MEP Malti se jmexxi riżoluzzjoni tal-PE kontra l-Gvern ta' Orban fuq ksur tal-Liġi tal-UE

Cyrus Engerer jakkuża lill-Gvern ta' Viktor Orban b'diskriminazzjoni kontra persuni LGBTIQ u se jmexxi riżoluzzjoni li permezz tagħha hu flimkien ma' MEPs minn kull partit politiku se jsejħu lill-UE biex tieħu azzjoni legali mmedjata kontrih

Viktor Orban, il-PM Ungeriż
Viktor Orban, il-PM Ungeriż

L-MEP Laburista Cyrus Engerer għadu kif ġie maħtur biex jikteb u jmexxi n-negozjati fil-Parlament Ewropew f’riżoluzzjoni li tikkundanna l-Gvern Ungeriż għall-ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Engerer ingħata r-responsabbilta’ li jmexxi grupp ta’ MEPs, wieħed minn kull grupp politiku, biex ifasslu riżoluzzjoni li għandha tiġi diskussa u vvutata fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, li se ssir fi Strasburgu l-ġimgħa d-dieħla.

Il-Gvern Ungeriz, mmexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban, ilu taħt l-osservazzjoni minħabba l-ksur kontinwu tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u talli jmur kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni.  B’ta’ l-aħħar tkun il-liġi kontroversjali bil-għan li jitwaqqaf kull tip ta’ materjal u lezzjonijiet li fost l-oħrajn ikollhom tagħlim dwar id-diversita’ tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali fl-iskejjel.

Din l-leġiżlazzjoni kienet fil-mira ta’ ħafna kritika, li saħansitra wasslet biex tkun waħda mill-kontroversji tal-UEFA Euro 2020 - hekk kif l-UEFA m’aċċettatx t-talba tal-Kunsill tal-belt ta’ Munich sabiex l-Allianz Arena tinxtiegħel bil-kuluri tal-qawsalla, bi protesta kontra din l-leġislazzjoni.

Il-leġislazzjoni ġiet kkritikata ukoll minn bosta organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mill-maġġoranza tal-Prim Ministri tal-pajjizi tal-Unjoni Ewropea, li l-ġimgha l-ohra ffirmaw ittra fejn wiegħdu li ‘jiġġieldu d-diskriminazzjoni mmirata lejn l-kommunita LGBTIQ’ fid-dawl ta’ din il-leġislazzjoni tant perikoluza. Id-dikjarazzjoni kienet iffirmata wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela.

L-MEP Cyrus Engerer
L-MEP Cyrus Engerer

Hekk kif ġie maħtur n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew, l-MEP Cyrus Engerer qal li “qiegħed jipprepara riżoluzzjoni b’saħħitha li tikkundanna l-Gvern Ungeriz taħt it-tmexxija awtokratika tal-Prim Ministru ultra-nazzjonalist Viktor Orban, fuq ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-valuri fundamentali Ewropej u s-saltna tad-dritt fl-Ungerija."

"Ser nkun qiegħed mmexxi tim ta' Ewroparlamentari fin-negozjati ta’ din ir-riżoluzzjoni, fejn ser nkunu qiegħdin insejħu lill-UE biex tieħu azzjoni legali mmedjata kontra l-Gvern Ungeriż.

Din mhux l-ewwel darba li Engerer kkundanna lil Orban tal-aġir tiegħu kontra l-kommunita LGBTIQ. F’Marzu li għadda, Engerer ġie mfaħħar mill-attur u kittieb Ingliz Stephen Fry, wara li rrisponda lil Orban talli rrefera għal persuni LGBTIQ bħala ‘mġienen’ f’ittra mibgħuta lill-MEPs kollha.

“M’hawn l-ebda post ghall-politika ta’ mibegħda fl-Unjoni Ewropea. Il-fatt li Orban implementa liġi omofobika Russa fil-qafas leġislattiv tal-Unjoni Ewropea, għandu jigi kkundannat, u kkastigat," sostna Engerer.

"Id-drittijiet  ta’ persuni LGBTIQ huma drittijiet tal-bniedem, kemm fl-Ungerija, kemm f’Malta, kemm fl-UE, u madwar d-dinja”, ikkonkluda L-MEP Malti Cyrus Engerer.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024