X’inhi l-‘Hi-ċessjoni’ u liema pajjiżi għaddejin minnha l-iktar?

Dawn l-istati membri mhux kollha qed jaraw li l-ugwaljanza fl-irkupru tkun imħarsa

Din il-gazzetta ddedikat numru ta’ artikli għall-ekonomija fi żmien il-pandemija u wasalna f’punt li kulħadd jaf li l-effetti li ħalliet warajha il-COVID-19 mhumiex xi ħaġa li tifraħ bihom. Iżda issa l-Unjoni Ewropea qegħda tistudja l-kunċett ta’ ‘Hi-ċessjoni’. Din hi riċessjoni partikolari li laqtet lil numru ta’ pajjiżi fl-UE wara l-pandemija.  

'Hi’, il-pronom femmininil fis-singular kien maqgħud mal-abbrevjazzjoni ‘ċessjoni’ li tirrapreżenta l-kelma ‘riċessjoni’. Dan sar biex jingħata isem lir-riċessjoni li għaddejjin minnha n-nisa li baqgħu taħt l-effett tal-pandemija iktar mill-irġiel. 

Mhux hekk biss, iżda dawn l-istati membri mhux kollha qed jaraw li l-ugwaljanza fl-irkupru tkun imħarsa. 

Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat Ewropew għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) talab għal studju biex jagħrfu aħjar kif jistgħu jgħinu. L-istudju bl-isem ta’ ‘COVID-19 u l-impatt ekonomiku u l-faqar fuq in-nisa' ma jinkludix biss riċerka ta’ informazzjoni li setgħu jsibu iżda jinkludi ukoll studju li sar fuq ħames pajjiżi: L-Italja, Franza, Ġermanja, il-Polonja u l-Iżvezja. 

Fl-Italja tista' tgħid li n-normi tal-ġeneru fl-ekonomija u fis-soċjetà għadhom jiddominaw. Rifless ta’ dan nistgħu insemmu li kważi mara waħda minn kull tnejn ma’ taħdimx u lanqas biss qed tfittex impjieg. 

Din m’għadhiex x’taqsam il-pandemija fiha, iżda fis-snin ta’ qabel r-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol fl-Italja kienet ta’ 56.5%.  

Madankollu, kawża tal-COVID-19, l-Italja daħlet f’hi-ċessjoni, li bidlet dak il-56.5% għal rata ta’ 47.5%. 

B'mod simili għall-każ ta’ stati membri oħra, in-nisa Taljani kienu wkoll fil-qalba tal-ġlieda tal-pandemija hekk kif jaħdmu fil-qasam tal-kura u saħħa, b’salarji baxxi li jikkaratterizzaw dan is-settur.  

Minkejja l-fatt li hemm minoranza ta’ nisa li ġew protetti ekonomikament billi kienu impjegati bħala frontliners, bosta nisa fl-Italja ħadmu fis-setturi tas-servizzi, li ġew milquta b'mod negattiv minn miżuri ta’ għeluq u kwarantina.  

Sfortunatament, ma kien hemm l-ebda miżuri jew inċentivi maħsuba speċifikament biex jindirizzaw l-faqar tan-nisa, u lanqas imqar biex tiggarantixxi li n-nisa jkollhom aċċess ugwali għall-ekonomija diġitali, li fi żmien il-pandemija splodiet.  

Fi Franza, il-parteċipazzjoni tax-xogħol tan-nisa tammonta għal 68.2%. 

Bħall-Italja u l-bqija tal-istati membri, l-impjieg tan-nisa intlaqat b’mod sproporzjonat ikkumparat mal-irġiel, anke jekk fi Franza l-impatt ma kienx daqshekk sinifikanti. 

Id-differenza bejn ir-rata tal-impjieg tan-nisa bejn l-Italja u Franza hi, li filwaqt li l-Italja baqgħet tiggrava,  ir-rata ta' impjieg tan-nisa fi Franza naqset minn 62.7% għal 62.5% fl-2020 u rkuprat kompletament sal-aħħar tas-sena.  

Huwa interessanti li wieħed jinnota li fi Franza 89% tan-nisa huma impjegati fis-servizzi. Huwa għalhekk li r-riċessjonijiet Franċiżi jidhru li huma inqas kkumparati ma’ stati membri oħra. Il-kunċett ta’ teleworking kien diġà prattikat minn qabel il-pandemija u għalhekk il-prezz li ħallsu l-ħaddiema fi Franza - speċjalment in-nisa -  kien ferm inqas minn ta’ pajjiżi oħra. 

Dan wassal biex ma kienx hemm bżonn miżuri u inċentivi biex jindirizzaw speċifikament il-faqar tan-nisa bħala konsegwenza tal-kriżi COVID-19.  

Pajjiż ieħor li qiegħed fl-istess baħar ta’ Franza, hu l-Ġermanja fejn in-nisa ma sofrewx b'mod sinifikanti kkumparat mal-irġiel. 

Bħal Ġermanja u Franza, insibu lill-Polonja li ma tantx sofriet f’dan ir-rigward. Intant għal-kuntrarju ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi, l-Polonja diġà kellha rata ta’ impjieg tan-nisa ħażina. Waqt il-pandemija hi sofriet nuqqas ta’ 1% fir-rata ta’ impjiegi iżda sal-aħħar tas-sena 2020 reġgħet ġiet kif kienet qabel il-pandemija. Fi ftit kliem bdiet fuq sieq ħażina u baqgħet fejn kienet.  

In-nisa fl-Iżvezja għadhom isofru minn sterjotipi tradizzjonali u ġeneralment jispiċċaw jagħmlu xogħlijiet fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni. 

Dan jintwera' fiċ-ċar hekk kif 48% tat-tobba fl-Iżvezja huma nisa, u jekk tgħodd l-infermiera magħhom din ir-rata titla għal 88%.  

Is-settur tas-servizzi Żvediżi jimpjega 92% tan-nisa, li hija l-ogħla fost l-Istati Membri. Dan kollu wassal biex l-Iżvezja tħoss l-inqas effetti tal-‘Hi-ċessjoni.’  

Hemm żewġ fatturi oħra li lagħbu rwol importanti. Fatt importanti hu li wieħed irid iqis li fis-snin ta' qabel il-pandemija, l-Iżvezja kellha l-ogħla sehem tal-popolazzjoni impjegata mas-settur pubbliku fost il-pajjiżi kollha.  

Fl-aħħar, il-fatt li l-Iżvezja ma implimentawx miżuri ta’ għeluq u distanzi soċjali fisser ukoll li s-settur tas-servizzi baqgħu fil-biċċa l-kbira tiegħu jopera. Tabilħaqq madwar 60% tal-irġiel u n-nisa b'mod ugwali iddikjaraw li komplew jaħdmu fiżikament fuq il-post tax-xogħol matul il-pandemija.  

Skont l-istudju tal-UE, in-nisa fl-Iżvezja jistgħu jkunu saħansitra vantaġġJati fil-futur. Dan għaliex is-settur pubbliku jistenna żieda fid-domanda għax-xogħol matul il-perjodu ta’ rkupru, li għaliha n-nisa jistgħu jkunu ta' vantaġġ u l-irġiel jistgħu jiffaċċjaw prospetti akbar ta’ qgħad kif kien il-każ fi kriżijiet tal-passat. 

Madankollu l-Gvern Żvediż xorta ħadem fuq miżuri favur il-ġeneru feminili tant li alloka aktar riżorsi lill-awtoritajiet lokali, u tejjeb ukoll l-għoti tal-benefiċċji fis-setturi tal-impjiegi ddominati minn nisa, bħal skejjel u faċilitajiet ta’ kura. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024