Il-Patt dwar l-immigrazzjoni: X'inhu, x'jgħid u x'differenza se jagħmel?

L-immigrazzjoni tinsab, mill-ġdid fuq l-aġenda tal-UE - inkluż tal-Parlament Ewropew.  Imma dan se jbiddel xi ħaġa?

Il-Parlament Ewropew qed jiddiskuti l-immigrazzjoni
Il-Parlament Ewropew qed jiddiskuti l-immigrazzjoni

L-immigrazzjoni qed terġa' bil-mod, il-mod titla' fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew mhux biss hekk kif qegħdin fuq l-għatba tas-sajf imma wkoll hekk kif bdew id-diskussjonijiet dwar il-Patt il-ġdid dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil.  Dan jagħmiha ċara, fost diversi punti differenti illi "l-Istati Membri kollha tal-UE jeħtieġ jikkontribwixxu għal solidarjetà fil-qasam tal-immigrazzjoni fuq bażi kostanti." 

Dan Il-Patt li ġie mressaq mill-Kummissjoni Ewropea jfakkar illi fl-2019 madwar l-UE kien hawn b'kollox 21 miljun persuna li ġejjin minn pajjiżi terzi, jiġifieri 4.7% tal-popolazzjoni totali. Fl-istess sena l-istati membri ħarġu tliet miljun permess ta' residenza lil persuni li mhumiex mill-UE, inkluż 1.8 miljun permess għal perjodu ta' sena. 

Fl-2015, fl-agħar tal-kriżi tal-immigrazzjoni, kien hemm 1.8 miljun persuna li qasmet għall-Ewropa b'mod illegali li iżda naqas bil-qawwi fl-2019, għal 142,000. Fl-2015 l-applikazzjonijiet laħqu ftit inqas minn 1.3 miljun u fl-2019 dan in-numru niżel għal 698,000. 

Il-Patt tal-Immigrazzjoni huwa mibni fuq diversi punti, prinċipalment: Sistema ġusta u effiċjenti ta' ażil kif ukoll ta' ritorn. Mekkaniżmu ta' solidarjetà għal sitwazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ u politika effettiva ta' ritorn. 
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dan il-Patt li qed ikun diskuss fil-Parlament Ewropew u dak li qed joffri differenti mir-realtà preżenti - jekk qed joffri xi ħaġa differenti!

Screening tal-immigrant mal-wasla 

Fejn illum immigrant jasal pajjiż - bħal Malta  - u jidħol biex imbagħad jibda l-proċess li jiddetermina kull immigrant għandux dritt għall-ażil jew le, dan il-Patt qed jipproponi proċeduri li jistabilixxu dan l-istess status b'mod ħafna aktar spedit, qabel l-immigrant qabel jidħol fil-pajjiż li se jilqgħu, bħala allura pass lejn immigrazzjoni legali.  Dan jista' jsir permezz ta' diversi passi. 

L-ewwel pass huwa l-iscreening tal-immigrant eżatt mal-wasla fuq il-fruntiera. Dan il-proċess ikun jinkludi identifikazzjoni, l-ewwelnett, iċċekkjar ta' stat ta' saħħa u sigurtà, teħid tal-marki tas-swaba' u reġistrazzjoni. 

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li talbiet għall-ażil b'ċans baxx ħafna li jgħaddu jkunu eżaminati malajr kemm jista' jkun, mingħajr il-bżonn li persuna tidħol fit-territorju tal-pajjiż. 

Fid-dawl ta' dan l-istess proċess il-Kummissjoni qed tisħaq li għandu jkun hemm proċess spedit u effiċjenti ta' ritorn li tidħol fis-seħħ eżatt malli jkun deċiż li persuna ma tikwalifikax għall-ażil. Il-Patt ippreżentat lura f'Settembru jgħid illi dan "jelimina ir-riskji ta' movimenti mhux awtorizzati u jibgħat sinjal ċar lit-traffikanti tal-bnedmin.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tisħaq illi għandu jinħoloq qafas komuni li jwassal għal solidarjetà u qed tisħaq illi l-mekkaniżmu l-ġdid ta' solidarjetà se jaħdem - primarjament - fuq ir-rilokazzjoni jew inkella jew inkella l-isponsorjar tar-ritorn. Dan tal-aħħar huwa meta Stat Membru jiprovdi l-appoġġ kollu neċesarju biex immigrant li ma għandux dritt għall-ażil, ikun mibgħut lura mill-pajjiż li qed jiffaċċja pressjonijiet migratorji.  Imma mhux biss!  Dan il-pajjiż 'sponsor' irid jieħu r-responsabilità tar-ritorn ta' dan l-immigrant f'massimu ta' żmien. 

"Sistema komuni tal-UE għar-ritorn tal-immigranti hija meħtieġa sabiex toħloq strutturi iktar effettivi fil-kooperazzjoni aktar effettiva ma' pajjiżi terzi fuq ir-ritorni tal-immigranti."

Biex tieħu ħsieb li toħloq liġi komuni għall-ażil il-Kummissjoni qed tipproponi Aġenzija tal-UE għall-Ażil.  Qed tipproponi li din is-sistema tar-ritorn tkun mibnija fuq id-Direttiva tar-Ritorn tal-2018. 

Qed tipproponi wkoll li l-Aġenzija Frontex tkun is-sieħeb ewlieni f'din is-sistema komuni ta' ritorn

Il-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil qed jipproponi li tfal immigranti li ma jkunux akkumpanjati, tfal taħt it-12-il sena u l-familji tagħhom ma jgħaddux mill-proċess tal-iscreening imsemmi f'dan l-artiklu diġà u minflok jitħallew jidħlu. 

Il-Patt qed jisħaq ukoll illi ċerti gruppi jingħataw protezzjoni mill-ewwel, l-aktar dawk li jinsabu fir-riskju ta' vjolenza minħabba kunflitt armat lura f'pajjiżhom.

Il-fruntieri jingħalqu biss f'ċirkostanzi straordinarji

Wara diversi inċidenti ta' bini ta' ħitan u għeluq ta' fruntieri minn pajjiżi bħall-Ungerija u anke l-Greċja, dan il-Patt li għad irid ikun approvat qed jinsisti li l-fruntieri jingħalqu biss f'ċirkostanzi straordinarji. 

"Iktar kemm idumu dawn il-kontrolli, aktar iqumu mistoqsijiet dwar in-natura temporanja u l-proporzjonalità tagħhom.  Kontrolli temporanji jistgħu jintużaw biss f'ċirkostanzi straordinarji sabiex iwieġbu għal sitwazzjonijiet li serjament jaffetwaw is-sigurtà interna," jgħid dan il-Patt. 
Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi li tibni Strateġija għall-Futur taż-żona Shengen. 

Toroq legali għall-immigranti

Din ilna nisimgħuha, li jkun hemm rotot legali għall-immigranti. Imma x'qed jipproponi eżatt il-Patt Ewropew? 
Il-Patt jagħmilha ċara kristall li toroq legali u siguri ta' immigrazzjoni joffru protezzjoni lil dawk fil-bżonn u "jneħħu l-inċentiva ta' bosta li jaqbdu dawn il-vjaġġi hekk perikolużi." 

Il-Patt jagħmilha ċara li jibqa' d-dritt ta' kull Stat Membru li jiddetermina hu kemm jistgħu jidħlu persuni minn pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu x-xogħol (mhux immigranti li qed jaħarbu t-theddid u gwerer). 

Nhar il-Ħadd li għadda permezz ta' sondaġġ xjentifiku fuq il-gazzetta ILLUM irriżulta li kważi nofs il-poplu Malti (49.7%) jaqblu ma' xi forma ta' kwoti ta' ħaddiema barranin fil-pajjiż. 

Il-Patt ifakkar fl-importanza li l-UE tibqa' tattira lejha talent u ħiliet speċjalment fid-dawl tal-bżonnijiet ekonomiċi ta' diversi pajjiżi u tfakkar li fl-2018 iktar minn 775,000 persuna minn pajjiżi barra l-UE ingħataw permessi residenzjali għal skopijiet ta' xogħol. 

Fid-dawl ta' dan il-Kummissjoni qed tisħaq illi ssir reviżjoni tad-Direttiva tal-Permessi għal-Residenti (fit-tul), reviżjoni tal-Permess Singolu u li tara illi tkun esplorata l-possibilità ta' aktar talent minn pajjiżi terzi. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024