'L-ewwel nett, ittratta l-għeruq tal-immigrazzjoni irregolari' - Alfred Sant lill-Kunsill Ewropew

'L-emerġenza tal-migrazzjoni ilha għaddejja għal żmien twil wisq u li hemm bżonn ta’ riżultati tanġibbli b’mod urġenti'

Il-Membru Parlamentari Malti, Alfred Sant, kien wieħed mill-parteċipanti fid-dibattitu konġunt dwar it-tħejjija tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Ġunju u t-tnedija mill-ġdid tad-dikjarazzjoni ta’ Malta dwar il-migrazzjoni. Id-diskors ta' Sant iffoka fuq is-solidarjetà dwar il-migrazzjoni bejn l-Istati Membri li skont hu għadha limitata.

L-Ewroparlamentari Laburista qal li "ħafna għadhom jinjoraw li l-migrazzjoni irregolari hija problema tal-UE u li għandha tkun indirizzati fuq livell Ewropew. Filwaqt li kien qed jindirizza l-użu tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà effettiv għall-migrazzjoni, Alfred Sant qal li l-emerġenza tal-migrazzjoni ilha għaddejja għal żmien twil wisq u li hemm bżonn ta’ riżultati tanġibbli b’mod urġenti.

Sant fakkar is-summit tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni li ġab flimkien mexxejja Ewropej u Afrikani lura fl-2015. F'dan is-summit, huma qablu li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari, itejbu l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni legali, u jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari.

"Il-mexxejja wegħdu li jerfgħu responsabbiltà komuni b'mod ġust bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, dawk ta’ transitu kif ukoll ta’ destinazzjoni. Madankollu, ħames snin wara, in-nofsinhar tal-Ewropa għadu qed jiffaċċja piż sproporzjonat permezz ta’ migrazzjoni irregolari u talbiet għal protezzjoni umanitarja", qal Alfred Sant.

Hu temm id-diskors tiegħu jgħid lill-Kunsill Ewropew li, l-ewwel li jrid jagħmel hu li, "jitratta l-għeruq tal-immigrazzjoni irregolari. It-tieni, jirranġa s-sistema attwali lejn struttura permanenti u proporzjonata ta' allokazzjoni għal dawk li jfittxu ażil."

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024