'Malta se tibbenifika minn madwar €125 miljun minn fondi soċjali tal-UE' - David Casa

Il-Fond Soċjali Ewropew ta’ iktar minn €90 biljun, se jkun qed jinqasam bejn l-Istati Membri skont il-bżonnijiet tagħhom

F'laqgħa organizzata mill-Uffiċċju għall-Parlament Ewropew f'Malta, l-MEP Malti David Casa tkellem fuq kif Malta se tikseb madwar €125 miljun minn fond soċjali tal-UE li għadu kemm ġie nnegozjat. Il-Fond Soċjali Ewropew ta’ iktar minn €90 biljun, se jkun qed jinqasam bejn l-Istati Membri skont il-bżonnijiet tagħhom. 

Casa, li mexxa n-negozjati għall-fond il-ġdid, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan il-fond ġie approvat mill-Parlament Ewropew mingħajr il-bżonn ta' vot. Huwa qal li dan kien minħabba li l-gruppi politiċi kollha tal-parlament kienu qablu dwar ir-rapport li jwassal għat-twaqqif tal-fond.

Kif se jintuża l-fond hawn Malta?

Il-fond huwa wieħed mill-għodda ewlenija tal-UE għall-promozzjoni tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali billi tgħin lin-nies isibu xogħol, jew xogħol aħjar, billi jintegraw nies żvantaġġati fis-soċjetà u jiżguraw opportunitajiet ġusti.

Fil-każ ta' Malta, Casa ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex joħroġ bi pjan ta’ seba’ snin dwar kif l-aħjar jintuża' l-fond allokat lill-Malta. Fil-passat Malta għamlet użu mill-istess fondi f'diversi setturi fosthom;

  • L-iskema tal-JobsPlus, fejn persuna li qed tirreġistra għall-impjieg tiġi mħarrġa minflok toqgħod id-dar
  • L-iskema li tippermeti lin-negozjanti Maltin biex iħaddmu nies b'diżabilità
  • NGOs li użaw il-fondi biex iħarġu l-impjegati tagħhom bħal Fondazzjoni Richmond u Heritage Malta, u ħafna aktar.

Fond Soċjali ġdid biex jappoġġja liż-żgħażagħ u lit-tfal fil-bżonn

Matul in-negozjati, il-Parlament ħaseb ukoll għall-investiment fl-impjiegi taż-żgħażagħ u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Il-fond speċjali ddedikat għalihom jissejaħ FSE+.

L-Istati Membri b’perċentwal ogħla mill-medja tal-UE ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ bejn l-2017 u l-2019 jeħtieġ li jiddedikaw mill-inqas 12.5% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom biex jgħinuhom itejbu l-ħiliet tagħhom jew isibu impjieg ta’ kwalità tajba. L-Istati Membri l-oħra għandhom jiddedikaw ukoll riżorsi għalihom, preferibbilment bl-implimentazzjoni tal-iskemi msaħħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Biex wieħed jifhem x'qed jiġri f'dan ir-rigward f'Malta, skont studju mill-UE, bejn l-2017 u l-2019 f'Malta kien hawn 8% taż-żgħażagħ bejn il-15-il sena u d-29 sena li la jaħdmu u lanqas jistudjaw. Dan hu inqas mill-medja tal-UE li hi ta' 13%. Dan ifisser li Malta mhux marbuta li tonfoq 12.5% tal-fond fuq dawn iż-żgħażagħ la l-persentaġġ hu inqas mill-medja.

Iċ-ċifri li ħarġu mill-istudju tal-EU bejn l-2017 u l-2019
Iċ-ċifri li ħarġu mill-istudju tal-EU bejn l-2017 u l-2019

Fuq bażi simili, l-Istati Membri li kellhom perċentwal ogħla mill-medja tal-UE ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali bejn l-2017 u l-2019 (medja UE - 23.4%) għandhom jinvestu mill-inqas 5% tar-riżorsi tal-ipprogrammar tagħhom biex jappoġġaw direttament l-aċċess ugwali tat-tfal għaċ-childcare, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni diċenti. L-Istati Membri kollha huma obbligati jinvestu fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.

Fil-każ ta' Malta, skont l-istess studju, insibu 23.1% ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Minħabba li dan huwa marġinalment inqas mill-medja, Malta xorta trid tinvesti mill-inqas 5% tal-fondi biex din iċ-ċifra tonqos immedjatament. Mistoqsi fuq dan kollu, David Casa saħaq li "issa m'għadux obbligu morali biss issa hu obbligu legali wkoll li kull Stat Membru juża dawn il-fondi speċjali." 

Xogħol David Casa bħala negozjatur

Wara l-elezzjoni tal-2016, meta David Casa kien elett bħala MEP, hu kien immedjatament intagħżel biex jieħu ħsieb in-negozjar tal-Fond Ewropew. Ix-xogħol kien jirrikjedi li Casa jara x'hemm bżonn fl-istituzzjonijiet ta' Malta u x'hemm bżonn fl-istituzzjonijiet ta' pajjiżi Ewropej oħra u joħroġ b'kompromess bejn l-Istati Membri.

L-importanti kien li jintlaħaq xi tip ta' bilanċ bejn flessibiltà fuq kif il-Gvernijiet Ewropej jonfqu l-flus filwaqt li tinżamm garanzija ta' kemm jintefqu fondi fuq ċertu setturi li qed jokorbu għal-riżorsi u għajnuna. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024