L-UE tipprojbixxi l-ajruplani tal-Belarussja milli jtiru fl-ispazju tal-ajru jew jużaw l-ajruporti tal-UE

L-UE titlob il-ħelsien tal-ġurnalist Belarussu Roman Protasevich u l-għarusa tiegħu Sofia Sapega

Protasevich jiġi arrestat f’Minsk
Protasevich jiġi arrestat f’Minsk

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea (UE) pprojbixxu l-ajruplani tal-Belarussja milli jtiru fl-ispazju tal-ajru jew jużaw l-ajruporti tal-UE. Dan wara li talbu għar-rilaxx ta’ Roman Protasevich u Sofia Sapega.  Imma din mhux l-unika azzjoni li UE qegħda tieħu, l-UE issa qed titlob għall-għajnuna tal-pubbliku. 

Skont huma, l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem fl-iskiet jista' biss jiffjorixxi. Hu għalhekk li qed titlob lill-pubbliku jgħin billi jkisser is-silenzju u jitkellem għal Protasevic u Sapega li bħalissa qed jiġu msikkta, permezz tal-hashtag #FreeRomanProtasevich u #FreeSofiaSapega fuq Facebook u pjattaformi oħra tal-midja soċjali.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) huwa wieħed minn numru ta’ ajruporti madwar l-UE li qed juru ritratti tal-ġurnalist Roman Protasevich bħala marka ta’ solidarjetà. Żewġ skrins fl-MIA juru ritratt ta’ Protasevich jiġi arrestat f’Minsk bit-titlu "Free Roman Protasevich and Sofia Sapega."

X'ġara fl-23 ta' Mejju u min hu Roman Protasevich?

Il-ġurnalist Belarussu Roman Protasevich u t-tfajla tiegħu Sofia Sapega kienu fuq titjira minn Ateni għal Vilnius fit-23 ta' Mejju meta l-gvern tal-Belarussja ġiegħel lill-ajruplan idawwar lejn Minsk.

Din il-mossa ġiet ikkundannata mill-Unjoni Ewopea iżda wkoll minn bosta pajjiżi oħra minn madwar id-dinja u waslet għal sejħiet għal sanzjonijiet kontra l-pajjiż. Il-President tal-Parlament David Sassoli qal li "l-avvenimenti fil-Belarussja, bil-ħtif ta' ajruplan ċivili biex jarrestaw lill-avversarji tar-reġim, jeħtieġu qabża' l quddiem fir-rispons tagħna kemm fis-saħħa kif ukoll fil-ħeffa."

Il-Parlament Ewropew u istituzzjonijiet oħra tal-UE qed jitolbu l-ħelsien immedjat ta' Protasevich u qed iħeġġu lil kulħadd biex jitkellem dwar dan il-ksur sfaċċat tad-drittijiet fundamentali.

Roman Protasevich hu ġurnalist u attivist ta’ 26 sena li ilu mfittex mill-awtoritajiet tal-Belarussja anke qabel faqqgħu protesti kontra d-dittatur, Alexander Lukashenko, fis-sajf li għadda. Iżda matul ir-rewwixta paċifika li kienet kważi waqgħet lil Lukashenko, spiss imsejjaħ 'l-aħħar dittatur tal-Ewropa', Protasevich kien sar wieħed mill-aktar avversarji mfittxija mir-reġim. 

Il-Gvern Belarussja uża theddida ta’ bomba falza biex iġġiegħel it-titjira tar-Ryanair li kienet qed iġġorr Protasevich u 120 passiġġier ieħor minn Ateni lejn il-Litwanja biex jiddevjaw lejn Minsk. Wara li żammew lil Protasevich u lit-tfajla tiegħu ta’ 23 sena, Sofia Sapega, l-awtoritajiet tal-Belarussja ħarġu filmat tal-ġurnalist jidher li jagħmel konfessjoni sfurzata, u b’sinjali fiżiċi li hu ġie msawwat.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024