Riżoluzzjoni Engerer: Orban imwissi li mal-valuri tal-UE 'mhux se jkun hemm kompromess'

Imma MEPs konservattivi jisħqu li dan huwa attakk fuq is-sovranità ta' pajjiż

Viktor Orban imwissi mill-Parlament Ewropew
Viktor Orban imwissi mill-Parlament Ewropew

Illum tlaqqgħet il-Plenarja tal-Parlament Ewropew li għal madwar siegħa u nofs ddiskutiet ir-riżoluzzjoni miktuba mill-MEP Malti Cyrus Engerer kontra liġi li tipprojbixxi materjal li juri orjentazzjoni sesswali differenti f'materjal edukattiv.  Dan fid-dawl ta' stqarrijiet tal-Gvern ta' Orban fl-aħħar xhur meta f'ittra lil MEPs kien għajjar persuni LGBTIQ "imġienen" kif ukoll fid-dawl ta' attakk vjolenti, riċentement fl-Ungerija kontra żewġ persuni LGBTIQ. 

Il-Gvern Ungeriż kien imwissi llum fil-Parlament bl-aktar mod ċar mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kummissarju Vera Jourova li mhux se jkunu aċċettati kompromessi fuq il-valuri bażiċi umani u tal-UE. Hi sostniet illi l-liġi li adottat l-Ungerija "bl-aktar mod ċar tiddiskrimina kontra l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna u tmur kontra r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem - fuq dawn il-valuri aħna m'aħniex se nagħmlu kompromessi." 

Hi sostniet illi f'din il-liġi l-Gvern Ungeriż poġġa l-materjal li juri orjentazzjoni sesswali differenti fuq l-istess binarju ta' pornografija, xi ħaġa li tgħid illi tmur kontra d-dritt ta' persuna li tinforma ruħha u li toħloq l-familja li tixtieq li jkollha hi. Hija qalet illi l-Kummissjoni se tibqa' miftuħa għal djalogu mal-Ungerija u anke mal-Polonja. 

"Li timplika li persuni LGBTIQ huma pedofeli, li tissesswalizza l-għadu, li jkunu fil-mira l-vulnerabbli, li tagħmilhom ċittadini tat-tieni klassi huma metodi ta' Putin.  Dan huwa l-metodu tagħna li għandu jkollna fl-UE?  Dan huwa inkwetanti ħafna u se naħdmu kontra liġijiet bħal dawn," saħqet il-Kummissarju. 

Anže Logar mill-Kunsill Ewropew ukoll għamilha ċara: "L-omofobija ma hemmx postha fl-UE. Kull ċittadin fl-unjoni huwa ugwali u għandu d-dritt li jgħix b'mod liberu ġej minn fejn ġej, hu ta' liema razza hu, u hi x'inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu."

L-MEP Jeroen Leaners mill-Partit Popolari Ewropew (EPP) staqsa jekk din il-liġi u l-Gvern ta' Orban hux qed jimplikaw li għax persuna hija LGBTIQ hemm xi ħaġa ħażina, li hemm xi ħaġa minn xhiex jistħi. "L-uniku li għandu jistħi huwa Parlament li jgħaddi liġijiet bħal dawn," jisħaq l-MEP li ġej mill-grupp politiku ewropew li fih hemm il-Partit Nazzjonalista u li minnu ħareġ l-istess Orban iktar kmieni din is-sena, qabel ma fil-fatt tkeċċa. 

Il-President tal-Alleanza tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Iratxe Garcia Perez fakkret illi fi Spanja stess persuna LGBTIQ qala xebgħa u inqatel u waqt li bdew jagħtuh bdew jgħajjruh għax huwa omosesswali. "Dan huwa r-riżultat ta' kruċjata kontra d-drittijiet tal-bniedem u huwa illegali li tattakka dawn id-drittijiet," sostniet waqt il-Plenarja. Hija fakkret li issa wasal il-mument tal-azzjoni, wara r-reazzjoni għal dak kollu li qed iseħħ fl-Ungerija, mhux biss fil-konfront ta' persuni LGBTIQ. 

"L-Ungerija mhux Orban u lil dawk il-persuni LGBTIQ Ungeriżi aħna ngħidulhom li ninsabu magħhom u nħobbuhom.  Mhumiex intom, imma dan il-Gvern li ma għandux post fl-UE," qalet għaċ-ċapċip ta' numru ta' MEPs

Liesje Schreinemacher mir-Renew Europe fakkret li meta pajjiż jidħol fl-UE, jidħol fiha bil-valuri bażiċi tagħha. "L-UE mhix a là carte. Mela la tadotta liġi li tmur kontra l-valuri tal-UE, inti trid tiffaċċja l-konsegwenzi," sostniet. 

Hija qalet illi din il-liġi tal-Gvern Ungeriż tneħħi u tnaqqas mil-libertà. "jekk din il-liġi ma titneħħiex, neħħulu l-vot u waqfulu l-fondi għax hekk jitgħallem xi ħadd bħal Orban."

F'messaġġ imqanqal l-MEP Terry Reintke mill-Alleanza tal-Liberali Ewropea (ALE) li tkellmet dwar l-għarusa tagħha għamlitha ċara li l-għażla li għandha quddiemha l-UE hija bejn "libertà jew mibgħeda wżata biex tgħatti l-korruzzjoni tal-Gvern (Ta' orban)."  Hija qalet li dan kollu jaffetwa lill-popli kollha tal-UE. 

"Bejn Ewropa demokratika u ta' libertà u Ewropa ta' mibgħeda nafu eżatt liema se nagħżlu. Se nagħżlu id-demokrazija, l-ugwaljanza u se nagħżlu Kummissjoni Ewropea li tagħżel il-libertà." 

Malin Bjork mill-partit tax-Xellug (The Left) qalet illi dan li ġara kien ilu mistenni.  "L-attakki ta' Orban mhumiex biss fuq persuni LGBTIQ, imma wkoll kontra n-nisa, refuġjati u persuni ROMA..."

Hija għamlet appell ċar biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu lill-Gvern ta' Viktor Orban u lill-Gvern tal-Polonja l-Qorti. 

L-MEP Cyrus Engerer - li mexxa tali riżoluzzjoni - sostna illi kien hemm min ħa ħajtu b'idejh għax kien LGBTIQ u huwa għalhekk li tfal u żgħażagħ iridu jkunu informati "biex ikunu jafu li ma fiha xejn ħażin li tkun differenti, li jekk ikollhom xi ħadd fil-klassi li huwa differenti, ma hemm xejn ħażin u jistgħu jkunu l-ħbieb tagħhom."

Engerer saħaq illi l-Parlament Ewropew qieghed hemm biex jagħti tama. "Ħafna fl-Ungerija qed jistennew biex nagħtu t-tama," qal l-MEP Malti li fakkar illi l-valuri Ewropej huma akbar minn liġijiet nazzjonali. 

Intant fuq in-naħa l-oħra tal-argument l-MEP Jörg Meuthen minn Identity and Democracy (ID) appella lill-Parlament Ewropew biex "jieqaf jgħid iċ-ċuċati" u qal li din il-liġi mhux vera twassal għal diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ.  Huwa qal li din kienet deċiżjoni sovrana tal-Ungerija u "l-UE trid taċċetta, taqbel jew le." 

Huwa akkuża lil dawk li sejjaħ "ċentralisti" illi qed jaħdmu għal poter ċentrali li jisħaq li mhuwiex aċċettabbli.  "Hija għarukaża li jsir attakk bħal dan fuq is-sovranità ta' pajjiż," temm jgħid għaċ-ċapċip ta' wħud minn dawk fil-Parlament. 

Joachim Stanisław Brudzinski - Mill-Grupp tar-Riformisti u Konservattivi akkuża lill-Parlament Ewropew li jrid dittatura. "Mhux veru xejn li fil-Polonja u fl-Ungerija persuni LGBTIQ huma trattati ħażin. "Titkellmu ħafna fuq it-tolleranza u malli jkun hemm Gvern Konservattiv jibdew il-problemi ... fl-Ungerija u l-Polonja hemm Gvernijiet li telgħu mill-poplu, gvernijet demokratiċi," fakkar l-MEP. 

U finalment l-MEP Ungeriż Balázs Hidveghi - li huwa wkoll membru tal-partit ta' Orban - sostna li din il-liġi ma taffetwax lill-adulti u saħaq li fl-Ungerija kulħadd jgħix kif jixtieq. "Li m'aħniex se naċċettaw hija propoganda sesswali fost it-tfal ġejja min fejn ġejja, dak li qed ngħidu."

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024