L-integrazzjoni tal-ġeneru | L-irġiel iddominaw il-kumitati li twaqqfu biex jiġġieldu l-pandemija

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-integrazzjoni tal-ġeneru fit-Task Force ta' ħames pajjiżi tal-UE.

Hu ovvju li l-integrazzjoni tal-ġeneru għandha tibda bejn dawk li jfasslu l-politika tal-pajjiż eżempju l-ministri stess iżda tajjeb li nagħtu ħarsa lejn l-integrazzjoni tal-ġeneru waqt il-pandemija f’irwoli oħra ’l bogħod mill-Parlament.  

L-evidenza minn epidemiji u kriżijiet tal-passat diġà tenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-ġeneru. Kien propju dan li wassal lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) biex tirrakkomanda b'ħeġġa għall-inklużjoni rappreżentattiva tan-nisa fil-bordijiet tat-tfassil tal-politika kontra COVID-19.  

Dan jidher bħala suċċess għan-nisa u kollox jidher li hu sabiħ fuq il-karta iżda fil-prattika hemm lok għal titjib. Dan kollu ħareġ ukoll permezz ta’ rapport maħruġ mill-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM). Ir-rapport li jġib l-isem ‘COVID-19 u l-impatt ekonomiku u l-faqar jinkludi studju li sar fuq ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  

Sommarju tal-istudju 

Minkejja li l-maġġoranza tal-frontliners inkluż l-infermiera u t-tobba huma ta’ sess femminili, l-istudju wera li pożizzjonjiet ogħla bħal ngħidu aħna membri ta’ bords u esperti kienu l-maġġoranza meħudha mis-sess maskili. 

Waqt il-pandemija kull pajjiż ifforma Task Force biex jiġġieled il-pandemija. L-irġiel iddominaw dawn il-gruppi, bi 3.5% biss tal-gruppi jilħqu xi forma ta’ integrazzjoni. 

Dan ma kienx il-każ fit-Task Force Ewropea. Fil-fehma tal-UE, l-unika pass 'il quddiem fil-kisba tal-parità bejn is-sessi fil-politika tas-saħħa jista’ jsir jekk huma stess ikunu ta’ eżempju. Fil-fatt it-Task Force maqgħud mill-Kummissjoni Ewropea kien kostitwit b'maġġoranza ta’ nisa bil-President Ursula von der Leyen tmexxi fuq quddiem. 

Il-Comitato Tecnico-Scientifico, fl-Italja 

Fl-Italja, fil-bidu tal-kriżi COVID-19, meta l-20 membru tekniku-xjentifiku għaqqad kumitat - jiġifieri, il-Comitato Tecnico-Scientifico - ma kien jinkludi l-ebda mara. Bl-istess mod, l-aġġornamenti ta’ kuljum tad-Difiża Ċivili kienu ppreseduti minn irġiel biss, bl-inklużjoni ta’ mara waħda li kienet l-interpretu tal-lingwa tas-sinjali.  

Wara l-ewwel lockdown fir-Rebbiegħa tal-2020 il-Gvern ta’ Giuseppe Conte ħabbar arranġament tal-Kumitat Xjentifiku biex jinkludi sitt nisa, jiġifieri, 24% tal-kumitat kienu nisa. Madankollu, in-nisa xorta baqgħu sottorappreżentati fit-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod ġenerali. 

Il-Kunsill Xjentifiku kontra l-COVID-19, fi Franza 

Bħall-Italja, Franza għaqqdet aktar minn kumitat wieħed ta' rispons kontra l-COVID, u ħadd minnhom ma kien ugwali bejn is-sessi. Filwaqt li l-Kunsill Xjentifiku COVID-19 kien magħmul minn 2 nisa u 8 irġiel, jiġifieri,18.2% nisa, il-Kumitat tar-Riċerka u l-Analiżi tal-Kompetenza kien magħmul minn 5 nisa u 7 irġiel jiġifieri, 41.7% nisa.  

Huwa interessanti li wieħed jinnota, li l-Ministru Franċiż għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Diversità u Opportunitajiet Indaqs, Elisabeth Moreno, hija mara, u Franza kienet l-unika pajjiż li introduċa b’mod immedjat, miżuri u inċentivi biex jgħinu l-ġlieda urġenti kontra l-vjolenza domestika waqt il-lockdown. 

Kleines Corona Kabinett, fil-Ġermanja 

Il-Ġermanja wkoll injorat l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-Kabinett tal-Korona ż-Żgħira magħruf magħhom aħjar bħala Kleines Corona Kabinett. Dan il-kabinett kien magħmul minn 5 irġiel u 2 nisa, jiġifieri 28.6% nisa.  

Minkejja li dan il-pajjiż huwa mmexxi minn mara (Angela Merkel) għal aktar minn 15-il sena, il-Ġermanja jidher biċ-ċar li għad m'għandhiex ugwaljanza totali bejn is-sessi u dan intwera matul il-kriżi COVID-19. 

Il-Kunsill Mediku Pollakk 

It-tim ta' rispons Pollakk ġie stabbilit tard matul il-pandemija, f'Novembru tal-2020. Il-Kunsill Mediku huwa magħmul minn esperti mediċi u l-konsulent ewlieni tal-Prim Ministru għall-COVID-19, li minnhom 28% tal-membri huma nisa.  

Allinjat mal-isterjotipi tal-kumplament tal-UE, il-Gvern Pollakk ikkonforma grupp kostitwit minn maġġoranza ta’ nisa (67% ta’ nisa) li kien inkarigat mit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' metodi ta' edukazzjoni online fil-perjodi li fihom l-iskejjel ingħalqu.  

Il-Politika tas-Saħħa, fl-Iżvezja 

Fl-aħħar insibu lill-Iżvezja. Minħabba l-mod ta’ kif l-Iżvezja ġġieldet il-pandemija, dan il-pajjiż ma għaqqadx tim speċifiku ta' rispons kontra l-COVID19. Madankollu, b'mod ġenerali, l-Iżvezja għandha l-ogħla rata ta’ integrazzjoni tal-ġeneru fil-Parlament. Fil-fatt 47% tas-siġġijiet huma meħudha minn nisa. 

L-importanza tal-integrazzjoni tas-sessi fil-Gvern Żvediż fis-snin ta’ qabel il-pandemija kif ukoll matul il-kriżi tal-COVID-19 tipprovdi evidenza b’saħħitha li tissuġġerixxi relazzjoni pożittiva u b’saħħitha bejn l-inklużjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjoni u t-tendenza li jiġu inklużi approċċi sensittivi favur iż-żewġ sessi. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024