Id-Digital Green Pass quddiem il-Plenarja tal-EP wara li l-Kumitat LIBE jissiġilla r-rapport finali

Dan id-Digitial Green Pass se jkun validu mill-1 ta' Lulju sa 12-il xahar wara

Illum il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għad-Digital Green Pass Ewropew li se jkun jista' jibda jintuża mill-1 ta' Lulju u jibqa' validu għal 12-il xahar. 

Id-Digital Green Pass se jkun dokument simili għall-Ewropej kollha li jista' jintuża biex persuna tmur minn pajjiż għall-ieħor u jkun validu madwar ġimgħa wara li tkun ħadt it-tieni doża, meta allura persuna tkun laħqet immunità għall-virus.  Minkejja dan, iċ-ċertifikat se jkun miftuħ ukoll għal persuni minn pajjiżi terzi.

Il-Kumitat ivvota favur ir-rapport li jitratta dan iċ-ċertifikat bi 52 vot favur, 13 kontra u tlett astensjonijiet f'dak li jirrigwarda l-użu taċ-ċertifikat għall-Ewropej.  F'dak li jitratta persuni minn pajjiżi terzi 53 ivvutaw favur, 10 kontra u ħamsa astjenew. 

Ir-rapport issa allura jmur quddiem il-Plenarja ta' Ġunju u minn hemm ikun approvat mill-Kunsill Ewropew, 

F'kummenti wara dan il-vot iċ-Chairperson tal-Kumitat u rapporteur Juan Fernando Lopez Aguilar mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) sostna illi l-Parlament Ewropew beda dawn in-negozjati "b'oġġettivi ambizzjużi u rnexxielu jikseb kompromess tajjeb."

Huwa jgħid li r-rapport jassigura li l-libertà tal-moviment tan-nies terġa' tkun irrestawrata b'rispett lejn id-drittijiet taċ-ċittadini, mingħajr diskriminazzjoni u b'rispett lejn il-protezzjoni tad-data."

 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024