Jekk se tintalab ċertifikat tal-vaċċin tal-UE ma tistax tintalab tagħmel test jew toqgħod kwarantina wkoll

Wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew kollox jinsab lest biex wara li jiltaqa' l-Kunsill Ewropew, fl-1 ta' Lulju jibda jopera d-Digital Covid Certificate. Imma x'ġie approvat eżatt?

Dawk il-pajjiżi li se jkunu qed ineħħu restrizzjonijiet biex persuna tidħol fil-pajjiż, biċ-Ċertifikat ta' vaċċinazzjoni bħala prova ma jistgħux jissoġġettaw lil persuni deħlin fihom, għal aktar restrizzjonijiet bħall-ittestjar, kwarantina jew inkella iżolament. Dan ifisser illi jekk beħsiebek issiefer f'pajjiż ieħor ladarba joħroġ id-Digital Green Ceritificate tal-UE u tkun ħadt il-vaċċin, huwa dan id-dokument biss li inti għandek tippreżenta qabel tidħol fil-pajjiż. 

Dan huwa ċċarat f'riżoluzzjoni dwar iċ-ċertifikat ewropew tal-vaċċin, li kienet approvata mill-Parlament Ewropew din il-ġimgħa stess.  Dan iċ-ċertifikat mistenni jkun il-liċenzja li diversi pajjiżi qed jistennew biex ikunu jistgħu jaċċettaw turisti fi ħdanhom. Malta diġà ppubblikat iċ-ċertifikat tal-vaċċin tagħha għall-użu tal-Maltin u l-Għawdxin iżda trid tiffirma ftehim bilaterali jew tistenna id-Digital Green Certificate sakemm tibda tilqa' aktar u aktar turisti f'pajjiżna, biċ-ċertifikat tal-vaċċin biss - minflok b'test ukoll.

Din l-istess riżoluzzjoni tagħmilha ċara illi pajjiż jibqa' jkollu d-dritt li jagħżel hu x'miżuri u restrizzjonijiet lokali jwettaq, fir-rigward tal-Covid-19.

L-importanza tal-proporzjonalità fid-deċiżjoni li titnaqqas il-libertà ta' persuna fl-UE

Il-Parlament Ewropew ifakkar li dan iċ-ċertifikat qed jingħata dejjem fid-dawl tal-fatt li ċittadini għandhom dritt tal-libertà tal-moviment, għalkemm din il-libertà tista' tittieħed parti minnha meta l-pajjiż ikun qed jiffaċċja pandemija jew theddid relatat ma' saħħa, sakemm il-miżuri jsiru "bi proporzjonalità."

Simili għal dak ta' Malta iċ-ċertifikat għandu jkun diġitali jew karta, stati membri jridu jaċċertaw l-awtentiċità taċ-ċertifikat u jkun dokument li faċilment jinqara

Flimkien ma' dan kollu, il-Parlament Ewropew qed jgħid li apparti dan iċ-ċertifikat għandu jkun hemm ċertifikat ieħor, li diġà qed jintuża minn ċerti pajjiżi fl-UE u li juri illi persuna kellha l-Covid-19 iżda fieqet fl-aħħar 180 jum. 

Il-Parlament qed jisħaq illi ċ-ċertifikat jeħtieġ ikollu informazzjoni bżonnjuża biss u li dik l-informazzjoni ma tistax tinżamm mill-istess Gvern tal-pajjiż.  Fil-fatt il-Parlament Ewropew qed jisħaq li Gvernijiet ta' Stati Membri ma jistgħux joħolqu database li fih jkun hemm l-informazzjoni relatata ma' dan id-dokument. 

Ir-riżoluzzjoni tgħid li dan iċ-ċertifikat (għalissa) se jdum applikabbli għal 12-il xahar u dejjem skont żviluppi mediċi u fix-xjenza li jkunu qed iseħħu fir-rigward tal-Covid-19.  Il-Parlament Ewropew iżda qed jinsisti li din hija miżura temporanja u qed jinsisti wkoll li d-Digital Green Pass m'għandux jintuża biex inaqqas minn libertajiet oħrajn. 

Dan iċ-ċertifikat irid jingħata b'xejn għalkemm jista' jkun ikkunsidrat ħlas f'każ ta' xi ħadd li jitilfu diversi drabi - l-aktar sabiex ikun miġġieled kull forma ta' abbuż u ċertifikati foloz li jistgħu jsiru. 

Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew approvat ir-Regolamenti l-ġodda dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b'546 voti favur, 93 kontra u 51 astensjoni (Ċittadini tal-UE). 

It-test issa jrid jiġi adottat formalment mill-Kunsill u jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, għal dħul fis-seħħ immedjat u jibda japplika mill-1 ta' Lulju 2021.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024