EU Green Deal: Jiswa’ lill-UE iktar minn triljun ewro, imma x’inhu?

Spjegazzjoni tal-EU Green Deal, pjan ambizzjuż għal UE sostenibbli.

Bosta jiddeskrivu t-tibdil tal-klima bħala ħrafa li ngħidu lit-tfal biex inwerwruhom minflok il-babaw. Oħrajn jgħidu li jekk mhux se nagħmlu xi ħaġa se tiblana x-xemx. L-Unjoni Ewropea x’temmen? 

L-Unjoni Ewropea ilha snin twal fuq quddiem tal-battalja kontra t-tibdil tal-klima u ġlied ambjentali ieħor tant li nofs il-baġit tal-Parlament Ewropew imur dritt għall-EU Green Deal. Mhux sigriet li l-ambjent hu prijorità għal UE tant li matul is-sena jsiru numru esseġerat ta’ diskussjonijiet, laqgħat u kampanji ddedikati għalih. Imma x’jagħmlu daqshekk importanti dan il-famuż ftehim tant li qed jiswa’ l-UE ‘l fuq minn triljun ewro? 

It-tibdil tal-klima: realta’ jew ħrafa? 

Biex inkunu fehmna għaliex hemm bżonn dan il-fethim tal-UE tajjeb li nagħtu ħarsa lejn x’qegħdin nagħmlu bħalissa fuq l-ambjent u fuq kollox x’ħa naffaċjaw fil-futur jekk dan il-fethim ma nżommux miegħu. Ir-risposta hi xejn. Xejn mhu ħa naffaċjaw għax litteralment ma jkun baqa’ xejn minna. Dan intqal minn bosta xjentisti iżda għadna fiċ-ċans li nieħdu azzjoni.  

Il-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima magħruf aħjar bħala IPCC jinkludi l-aqwa klimatoloġisti fid-dinja. Minn żmien għal żmien dawn jipprovdu aġġornamenti regolari bbażati fuq ix-xjenza tal-bidla fil-klima, l-impatti u r-riskji futuri tiegħu,  u għażliet għall-adattament. 

Dawn il-klimatoloġisti, kelma kumplessa li tfisser esperti fit-tibdil tal-klima, lura fl-2018 kienu sostnew li hu importanti ferm li nżommu t-temperatura globali ta’ 1.5°C iżda ma jkunx gravi jekk naslu sa 2°C. Sa sena wara l-istess bord ta’ esperti reġa’ rritorna u nsista li rridu nżommu t-temperatura globali għal waħda inqas minn 1.5°C għax inkella ħa nsofru problemi kbar. Kif għaddejin bħalissa, hu mbassar li t- 2°C se naqbżuhom b’ħafna u dan iffiser diżastru kbir. 

Biex nifhmu aħjar, tiftakru n-nirien li laqtu l-Awstralja fil-bidu tal-2020? Tiftakru f’dak ir-ritratt tas-silġ jinħal fl-Antartika li qiegħed idur fuq il-midja soċjali? Jew xi ħaġa iktar qrib ta’ xtutna, indunajtu kemm żdiedet is-sħana? Dan kollu mhu xejn ikkumparat ma’ dak li se nispiċċaw naffaċjaw fil futur aħna jew agħar uliedna jekk nibqgħu sejrin kif aħna. L-IPCC qed jgħidu ukoll li se tiġi tiswina ħafna sabiex ngħixu bl-iżbalji tagħna fil-futur qrib. F’din l-istima mhux jinkludu biss in-numru ta’ flus li lanqas biss nafu kif jinkitbu aħseb u ara kemm noħorġuhom minn butna, iżda qed jinkludu wkoll il-miljuni ta’ nies li se jkunu qed iħallsu b’ħajjithom jekk ma nagħmlux xi ħaġa issa.  Hawn fejn jidħol il-EU Green Deal. 

Il-bidu tal-Green Deal għall-Unjoni Ewropea 

L-UE ilhom jippruvaw jiġġieldu dak kollu li jagħmel ħsara lill-ambjent għal żmien twil. Il-Parlament Ewropew dejjem fehem li l-progress u l-iżvillup hu ta’ bżonn u se jwassalna għal ħajja aktar komda. Madankollu kien il-Parlament Ewropej li għaraf li id f’id mal-iżvillup u l-progress hemm ukoll ċertu implikazzjonijiet negattivi.  

Tlaqna lura għall-1997 f’Kyoto l-Ġappun.  

Wara snin twal ta’ lobbying mill-attivisti, il-mexxejja tad-dinja iltaqgħu flimkien f’Kyoto l-Ġappun biex tiġi diskussa t-triq il-quddiem. F’din il-laqgħa il-pajjiżi ġew ukoll imqassma f’lista skont kemm huma responsabbli għall-akbar ammont ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2). L-Amerika, il-Kanada u l-pajjiżi Ewropej sabu ruħhom fil-quċċata tal-lista u b’hekk huma l-iktar responsabbli biex inaqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.  

Sfortunatament wara dik il-konferenza mhux kulħadd ġibed il-ħabel flimkien mal-Ewropa u dan għaliex dakinhar ma sar xejn ħlief fethim. Minħabba li dan il-fethim ma rabat lil ħadd legalment, kienet iktar faċli biex bosta pajjiżi saħansitra anke l-kbar, ma jżommux kelmthom. 

Nimxu għall-2015, Pariġi fi Franza u imbagħad għal Brussell fl-2019  

Lura fl-2015 fI Franza, inħoloq il-Paris Climate Agreement li għalih daħlu pajjiżi anke barra l-UE. Għal darba oħra dan kien biss ftehim u xejn ma rabat legalment il-pajjiżi biex jagħmlu l-almu tagħhom. Dan intwera biċ-ċar meta il-Gvern ta’ Donald Trump ħareġ l-Amerika mill-kuntratt u ddeċċieda li t-tibdil tal-klima hi biss ħrafa. 

Inmorru f’Brussell fl-2019. L-UE iddeċidiet li ma tistax tibqa tistenna lil dak u lill-ieħor. Flimkien mal-mexxejja tal-Istati Membri inkluż Joseph Muscat li dak iż-żmien kien Prim Ministru ta’ Malta huma approvaw l-EU Green Deal, pjan ambizzjuż għal UE sostenibbli.  

Fuq kollox, x’jgħid l-EU Green deal? 

L-UE Green deal hu biss pjan jew ftehim ta’ dak kollu li għandu jintlaħaq sal-2050 iżda minnu joħorġu bosta regolazzjonijiet fosthom dawk li din il-gazzetta diġà semmiet. Biex insemmu ftit hemm il-Farm to Fork, l-Istrateġija Ewropea għal Bio Diversità u l-Istrateġija Ewropea Industrijali. 

Il-pjan innifsu jitkellem ukoll fuq kif l-Unjoni Ewropea tista tiġġenera l-fondi sabiex tifaċilita t-transizzjoni għal UE aktar sostenibbli. Dan kollu hu stimat li jiswa aktar minn triljun ewro. 

Iva sewwa qrajtu, mhux żball dak. Dawn il-flus jiġu minn żewġ sorsi. L-ewwel huma l-flus iġġenerati mill-kummerċ iġġenerat mill-UE. In-nofs l-ieħor hu mill-baġit tal-UE. F’sena il-UE jkollha baġit ta’ triljun ewro li nofshom imorru dritt għal UE Green Deal. Persentaġġ minhom jintefaq bejn l-Istati Membri inkluż Malta sabiex huma wkoll jiġġieldu kontra t-tibdil tal-klima bla preċedent.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024