L-Imħabba għamja: ‘l-Aggressur dejjem kien persuna li l-vittma tafda b’għajnejha magħluqa’

Faċli tgħid “missha telqitu!” iżda fil-verità l-istorja taf tkun ferm iktar ikkumplikata. Il-Parlament Ewropew joħroġ rapport biex jgħin lill-vittmi tal-vjolenza domestika u lill-uliedhom 

Il-vjolenza domestika ilha magħna għal sekli, jaf qabel kienet sa ċertu punt aċċetabli minħabba li l-mara kienet titqies bħala propjetà tar-raġel. Min jaf kemm il-mara inqatlet waqt li kienet f’relazzjoni tossika u s-sentenza tal-aggressur kienet waħda minima bl-iskuża li kien qtil mmotivat mill-passjoni.  

Maż-żmien dan kollu nbiddel fid-dinja tal-punent u allaħares ma kienx hekk. Minkejja dan ma nistgħux ma nammettux li l-vjolenza domestika għadha preżenti sal-ġurnata tal-lum. Dan is-suġġett ġie diskuss f’dettall f’rapport maħruġ mill-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Legali (JURI) b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM). 

Ir-rapport innifsu jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza domestika u jelenka l-fatt li vittmi li jibqgħu esposti għall-vjolenza domestika jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tagħhom. Ejja naraw f’iktar dettall xi jsarraf dan ir-rapport tal- MEP Taljana Luisa Regimenti, u l-MEP Griega Elena Kountoura. 

Vjolenza domestika tibqa titqies mill-UE bħala ‘l-akbar ostaklu għall-ugwaljanza’ 

Ir-rapport innifsu jagħraf li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali u objettiv importanti tal-UE iżda jelenka li l-vjolenza domestika tibqa’ forma estrema ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa filwaqt li hija l-akbar ostaklu li baqgħalna niġġieldu biex bħala UE niksbu ugwaljanza bejn is-sessi. 

‘Vjolenza domestika’ f’dan ir-rapport tirreferi għal kwalunkwe att ta' natura fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika. Jirreferi wkoll għal vjolenza li ssir fuq vittmi li jaqsmu dar mal-aggresur tagħhom u anke jekk le. Għalkemm l-agressur jista jkollu numru ta’ rwoli, l-iktar vjolenza domestika innutata kienet mis-sieħeb intimu tal-vittma eżempju r-raġel, il-partner jew l-għarus tal-vittma. Dan billi kien stmat li 22% tan-nisa li esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali, u 43% li esperjenzaw vjolenza psikoloġika, jesperjenzawha mis-sieħeb tagħhom. 

Din sintendi toħloq problema soċjali serja u spiss moħbija li tista' tikkawża iktar problemi ‘l quddiem speċjalment trawma psikoloġika b'konsegwenzi serji għall-vittmi. L-istatistika turi wkoll li l-agressur dejjem kien persuna li l-vittma tafda b’għajnejha magħluqa u għalhekk r-rapport jikkunsidra l-abbuż bħala tradiment ukoll. 

Vjolenza domestika mis-sieħeb intimu tal-vittma, li diġà għidna li hi l-iktar komuni, timxi id f’id mal-abbuż fuq it-tfal. It-tfal li huma esposti għall-vjolenza domestika huma l-iktar li jsofru konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa mentali u fiżika li jkun ukoll ta' natura kronika. Il-vittimizzazzjoni tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza kontra n-nisa jistgħu jkomplu jeskalaw is-sitwazzjoni wkoll fil-kuntest ta' tilwim ‘ġdid’ bejn il-ġenituri dwar il-kura li ħafna drabi tispiċċa tkun non-eżistenti. 

Fil-każ ta’ tfal, ħafna jgħidu li tfal huma bħal sponża, li tixrob dak kollu li ssib madwarha. Din hi r-raġuni għaliex ir-rapport jelenka li tfal li jkunu xhud ta’ abbuż huma affetwati daqs tfal oħra li jgħaddu mill-abbuż huma jew inkella li jiġu trattati ħażin. Kien innutat li tfal, vittmi tal-abbuż jew li jkunu xhud, jgħaddu minn konsegwenzi serji b’mod speċjali fuq l-iżvilupp psikoloġiku u emozzjonali. 

Allura x’jiġri la darba l-vittma tkun xebgħat taqla fuq wiċċha u tiddeċiedi li titlaq l-agressur u tibni futur? Ir-rapport juri li iktar faċli tgħidha milli tagħmilha. Apparti li ġeneralment il-vittmi ma jkollhomx ir-riżorsi u l-finanzi li jippermettu li jdawwru ħajjithom għall-aħjar. Ir-rapport jgħid li ġeneralment l-abbuż ma jiqafx anke meta l-vittma titlaq mid-dar, l-abbuż iżda jaf jinbidel kemm fil-forma u anke’ fl-intensità. Hawn jidħol il-fenominu ta’ “vjolenza fis-separazzjonijiet" u l-kustodja tal-ġenituri.  

Il-kustodja ta’ tfal tilgħab rwol importanti f’dan is-suġġett ukoll 

Ġaladarba l-vittma tkun rabbiet il-kuraġġ biex titlaq l-aggressur, il-pass li jmiss ikun il-kustodja tat-tfal. Mhux l-ewwel darba li ġie nnutat li vittma tibqa’ għall-abbuż biex uliedha ma jbatux u ma jgħaddux minn din il-fażi. 

Ir-rapport jirrikonoxxi li d-dritt ta' kull tifel u tifla hu li jżomm kuntatt maż-żewġ ġenituri, iżda jista’ jagħti l-każ li dan id-dritt jiġi ristrett għall-aħjar interessi tal-istess tfal. Hemm każi wkoll fejn il-proċedura timponi tip ta’ kustodja bħal dik kondiviża li tipperikola d-drittijiet u s-sigurtà tal-vittma u/jew tat-tfal. 

Din it-tip ta’ kustodja, tippermeti lill-agressur li jara lit-tfal għal ammont ta’ sigħat jew ġranet. Fir-rapport jiġi spjegat kif kustodja kondiviża f'sitwazzjonijiet ta' vjolenza domestika tesponi lin-nisa għal aktar vjolenza. 

Din it-tip ta’ kustodja tista’ tiġi nnotata f’Malta wkoll anke jekk ir-rapport jirreferi biss għaliha f’ kuntest ta’ pajjiżi kbar li jġiegħlu lill-vittmi jibqgħu fil-viċinanza ġeografika ta' min jabbuża minnhom. 

Iż-żieda fil-każi tal-vjolenza domestika, grazzi għall-pandemija 

Meta wieħed isemmi l-pandemija, mal-ewwel jiġi f’moħħu il-kwarantina jew f’każ ta’ pajjiżi oħra il-lockdowns. Il-kwarantina u l-lockdowns affetwaw lil numru ta’ persuni imma kienu ferm agħar għal vittmi tal-abbuż domestiku. 

Forsi kien faċli għalina li spiċċajna imsakkrin id-dar għal ħmistax sħaħ u wara tlett t’ijiem niċċassaw lejn is-saqaf kellna nagħmlu d-deċiżjoni diffiċli ta’ liema film se naraw fuq Netflix. Madankollu għan-nies li sfaw msakkra mal-agressur tagħhom minħabba kwarantina u lockdown, l-istorja kienet totalment differenti.  

Sfortunatament dawn iż-żminijiet ġew assoċjati ma' żieda kbira u l-intensità ta' każi ta’ vjolenza domestika f’ħafna Stati Membri tal-UE. Ma ninsewx kemm il-kwarantina u l-lockdown jagħmluha diffiċli għall-vittmi biex ikollhom aċċess effettiv ta’ protezzjoni u appoġġ. 

Il-kliem jidhru sbieħ imma x’inhu l-pass li jmiss? 

Ir-rapport jindirizza il-problema tal-vjolenza domestika bi 15 il-proposta. Numru minnhom huma sens komun iżda hemm proposti li jaf issalvaw ħajja u se jgħinu mhux biss lill-vittma. 

Fosthom insibu t-tielet proposta li titlob għal taħriġ obbligatorju mmirat għal uffiċjali ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi dwar vjolenza domestika u l-mekkaniżmi tagħha. Din il-proposta tinkludi fiha taħriġ dwar manipulazzjoni u vjolenza psikoloġika, kif ukoll taħriġ dwar l-effett tal-vjolenza domestika fuq drittijiet tat-tfal speċjalment għall-protezzjoni u l-benesseri tagħhom. 

Ir-rapport jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu qrati u uffiċji ġudizzjarji speċjalizzati,  kif ukoll liġijiet xierqa, taħriġ, proċeduri u linji gwida għal kulħadd inkluż il-vittmi u dawk li jaħdmu magħhom.  

Dan bit-tama li titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza, sabiex jiġu evitati diskrepanzi bejn deċiżjonijiet ġudizzjarji u diskriminazzjoni jew vittimizzazzjoni sekondarja waqt proċeduri ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija. Proposta bħal din tiżgura li t-tfal u l-vittma jinstemgħu kif xieraq u l-protezzjoni tagħhom tingħata prijorità. 

Interessanti wkoll proposta ħamsa li tenfasizza l-importanza tal-irwol tat-tabib li jipprovdi kura mhux biss lill-vittmi iżda wkoll lit-tfal involuti, b’mod partikolari meta l-ambjent li jgħixu fih ma jkunx adattat biex jipproteġi s-saħħa, id-dinjità u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. 

Din il-proposta tfakkar fil-ħtieġa għal prattikanti forensiċi u l-professjonisti involuti biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn linji gwida meħuda minn sett ta’ informazzjoni, evidenza u anke minn prattika fuq livell Ewropew. 

L-aħħar proposta li laqtet lil din il-gazzetta kienet dik li tenfasizza l-importanza li nisimgħu lit-tfal tal-vittmi u l-istorja min-naħa tagħhom. Din il-proposta tgħid li huwa importanti li jiġi stabbilit x'inhu fl-aħjar interess tat-tfal waqt li jkunu qed jeżaminaw każijiet ta' kustodja.  

Is-smigħ għandu jsir f'ambjent li jiffavorixxi t-tfal, mingħajr pressjoni jew influwenza minn ġenituri jew qraba. Din il-proposta tindirizza l-importanza li s-smigħ isir minn professjonisti mħarrġa, inklużi dawk ikkwalifikati fi newropsikjatrija tat-tfal, biex tevita t-trawma u l-vittimizzazzjoni tat-tfal stess. 

Għaliex hemm nuqqas sinifikanti fl-istatistika dwar il-vjolenza domestika? 

Minkejja li r-rapport innifsu hu bbażat fuq numri u fatti, r-rapport iċċara kif l-istatistika hi biss stima. Dan għaliex nafu biċ-ċert li mhux kull vittma tirrapporta l-abbuż li għaddeja minnu u dan jirriżulta għal nuqqas sinifikanti ta’ informazzjoni. 

Sfortunatament ir-rapport jgħid ukoll f'xi Stati Membri l-vjolenza domestika b’mod speċjali minn aggresur intimu spiss tiġi injorata jew saħansittra ġustifikata. Hawn fejn tilgħab irwol importanti s-soċjetà patrijarkali, soċjetà li fiha l-irġiel għandhom il-poter u n-nisa huma fil-biċċa l-kbira esklużi minnha. Dawn il-pajjiżi ħafna drabi lanqas biss jipprovdu statistika dwar il-vjolenza domestika. 

F’dawn l-istati membri ġiet innutata wkoll sistema awtomatika ta’ kustodja konġunta, fejn tiġi injorata kompletament il-vjolenza li qed tgħaddi minnha l-vittma “għall-ġid ta’ tfal”.  Dan kollu jwassal għal konsegwenzi koroh għan-nisa u t-tfal, li jistgħu jeskalaw f'femiċidju u/jew infantiċidju. F'dan il-każ vittmi jeħtieġu miżuri ta' protezzjoni speċjali billi s-sitwazzjoni tal-vittmi x'aktarx jmorru għall-agħar jekk ikunu ekonomikament jew soċjalment dipendenti fuq l-aggressur. 

B’diżapunt il-gazzetta nnutat li r-rapport ma jinkludix il-possibiltà li hawn irġiel li jistgħu jkunu vittmi tal-abbuż domestiku. Meta l-vittmi ġew indirizzati, dejjem ġew indirizzati bħala ‘nisa’ filwaqt li l-aggressur dejjem ġie indirizzat bħal ‘raġel.’ 

L-istatistika turi li l-irġiel li jiġu abbużati huma fil-minoranza. Jaf forsi vera li m’hawnx ħafna irġiel li huma vittmi imma jista’ jkun ukoll li bħal ma hemmx statistika konkreta dwar kemm hemm nisa li jiġu abbużati, m’hemmx ukoll dwar l-irġiel.  

Ma ninsewx li s-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha għad mhux taċċetta li l-irġiel mhux dejjem huma l-macho man li naraw fil-films. Li r-rapport ma jindirizzax realtajiet ta’ vjolenza domestika oħrajn hi ta’ tat-tħassib.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024