Ir-rapport Matić tal-Parlament Ewropew. L-abort fl-UE, imma mhux biss...

Mill-abort sal-kontraċettivi, l-effett tal-Covid-19, l-isfidi u l-aċċess kif ukoll it-taxxa tat-tampun. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-rapport Matić dwar id-drittijiet sesswali u riproduttivi tal-mara...

L-MEP li huwa rapporteur ta' dan ir-rapport xi ftit jew wisq kontroversjali
L-MEP li huwa rapporteur ta' dan ir-rapport xi ftit jew wisq kontroversjali

Din il-ġimgħa reġa' qam l-ispettru u d-diskussjoni dwar l-abort, wara li l-għagħa tal-Private Members' Bill tad-Deputat Marlene Farrugia kienet majnat, xi ftit jew wisq.  Din id-darba iżda d-dimensjoni kienet waħda Ewropea, hekk kif kien il-Parlament Ewropew li vvota fuq ir-rapport tal-MEP Predrag Matić, mill-Alleanza Ewropea tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D).  Għal dan ir-rapport kien l-MEP Cyrus Engerer biss li vvota favur, mill-MEPs kollha Maltin. 

Imma dan ir-rapport kien biss dwar l-abort? Kien vot li l-MEPs ħadu biss dwar l-abort? Le ma kienx. Kien rapport li tratta diversi temi li jitrattaw is-saħħa sesswali u riproduttiva tal-mara, f'kull sens tal-kelma. 

L-għan ta' dan l-artiklu huwa li jagħti ħarsa ħafna iktar komprensiva lejn dan ir-rapport biex il-qarrejja tal-ILLUM jifhmu aħjar liema punti, nuqqasijiet u proposti tratta Predrag Matić dwar l-abort, imma wkoll lilhinn minnu. 

Drittijiet u sfidi!

Dan ir-rapport jitkellem dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u din ma ddurx biss mal-abort - għalkemm ir-rapport iqis l-abort bħala dritt tal-mara.  

Ir-rapport jitratta d-drittijiet u r-rispett lejn l-orjentazzjoni sesswali, id-dritt li persuna tiddeċiedi hi ma min tkun attiva sesswalment u d-dritt li persuna jkollha esperjenzi sesswali siguri, permezz ta' kontraċettivi. Id-dritt li persuna tiddeċiedi hi lil min tiżżewweġ ... forsi lkoll drittijiet li aħna f'Malta sirna nieħdu bħala awtomatiċi, pero' li mhumiex f'diversi pajjiżi oħrajn - bħal Polonja per eżempju fejn saħansitra għamlu LGBTIQ-Free zones, jiġifieri żoni fejn persuni omosesswali ma jistgħux imorru! Anatema aktar minn hekk tal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea ma tistax tkun!

Dan ir-rapport jisħaq illi dawn id-drittijiet u oħrajn magħhom għandhom jissaħħu mhux jiddgħajfu u jelenka numru ta' sfidi fl-UE li qed jiffaċċjaw diversi persuni l-aktar nisa, persuni LGBTIQ, immigranti u dawk fil-faqar jew li jgħixu f'żoni rurali fuq il-kontinent. 

L-ewwelnett in-nuqqas ta' aċċess għal servizzi sesswali, nuqqas ta' edukazzjoni, nuqqas ta' aċċess għal kontraċezzjoni - kwistjoni li sa ftit snin ilu, kienet tgħodd għal Malta wkoll (tiftakru l-kontroversji ma jieqfu qatt fuq il-condoms fl-Universita?) fejn sa mhux wisq ilu l-Knisja Kattolika kienet saħansitra kontra l-użu tal-kontraċettivi. 

Ir-rapport fil-fatt isemmi r-rifjut tal-kura fuq raġunijiet ta' reliġjon, il-conversion therapy - li mill-ġdid kienet kontroversja taħraq fil-pajjiż u li kienet legali sa ftit snin ilu! Din is-suppost terapija kienet waħda li min jagħmilha jgħid illi permezz tagħha jista' jbiddel l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna.  Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat għamel din il-prattika waħda illegali! 

Ir-rapport isemmi wkoll l-aċċess limitat għal riproduzzjoni assistita u nuqqas ta' servizzi li jgħinu lil persuni li jkollhom mard jew kumplikazzjonijiet sesswali. Finalment ir-rapport isemmi wkoll ir-realtà tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili - realtà ġdida li tmur kontra d-drittijiet u d-dinjità tal-mara u li hija importata fl-Ewropa minn pajjiżi u żoni mwarrba fl-Afrika u anke minn postijiet fl-Ażja.

X'jgħid dwar l-abort?

Ir-rapport ta' Matić jirrikonoxxi li l-abort huwa kompetenza nazzjonali u allura tal-Gvern ta' kull pajjiż u mhux tal-UE, kuntrarjament għal kwistjonijiet ta' drittijiet, politika dwar is-suq, il-moviment ħieles u aktar. 

Ir-rapport jirrikonoxxi illi anke fejn l-abort huwa legali hemm problemi biex wieħed jaċċessah, inkluż minħabba perjodi ta' żmien ta' stennija li mhumiex meħtieġa, ħaddiema tas-saħħa li mhumiex mħarrġa, miżinformazzjoni u aktar. 

F'dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni f'pajjiżi bħal Malta u l-Polonja, ir-rapport isemmi kif hemm pajjiżi b'liġijiet ristrettivi li jippermettu l-abort biss f'ċirkostanzi stretti ħafna li jwassal biex nisa jfittxu li jagħmlu abort barra mill-pajjiż b'mod klandestin. "Dan huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza kontra l-ġeneru li taffetwa id-drittijiet tal-ħajja u l-integrità fiżika u psikoloġika tal-mara," jgħid ir-rapport. 
Minkejja li Malta tibqa' l-uniku pajjiż li jikkriminalizza l-abort f'kull ċirkostanza - anke meta hemm kwistjoni ta' saħħa fin-nofs - numru ta' nisa Maltin xorta qed imorru barra l-pajjiż u jagħmlu abort.  

Fil-fatt nhar il-11 ta' Marzu 2018 il-gazzetta ILLUM żvelat kif mal-400 mara Maltija kienet għamlet abort jew xtrat pilloli abortivi, filwaqt li l-portal illum.com.mt kien ikkwota ċifri minn The Guardian li kienu juru kif f'xahrejn biss - Marzu u April tal-2020, il-Women on Web kienet irċeviet 92 talba minn Malta għal pilloli abortivi.  

U allura x'qed jgħid li għandu jsir dan ir-rapport tal-Parlament Ewropew?

Dejjem b'rispett lejn il-kompetenzi nazzjonali, ir-rapport isejjaħ biex l-istati membri jissalvagwardjaw "id-dritt ta' kull persuna, ta' kull età, sess, ġeneru, identità, razza, etniċità, klassi, affiljazzjoni politika/reliġjuża..."biex jassiguraw id-dritt ta' integrità ta' ġisimhom, awtonomija personali u biex jipprovdu l-mezzi kollha biex kulħadd igawdi d-drittijiet ta' saħħa sesswali u riproduttivi tiegħu."
Fuq dan il-punt ifakkru li l-UE hija kommessa lejn id-dritt li l-mara jkollha kontroll sħiħ, bil-libertà li tiddeċiedi hi b'mod responsabbli dak kollu li jitratta d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħha. 

Għalhekk dan ir-rapport qed iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddikriminalizzaw l-abort, kif ukoll ineħħu l-ostakli għall-abort legali. "Il-pajjiżi membri għandhom responsabilità li jassiguraw li n-nisa jkollhom l-aċċess għad-drittijiet tagħhom..." jgħid ir-rapport li jirreferi wkoll għall-klawżola tal-kuxjenza. Filwaqt li ma jgħidx illi għandha titneħħa jisħaq li m'għandhiex titfa' l-aċċess tal-mara għal servizzi sesswali u riproduttivi f'riskju. 

Il-klawżola tal-kuxjenza hija dik li permezz tagħha tabib jirrifjuta li jagħti kura għax dik il-kura tmur kontra t-twemmin jew valuri morali tiegħu.

Kwistjonijiet ta' diżabilità u etniċità 

Dan ir-rapport jesprimi tħassib qawwi f'dak li jirrigwarda drittijiet ta' saħħa sesswali u riproduttiva għal nisa u tfajliet b'diżabilità. Jgħid illi ħafna drabi dawn huma rrifjutati l-aċċess għal faċilitajiet f'dawn l-oqsma u ma jingħatawx informazzjoni fir-rigward tal-kontraċettivi, filwaqt li "hemm saħansitra riskju li jiġu sterilizzati."

Għalhekk ir-rapport qed jitlob lill-Istati membri biex jimplimentaw miżuri leġiżlattivi li jissalvagwardjaw l-integrità fiżika, id-dritt tal-għażla u li tkun il-persuna innifisha li tiddetermina s-saħħa sesswali u riproduttiva tagħha. 

Persuni Intersex

Ir-rapport isejjaħ lil-Istati Membri sabiex jadottaw leġiżlazzjoni li tassigura illi persuni intersex ma jkunux soġġetti għal trattament mediku mhux neċessarju meta jkunu għadhom tfal. 

Jgħid illi d-dritt tal-integrità, l-awtonomija u li jkunu infurmati u jiddeċiedu huma x'inhu l-aħjar għalihom għandu jkun rispettat. 

Daqshekk taxxa tat-tampun!

Il-gazzetta ILLUM kienet irapportat dwar it-Taxxa tat-tampun.  Imma din x'inhi? 

Fil-qosor, din hija taxxa fuq prodotti li jgħinu mara fis-saħħa menstruwali, bħal tampun u pads.

Dan ir-rapport jisħaq fuq l-effetti negattivi ta' din it-taxxa u jappella lill-Istati Membri biex jeliminawha bl-użu tal-flessbilità introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet jew inkella japplikaw rata ta' VAT ta' 0%, minħabba li ħafna minn dawn il-prodotti huma essenzjali. 

Il-Kontraċettivi - Importanti l-aċċess!

Ir-rapport isejjaħ għall-Istati Membri biex jassiguraw aċċess universali għal firxa wiesgħa ta' kontraċettivi moderni, għajnuna fl-ippjanar tal-familja u informazzjoni dwar liema kontraċettivi huma aċċessibbli u liema l-aħjar li persuna tuża. 

Ir-rapport jisħaq illi l-istati membri jeħtieġ jassiguraw li l-kontraċettivi jkunu aċċessibbli għal persuni kollha ta' età riproduttiva, filwaqt li jassiguraw li s-servizzi kollha tas-saħħa jfornu kura medika u psikoloġika. 

Covid-19 u saħħa sesswali

Naturalment ir-rapport ma setax jonqos milli jsemmi il-pandemija u l-effett li din kellha fuq drittijiet ta' saħħa sesswali u riproduttiva. Ir-rapport jisħaq li huwa "inaċettabbli li qed isiru bidliet fil-kura relatata mat-tqala u t-twelid - bl-iskuża tal-Covid-19 - u li mhumiex ibbażati fuq evidenza xjentifika, linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jew inkella ta' professjonisti ewropej." 

Ir-rapport tal-MEP jisħaq illi l-bidliet li saru f'xi pajjiżi "mhumiex proporzjonati għall-bżonnijiet relatati mal-Covid-19."

Għalhekk dan ir-rapport iħeġġeġ lill-Istati membri biex jassiguraw aċċess sħiħ għal trattamenti u kura marbutin mal-fertilità waqt il-pandemija u jfakkru li interruzzjonijiet f'dawn is-servizzi jwasslu biex ċerti nies jitilfu mid-dritt li jippruvaw ikollhom it-tfal. 

X'qalu il Helena Dalli...?

Fil-konklużjonijiet tar-rapport, Matić jindirizza lil diversi Kummissarji Ewropej, fosthom il-Maltija Helena Dalli, Kummissarju għall-Ugwaljanza. 

Lil Dalli r-rapport iħeġġiġha biex tiffaċilità u tippromovi l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet u tinkludihom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza u l-Istrateġija ta' ugwaljanza għal persuni LGBTIQ. Talbuha tikkundanna t-tnaqqir tad-drittijiet tan-nisa u sabiex tiġġieled kull forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024