Is-Soċjalisti, il-Partit Popolari, il-Ħodor, tax-xellug u l-liberali jingħaqdu fir-riżoluzzjoni ta' Engerer kontra Orban

Ir-riżoluzzjoni ta' Engerer kontra Orban issib appoġġ wiesa' mill-akbar gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew - Se jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni 

Cyrus Engerer jikseb appoġġ wiesa'
Cyrus Engerer jikseb appoġġ wiesa'

Il-gruppi politiċi l-kbar - jiġifieri l-Alleanza tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kif ukoll il-Partit Popolari Ewropew ingħaqdu f'appoġġ għar-riżoluzzjoni tal-MEP Malti Cyrus Engerer kontra liġijiet u bidliet li ħabbar il-Gvern tal-lemin ta' Viktor Orban fl-Ungerija kontra l-użu tal-orjentazzjoni sesswali f'materjal edukattiv. Magħqudin wara din ir-riżoluzzjoni hemm ukoll il-grupp tal-Ħodor, Ix-Xellug u tar-Renew Europe.

Il-Partit Popolari Ewropew kien dak il-grupp fil-Parlament Ewropew li kien jagħmel parti minnu l-Partit Fidesz li jmexxi Orban. Dan iżda telaq ftit qabel l-istess EPP keċċieh lura f'Marzu ta' din is-sena. 

Orban ma għandux track record tajjeb fuq il-qasam tad-drittijiet ċivili, u saħansitra għajjar lil persuni LGBTIQ illi huma "mġienen" f'ittra li bagħat lil Membri Parlamentari Ewropej, ittra li waslet għal reazzjoni b'saħħitha minn naħa tal-MEP Malti Cyrus Engerer. Imma mhux biss - Reporters Without Borders  - poġġew lil Orban fil-Lista l-ħamra tagħhom hekk kif qed jakkużawh li qed joħloq kontroll fuq il-midja indipendenti tal-Ungerija, filwaqt li ġie mgħajjar diversi drabi li dak li jemmen hu huwa "travestija tal-valuri Demokristjani."

Il-Freedom House tal-Istati Uniti saħansitra iddikjarat f'Mejju 2020 li l-Ungerija taħt Orban ma tistax tibqa' tissejjaħ demokrazija

F'kummenti waqt konferenza illi ġiet organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta l-MEP Cyrus Engerer saħaq li l-Parlament Ewropew qed jistenna lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi, anke permezz ta' strumenti li jorbtu l-fondi ewropej mas-saltna tad-dritt.  Huwa qal li jekk il-Kummissjoni trid tkun verament il-garanzija ta' ħarsien tal-valuri Ewropej trid tieħu azzjoni u jekk dan ma jsirx, kompla jgħid Engerer, ikun il-Parlament li jieħu azzjoni, "biex ikun assigurat li kulħadd ikollu d-drittijiet fundamentali mħarsa."

Għall-mistoqsija tas-sit illum.com.mt fid-dawl ta' miżuri diskriminatorji li saru f'pajjiżi oħrajn - bħal LGBTIQ Free Zones fil-Polonja, Engerer fakkar li għall-ewwel darba hemm dikjarazzjoni minn 18-il stat membru b'mod b'saħħtu, bis-17-il Kap ta' Stat jagħmlu dikjarazzjoni ċara fil-Kunsill Ewropew kontra dak li wettaq Orban. "Jidher li hemm rieda qawwija u għarfien li issa nqabżet il-linja," sostna l-MEP Malti. 

"Aħna mhux sanzjonijieet fuq l-Ungeriżi rridu, imma pressjoni fuq il-Gvern Ungeriż li qed jaħdem kontra minoranza fil-pajjiż. Il-mibgħeda hija kontaġġjuża u l-mibgħeda kontra sezzjoni tal-popolazzjoni fl-Ungerija qed ikollha effett fuq pajjiżi oħrajn - seħħ attakk fiċ-Ċekea, inqatlu nies fi Spanja - saru attakki fl-Ungerija, propju għax il-vittmi huma LGBTIQ...meta naraw pajjiż idaħħal liġijiet kontra minoranzi u l-valuri tal-UE ma jifdalx għażla, ħlief li l-Parlament Ewropew jieħu l-passi neċessarji."

Huwa indirizza kritika lokali lejh, illi Malta ma messhiex tindaħal f'dak li qed jiġri fl-Ungerija u sostna li dak li jiġri fl-Ungerija jolqot lil kull persuna oħra, fid-dawl tal-moviment ħieles. 

Huwa fakkar li l-Ungerija hija waħda minn dawk il-pajjiżi li - skont hu - qed ifixklu u joħolqu xkiel għal qsim tar-responsabilità u solidarjetà fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Orban fil-fatt jemmen ukoll li għandha titwaqqaf milli tidħol fl-UE kull persuna li hija ta' reliġjon Musulmana u jwaħħal fil-liberaliżmu bħala r-raġuni għall-kriżijiet fl-UE. 

"Hemm bżonn nibgħatu messaġġ ċar li kull minoranza għandha tiġi protetta," temm jgħid l-MEP Cyrus Engerer. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024