza oċeanografika. Jelenka wkoll li dan hu ċ-ċans biex nagħmlu użu tajjeb mill-inteliġenza artifiċjali u t-tekonoloġija biex mhux biss ninfurmaw ruħna iżda biex nibdew ukoll nieħdu azzjoni dwar dak kollu li qed jiġra fl-ibħra tad-dinja inkluż dawk ‘l bogħod mill-Mediterran. 

Intant ir-rapport jiddedika sezzjoni sħiħa għal programmi ta' ġbir ta’ skart fil-baħar. Din is-sezzjoni tibda billi tenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni ġbir ta' skart fuq l-art, primarjament ir-rimi ta' skart mhux xieraq speċjalment fi bliet kostali, bliet mibnija max-xmajjar u gżejjer. Dan ifisser li l-immaniġjar tal-iskart jiġi infurzat aktar f’dawn il-bliet u l-gzejjer bħal Malta. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej