Il-Parlament Ewropew bi twissija dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali

Kumitat tal-PE jwissi kontra teknoloġiji ta' Face Recognition fi spazji pubbliċi, sakemm sistemi bħal dawn ikunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem

L-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fl-infurzar u fil-ġudikatura għandu dejjem ikun soġġett għal salvagwardji, qal il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew, li llum adotta rapport dwar l-AI b'36 vot favur, 24 kontra u sitt astensjonijiet. 

Il-Membri Parlamentari Ewropej f'dan il-Kumitat saħqu fuq l-importanza ta' garanziji demokratiċi u kontabilità. 

Huma esprimew l-inkwiet tagħhom dwar l-użu tal-AI bħala għodda ta' sorveljanza tal-massa, xi ħaġa li tikser il-prinċipji tal-UE tal-proporzjonalità u neċessità. Il-Kumitat fil-fatt wissa kontra l-użu ta' AI legali għal dan l-iskop. 

L-abbozz tar-riżoluzzjoni jissottolinea il-potenzjali ta' suġġettività u diskriminazzjoni li jistgħu joħolqu algorittmi li fuqhom hija bbażata l-AI u jfakkar li din tista' tidentifika b'mod żbaljat persuni LGBTIQ, minoranzi etniċi, anzjani jew nisa fi gruppi oħrajn. Huma jinsistu li l-AI ma għandha qatt tintuża biex tassumi x'se jiġri fil-futur.

Fuq tagħmir ta' Face Recognition, għal xi żmien imwegħda mill-Gvern Malti preżenti fid-dawl ta' diversi inċidenti f'Paceville, bħala miżura ta' sigurtà, l-MEPs qalu li sistemi differenti għandhom implikazzjonijiet differenti. Għalhekk huma qed isejħu għal projbizzjoni permanenti ta' dettalji biometriċi bħall-marki tas-swaba, DNA jew il-vuċi, biex awtoritajiet jagħrfu nies fi spazji pubbliċi. 

Il-Kumitat irid ukoll li jipprojbixxi lill-forzi tal-ordni milli jużaw il-face recognition "sakemm tali sistemi jkunu konformi mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem."

Huma qed iħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu passi kontra pajjiżi li qed jużaw tali tagħmir u AI fuq il-fruntiera tagħhom. 

F'kummenti lill-midja l-MEP Petar Vitanov, mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi qal illi l-użu tal-AI qed jikber b'mod mgħaġġel u "l-affarijiet li konna naqarawhom fil-kotba tal-fantaxjenza u l-films  - bħas-sorveljanza tal-massa u l-użu tad-data biometrika -  saru realtà f'xi pajjiżi."

Huwa esprima sodisfazzjon għall-fatt li l-maġġoranza tal-Kumitat "irrikonoxxa l-perikli ta' dawn il-prattiċi għad-demokrazija. Il-progress qatt ma għandu jiġi għas-spejjeż tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem," temm jgħid Vitanov.

Petar Vitanov
Petar Vitanov

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej