Il-Parlament Ewropew ikompli jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal onlajn

Wara l-votazzjoni, ir-Rapporteur Birgit Sippel mill-S&D qalet illi l-abbuż sesswali tat-tfal huwa delitt orribbli li jikser id-drittijiet tal-bniedem u għalhekk irridu nipprevenuh b'mod aktar effettiv

l-MEPS approvaw regolament temporanju li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi bbażati fuq l-internet ikomplu jiġġieldu materjal online ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq bażi volontarja.

Fil-kuntest taż-żieda inkwetanti fl-ammont ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet waqt il-pandemija, il-Parlament b'537 vot favur, 133 vot kontra u 24 astensjoni għadda liġi biex jipproteġi lit-tfal b'mod aktar effettiv mill-abbuż sesswali u l-isfruttament meta jużaw webmail, chat u servizzi ta' messaġġi.

Il-ftehim li ntlaħaq f'April jipprevedi deroga li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku. Il-leġiżlazzjoni se tapplika għal mhux aktar minn tliet snin, jew inqas jekk sadanittant jintlaħaq ftehim fuq regoli permanenti ġodda li jindirizzaw l-abbuż sesswali tat-tfal online.

Il-Parlament Ewropew qed jisħaq li l-fornituri tas-servizzi għandhom jużaw l-inqas teknoloġiji intrusivi possibbli għall-privatezza.

Materjal onlajn marbut ma' abbuż sesswali tat-tfal jinstab permezz ta' teknoloġiji speċifiċi li jiskennjaw il-kontenut, bħall-immaġnijiet u t-test, jew data tat-traffiku. Waqt li t-teknoloġija tal-"hashing" tgħin bl-immaġnijiet u l-videos, il-klassifikaturi u l-intelliġenza artifiċjali jintużaw biex janalizzaw test jew data tat-traffiku biex jinstab grooming online.

Dawn ir-regoli ġodda mhux se japplikaw għall-iskennjar ta' komunikazzjonijiet bl-audio.

Protezzjoni tal-privatezza msaħħa

L-MEPs insistew li għandhom jiġu stabbiliti proċeduri u mekkaniżmi ta' rimedju xierqa li jiżguraw li l-individwi jkunu jistgħu jagħmlu lmenti jekk iqisu li drittijiethom ikunu nkisru. L-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data se jkollhom sorveljanza aħjar tat-teknoloġiji li jużaw il-fornituri tas-servizzi permezz ta' valutazzjoni tal-impatt u proċeduri ta' konsultazzjoni minn qabel.

Wara l-votazzjoni, ir-Rapporteur Birgit Sippel mill-S&D qalet illi "l-abbuż sesswali tat-tfal huwa delitt orribbli li jikser id-drittijiet tal-bniedem. Irridu nipprevenuh b'mod aktar effettiv, inressqu l-qorti aktar trasgressuri u noffru għajnuna aħjar lill-vittmi. Il-ftehim huwa kompromess bejn is-sejbien tal-abbuż tat-tfal online u l-protezzjoni tal-privatezza tal-utenti."

Hiija ammetiet li għalkemm mhux perfett huwa soluzzjoni temporanja li taħdem għat-tliet snin li ġejjin. "Issa għandna bżonn urġenti li l-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni fit-tul li tispira ruħha mis-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data li nsibu fir-regoli temporanji, u li, barra minn hekk, jagħmlu l-iskennjar tal-komunikazzjonijiet personali aktar immirati."

Ir-regolament għad irid jiġi adottat formalment mill-Kunsill u mbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Se jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024