Sassoli b'appell għal rispons qawwi wara l-hijack mill-Belarus biex ikun arrestat ġurnalist

Il-mexxejja Ewropej  - inkluż il-PM Malti - qablu fuq sanzjonijiet u appellaw għall-ħelsien tal-ġurnalist Roman Protasevich

Il-ġurnalist Roman Protasevich
Il-ġurnalist Roman Protasevich

Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli sejjaħ għal rispons qawwi mill-Unjoni Ewropea wara li l-Gvern tal-Belarus niżżel titjira tar-Ryanair f'Minsk biex ikun jista' jarresta ġurnalist li jopponi lill-istess Gvern.  It-titjira kienet telqet minn Ateni għal-Litwanja imma iddawwret lejn il-belt kapitali tal-Belarus, eskortata minn fighter jet tal-era Sovjetika. 

L-awtoritajiet tal-Belarus qalu illi kien hemm theddida ta' bomba, iżda malli l-ajruplan niżel Minsk l-awtoritajiet arrestaw lill-ġurnalist Roman Protasevich. 

Il-President tal-Parlament Ewropew għamel dan l-appell fil-bidu tal-Kunsill Ewropew fejn qal illi investigazzjoni internazzjonali jeħtieġ issir biex ikun verifikat jekk it-trasport tal-ajru u s-sigurtà tal-passiġġieri kienu ipperikolati minn stat sovran u jekk kienx hemm ksur ta' ċerta konvenzjonijiet.

"Ir-rispons tagħna jeħtieġ ikun b'saħħtu u f'għaqda.  L-Unjoni Ewropea trid taġixxi mingħajr eżitazzjoni u billi tikkastiga lil dawk responsabbli," qal Sassoli. 

Intant il-mexxejja tal-UE - inkluż il-PM Malti Robert Abela - qablu li għandu jkun hemm sanzjonijiet kontra l-Belarus, li jistgħu jinkludu l-projbizzjoni tal-użu l-ajruporti tal-istess pajjiż mill-Gvern awtokratiku ta' Alexander Lukashenko.  Huma qed jappellaw ukoll biex Protasevich jinħeles.

Is-sena l-oħra l-Parlament Ewropew għadda l-Premju Sakharov lill-Oppożizzjoni fil-Belarus rappreżentata mill-Kunsill tal-Koordinazzjoni.  Din kienet inizzjattiva ta' grupp ta' nisa kif ukoll figuri politiċi u ċivili prominenti kontra l-Gvern waqt kriżi politika fil-pajjiż frott ir-riżultat elettorali tad-9 ta' Awwissu 2020. Dawn il-protesti waslu għal rispons qawwi u vjolenti mir-reġim ta' Lukashenko.

 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024