Il-Parlament Ewropew irid rabta ċara bejn il-fondi u s-saltna tad-dritt. U x'kien ippropona f'Diċembru?

Ħarsa lejn dak li qed jinsistu l-MEPs illum u dak approvat mill-Parlament Ewropew f'Diċembru li għadda dwar il-Fondi Ewropej u s-saltna tad-dritt

Din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew reġa' għamel pressjoni qawwija fuq il-Kummissjoni Ewropea fuq dik li qed isejjaħ reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni - li prattikament huwa mekkaniżmu li jorbot l-fondi Ewropej mogħtija lil Stat Membru mas-saltna tad-dritt. 

Il-Parlament kien diġà għadda riżoluzzjoni lura f'Diċembru li għadda bit-tragward ikun li fl-1 ta' Ġunju 2021 dan ir-regolament jidħol fis-seħħ, xi ħaġa li l-Parlament Ewropew fakkar li ma seħħx. 

F'riżoluzzjoni adottata mill-Kumitat tal-Kontroll Baġitarju tal-Parlament Ewropew b'53 vot favur u 11 kontra l-MEPs esprimew tħassib għall-fatt li l-Kummissjoni mhix qed tapplika din il-kundizzjonalità u sostnew illi l-ebda gwidi ma jistgħu jespandu jew inaqqsu mill-iskop ta' tali leġiżlazzjoni. 

Għalhekk huma appellaw lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun jinvestigaw ksur potenzjali tal-prinċipju tas-saltna tad-dritt, "li serjament jaffetwaw l-immaniġġjar tal-Baġit tal-UE."

Imma x'jgħid dan ir-regolament?

Is-sit illum.com.mt ta ħarsa lejn x'jgħid eżattament dan ir-regolament li kien approvat mill-Parlament Ewropew lura f'Diċembru li għadda. 
Dan ifakkar li fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-interessi finanzjarji tal-UE "għandhom jiġu protetti f’konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati, b’mod partikolari l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE."  Ifakkar li hemm diversi prinċipji, fosthom il-prinċipju tas-saltna tad-dritt. 

F'dan ir-regolament il-Parlament Ewropew kien fakkar illi filwaqt li ma hemm ebda "ġerarkija fost il-valuri tal-Unjoni, ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħra li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem."

Ifakkru li r-rispett lejn is-saltna tad-dritt huwa marbut mad-demokrazija u d-drittijiet b'mod intrinsiku. 

Għalhekk il-Parlament Ewropew kien iddeċieda li għandhom jiġu ddeterminati miżuri adottati f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-proċedura biex jiġu adottati t-tali miżuri. 

Liema huma meqjusin l-affarijiet li jwasslu biex pajjiż jikser il-prinċipju tas-saltna tad-dritt?

Il-Parlament Ewropew elenka diversi sitwazzjonijiet li jkunu jfissru illi pajjiż kiser il-prinċipju importanti tas-saltna tad-dritt. L-aktar gravi huwa t-tqegħid f'periklu tal-indipendenza tal-ġudikatura, in-nuqqas ta' mekkaniżmi li jwaqqfu milli jittieħdu deċiżjonijiet abbużivi mill-Gvern, il-Pulizija u entitajiet pubbliċi jew inkella meta Gvern iżomm riżorsi finanzjarji jew umani minn entità biex ma tkunx tista' taqdi dmirha. 
Il-Parlament Ewropew semma' wkoll il-limitazzjoni ta' investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjonar effettiv ta’ ksur tal-liġi.

U x'inhuma l-kastigi?

U x'inhu l-kastig li qed jipproponi l-Parlamament Ewropew għal dawk il-pajjiżi li jiksru dawn il-prinċipji. 

Hemm bosta, fosthom, sospensjoni tal-pagamenti, projbizzjoni li jsiru impenji legali ġodda, sospensjoni ta' rifużjonijiet ta’ pagamenti jew ħlas lura bikri ta’ self garantit mill-baġit tal-Unjoni, sospensjoni jew tnaqqis tal-vantaġġ ekonomiku taħt strument garantit mill-baġit tal-Unjoni u projbizzjoni li jsiru ftehimiet ġodda dwar self ma' dak l-Istat Membru tal-UE.

Il-Parlament Ewropew qed jisħaq li wara li jiġu  implimentati miżuri l-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja tali pajjiż biex tara adottax il-miżuri proposti f'mhux aktar minn sena wara li jkunu imposti.

Il-Parlament Ewropew kien fakkar lura meta għadda dan ir-regolament li użu tajjeb tal-fondi Ewropej "jista' jiġi żgurat biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mal-liġi, jekk każijiet ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess jew ksur ieħor tal-liġi, jiġu segwiti b’mod effettiv mis-servizzi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni ... Hemm għalhekk relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba."

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024