'Le l-Patt tal-Kummissjoni mhux qed jobbliga pajjiż tal-UE li jaqsam il-piż tal-immigrazzjoni'

L-MEP Cyrus Engerer iwieġeb dwar il-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil propost mill-Kummissjoni Ewropea, u jfakkar li l-Parlament Ewropew qed jinsisti fuq qsim obbligatorju tal-piż migratorju...

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-MEP Malti mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) Cyrus Engrer li fl-aħħar jiem ingħata wkoll responsabilità bħala negozjatur ewlieni dwar l-immigrazzjoni legali għall-istess S&D. 

Mistoqsi dwar il-Patt tal-Immigrazzjoni u l-Ażil li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea (ara paġna 14) u jekk dan huwiex qed iwiegħed illi l-qsim tal-piż migratorju jkunx wieħed obbligatorju, Engerer kien ċar li dan mhuwiex il-każ. 

"Le, ma hemmx obbligazzjoni ta' għajnuna.  L-uniku qbil li hemm sa issa huwa għall-mekkaniżmu volontarju," sostna Engerer mal-ILLUM. 

Dan jikkuntrasta xi ftit ma' dak li kienet qalet ma' din il-gazzetta wkoll l-MEP Maltija u Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li kienet sostniet illi f'Ġunju mistenni jintlaħaq qbil li jobbliga lill-pajjiżi jaqsmu l-piż. 

Cyrus Engerer qal li hija l-Kummissjoni Ewropea stess li qed "toqgħod lura" milli, per eżempju, tkun ċara dwar x'inhu u x'mhux emerġenza.  "Bħal dak li ġara Spanja per eżempju meta fi Cueta, daħlu eluf kbar ta' immigranti - mal-10,000 fi ftit jiem - jew mal-1,000% iktar minn normal. Din ma kinitx iddikjarata bħala emerġenza."

'Mela x'inhi emerġenza?' tistaqsi l-gazzetta ILLUM. 

"It-terminoloġija hija vaga," jibda jispjega l-MEP Malti. Huwa qal li ħafna drabi l-Kummissjoni Ewropea lanqas biss tressaq dan il-mekkaniżmu li tiddikjara emerġenza u allura jidħol il-bżonn ta' qsim tal-piż b'mod obbligatorju, "għax taf li pajjiżi bħall-Ungerija, il-Polonja u l-Islovakkja mhux se jaqblu."

'Ir-ritorn sponsorjat huwa ħafna iktar effettiv fuq bażi kollettiva'

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Engerer x'jaħseb dwar il-proposta ta' ritorn ta' immigranti b'mod sponsorjat, kif qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea. 

Engerer filwaqt li jisħaq dwar l-importanza li l-immigranti jkunu dejjem ritornati f'pajjiżi siguri, kif wara kollox huwa l-ħsieb tal-Kummissjoni, jgħid illi l-Unjoni Ewropea bis-27 pajjiż f'daqqa huma ferm aktar b'saħħithom minn stat membru waħdu. "U mhux qed ngħid għal pajjiżi żgħar biss bħal Malta. Hemm pajjiżi kbar li m'għandhomx relazzjonijiet bilaterali tajbin ma' kulħadd.  Nemmen li jekk xi ħaġa bħal din tkun ikkoordinata fuq livell ta' UE, tkun ħafna aktar effettiva.

Huwa fakkar li dan diġà rajnieh jiġri fil-każ tal-vaċċin, fejn il-prezzijiet kienu ħafna irħas għax il-Kummissjoni xtrat il-vaċċin għall-pajjiżi Ewropej. 

"Jekk Malta se tieħu immigrant Niġerjan waħedha, per eżempju, l-ispiża se tkun ħafna ikbar. U apparti minn hekk il-Ġermanja, x'interess għandha li tisponsorja titjiriet ta' immigrant li jinsab f'Malta?" Ifakkar li diversi pajjiżi Ewropej għandhom eluf kbar ħafna ta' immigranti. 

'La hemm min irid ħaddiema u hemm min lest jiġi jaħdem għandna bżonn sistema'

U finalment il-gazzetta ILLUM tistaqsi kemm jemmen li se tkun effettiva l-proposta ta' pre-screening qabel immigrant jasal fl-Ewropa. 

Huwa jfakkar li din ma tgħoddx għal min jaħrab il-persekuzzjoni li m'għandux ċans joqgħod japplika.  "Li qed ngħidu huwa li immigranti li qed ifittxu li jiġu l-Ewropa għal xogħol, mhux jitilqu u malli jaslu, tgħidilhom li ma jistgħux japplikaw għall-ażil, imbagħad il-pajjiż irid jibgħathom lura...biex niffrankaw dan kollu għandu jkun hemm sistema marbuta mal-bżonn ta' ħaddiema f'diversi oqsma."

Engerer fakkar illi bħalissa diversi negozji, anke f'Malta, qed jiffaċċjaw problemi biex isibu biżżejjed ħaddiema f'oqsma bħat-turiżmu, catering u oħrajn.  Huwa staqsa:  "Mela għaliex la persuna tixtieq tħaddem, ma tistax issib ewropej u hemm min lest jiġi fl-Ewropa jagħmel dan ix-xogħol, ma jkollniex sistema li tippermetti dan?"

Engerer ippropona li jkun hemm sistema online fejn persuna li qed tfittex il-ħaddiema titfa' riklami u talbiet, bin-nies f'pajjiżi terzi japplikaw.  U b'hekk l-applikazzjoni tagħhom ta' ażil tiġi trattata f'dak il-punt. 

"Din hija għażla waħda,  Hemm għażliet oħrajn, bħal reception centres fl-Afrika u anke l-Ażja, fejn persuna tista' tapplika," kompla jispjega l-MEP Laburista. 

Huwa fakkar li filwaqt li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tiċkien, hemm bżonn ta' ħaddiema biex jimlew il-postijiet tax-xogħol fl-UE li mhux se jkun hemm biżżejjed nies biex jimlewhom.  "Dan filwaqt li l-Ewropa diġà tilfet ħafna talent għal pajjiżi bħall-Ġappun u l-Istati Uniti."

Huwa qal li l-għan tal-Parlament huwa li jkun fuq quddiem u li jippreżenta l-proposta qabel dik tal-Kummissjoni fl-aħħar tas-sena. 

"Li huwa żgur hu li bħala Parlament Ewropew aħna naqblu mal-qsim tal-piż mandatorju."

"Nemmen li se jkollna qbil, li se jasal aktar malajr milli hemm min qed jaħseb," temm jgħid Cyrus Engerer.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024