Fuq kontinent anzjan li qed jixjieħ bil-ħin ... Il-Parlament Ewropew jiddiskuti id-dilemma demografika

L-UE qed titlef €370 biljun fis-sena minħabba nisa li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jagħtu kura lill-familja u qraba, dan qed iwassal f'differenzi kbar bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet...Il-gazzetta ILLUM tanalizza r-rapport tal-MEP Beata Szydło

Il-popolazzjoni anzjana mistennija tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin
Il-popolazzjoni anzjana mistennija tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin

L-Ewropa qed issir aktar anzjana, hekk kif ir-rata tat-twelid kompliet nieżla, bil-persuni anzjani mistennijin jiżdiedu b'57% sal-2030 u r-rata tat-twelid tibqa' xi ftit jew wisq baxxa. 

Din id-dilemma u l-effetti kollha li ġġib magħha kienu diskussi din il-ġimgħa fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew permezz tar-rapport fuq l-inizjattiva tal-MEP Beata Szydło, liema rapport jagħmel elenku ta' fatti u numri fir-rigward tad-demografija imma anke l-faqar u l-esklużjoni fost l-anzjani ewropej. Ir-rapport jagħmel ukoll diversi proposti magħmulin sabiex l-Unjoni Ewropea tagħti aktar valur u dinjità lill-anzjani.

Fir-rapport jingħad kif l-UE qed titlef madwar €370 biljun fis-sena minħabba nisa li ma jkunux jistgħu jmorru jaħdmu jew ikollhom inaqqsu mill-ħin tax-xogħol  sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-familja jew inkella jagħtu kura lil anzjani fil-familja tagħhom.

Imma ejja nibdew billi nħarsu lejn il-fatti demografiċi u l-effett tagħhom, li dan ir-rapport bl-isem "On an old continent growing older – Possibilities and Challenges related to ageing policy post-2020' jelenka f'dettall. 

Fl-2070 l-Ewropej se jkunu 4% tal-popolazzjoni dinjija minn 13.5% fl-1960

L-ewwenett ifakkar illi l-popolazzjoni Ewropea qed tonqos u filwaqt li fl-1960 l-Ewropej kienu jifformaw 13.5% tal-popolazzjoni globali, fl-2018 kienu jammontaw għal 6.9% u fl-2070 se jkunu madwar 4%. Il-ħaddiema - jiġifieri dawk bejn il-15 u l-64 sena se jonqsu b'mod sinjifikanti, bir-rapport jgħid illi minn 333 miljun ħaddiem Ewropew fl-2016, fl-2070 dawn se jinżlu għal 292 miljun.  Dan filwaqt li huwa pproġettat illi sal-bidu tas-seklu l-ġdid (2100) dawk li għandhom 80 sena jew aktar se jkunu jiffurmaw 14.6% tal-popolazzjoni globali.

L-effetti ta' dan kollu fuq il-qasam tax-xogħol diġà beda jinħass mil-lum stess, hekk kif miljuni ta' impjiegi madwar l-UE qed jimtlew minn żgħażagħ li ġejjin minn pajjiżi terzi (immigranti ekonomiċi).

Ir-rapport fil-fatt ifakkar illi sa mill-2012 dejjem kien irreġistrat tkabbir negattiv, bl-2019 tara 4.7 miljun mewt u 4.2 miljun twelid - differenza ta' nofs miljun. Dan filwaqt li r-rata ta' fertilità niżlet għal 1.55 fl-2018. 

Ir-rapport tal-MEP jisħaq illi dan huwa frott ta' diversi fatturi, "fosthom livelli aħjar ta' saħħa u edukazzjoni, imma wkoll titjib fis-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, kif ukoll inċertezzi u tnaqqis fid-dħul li jaffetwaw l-aktar liż-żgħażagħ."

Kien hawn li r-rapport jgħid illi fid-dawl ta' dan it-tnaqqis l-UE qed tbassar li l-popolazzjoni anzjana se tiżdied b'57% sal-2030 u meta mqabbla mal-2010. 

80% tal-kura mogħtija fl-UE hija minn carers informali

Ir-rapport jelenka wkoll diversi punti u fatti dwar in-nisa, kemm anzjani kif ukoll dawk l-impjegati carers - formali jew le - li ħafna drabi jkunu nisa. 

50% tal-carers taħt il-65 sena fl-UE jikkombinaw il-kura max-xogħol. Il-familja u l-kura ta' anzjani fil-familja hija fil-fatt waħda mir-raġunijiet għaliex l-Ewropa għad għandha livelli baxxi ta' parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Kif diġà rrimarkajna dan qed iwassal għal telf biljunarju kull sena lill-UE. 

Fil-fatt ir-rapport jgħid li 80% tal-kura mogħtija fl-UE hija minn carers informali (mhux carers bħala impjieg) u li 75% minnhom huma nisa.  Dan qed joħloq differenzi bejn il-ġeneru f'termini ta' dħul li qed iwassal ukoll għal differenzi notevoli fil-pensjonijiet tan-nisa u dawk tal-irġiel. 

L-ewwel li jaqilgħuha mill-ispekulaturi

Ir-rapport jisħaq fuq l-importanza tad-dinjità lil persuni anzjani li ħafna drabi jkunu aktar vulnerabbli u allura li jkunu ħafna inqas protetti minn abbuż u sitwazzjonijiet soċjali mhux daqstant tajbin. 

Ifakkar illi l-għixien b'dinjità, "partikolarment għall-anzjani ma jistax ikun maqtugħ mid-dritt ta' housing aċċessibbli, sanitarju u f'kundizzjonijiet komdi li jippermettu lill-anzjani illi jgħixu f'ambjent soċjali protett."

Ir-rapport ifakkar illi f'sitwazzjonijiet ta' pressjoni minn spekulaturi tal-proprjetà, ħafna drabi kienu l-anzjani l-ewwel li ħallsu l-prezz bi żgumbramenti, li wassal għal dipendenza u iżolament soċjali.  

L-ekonomija tal-fidda: Potenzjal li toħloq triljuni għall-ekonomija tal-UE

Le m'aħniex nirreferu għall-fidda li nilbsu jew li narawha ssebbaħ xi palazz jew Knisja armata waqt il-festa. Imma għal dik li bl-Ingliż jgħidulha The Silver Economy, li hija dak kollu li jitratta l-anzjani, il-kura tagħhom, ħolqien ta' teknoloġija li jużaw huma, edukazzjoni u aktar. 

Huwa mifhum li l-ispiża totali tal-anzjanità sal-2070 se tkun 26.7% tal-Prodott Gross Domestiku - aktar minn kwart. Dan filwaqt iżda li rapport tal-Kummissjoni Ewropea jistma li l-kontribut li jista' jagħti dan is-settur għandu potenzjal li jlaħħaq is-€6.4 triljun u joħloq 88 miljun impjieg sal-2025 - li huwa 32% tal-Prodott Gross Domestiku tal-UE u 38% tal-impjiegi fuq il-kontinent. 

l-MEP Beata Szydło
l-MEP Beata Szydło

Xi proposti qed isiru?

U r-rapport xi proposti qed jagħmel?  Il-proposti huma varji wħud minnhom vagi għall-aħħar, pero' bosta oħrajn qed iwittu t-triq għal viżjoni ta' Ewropa mibnija fuq il-wens u d-dinjità kif ukoll ta' ħarsien lejn setturi li mistennijin jintlaqtu sew minħabba li ħafna li jaħdmu fihom huma anzjani. 

1. Ir-rapport juri sentiment ta' dispjaċir u tħassib għad-differenzi fil-pensjonijiet bejn anzjani nisa u rġiel u qed titlob lill-Istati Membri biex iressqu miżuri konkreti sabiex din id-differenza titnaqqas.

2. Hemm bżonn li persuni anzjani jingħataw appoġġ li jippermetti l-aċċess affordabbli, ħolistiku u ta' kwalità għas-servizzi ta' appoġġ. Dan dejjem fil-promozzjoni tal-bżonnijiet individwali, awtonomija, indipendenza u inklużjoni fil-komunità.

3. Qed jappella lill-Istati Membri jiġġieldu l-faqar fost in-nisa, speċjalment fl-anzjanità

4. Qed jappella lill-istati Membri biex jassiguraw kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati lil dawk li huma carers u fis-settur mediku

5. Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għal pagi diċenti għall-ħaddiema kollha, jew permezz ta' paga minima statutorja jew permezz ta' ftehim kollettiv

6. Sejjaħ għall-Kummissjoni u l-istati Membri biex jieħdu nota tal-potenzjal tal-ekonomija fl-UE u strateġiji nazzjonali li jippromovuha

7. Ifakkar li l-housing sigur huwa dak fejn il-possibilità tal-perikli titnaqqas u fejn ir-rispons għall-periklu huwa aktar faċli

8. Isejjaħ lill-Istati Membri biex jipprevjenu u jindirizzaw vjolenza kontra nisa anzjani, bħala parti mir-rispons tal-Covid-19, b'attenzjoni partikolari lejn il-kura residenzjali

9. Jappella għal miżuri li jtejbu s-saħħa mentali u jiġġieldu kontra l-iżolament. Jappela wkoll biex isir investiment fis-saħħa tan-nies u fl-edukazzjoni biex jiġi assigurat illi l-anzjani jibqgħu attivi u fi stat ta' saħħa tajba

10. Huma 11% biss tal-irziezet fl-UE li huma mmexxijin minn persuni ta' taħt l-40 sena. Għalhekk qed jappella dan ir-rapport biex jitneħħew l-ostakli li qed iwaqqfu bdiewa żgħażagħ milli jidħlu fis-settur

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024