Engerer jinħatar bħala n-negozjatur tas-Soċjalisti Ewropej fuq l-immigrazzjoni legali

Huwa jinħatar ukoll, fl-istess ħin, rappreżentatnt tal-S&D fil-Kumitat għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Ibħra tal-Organizazzjoni Marittima Dinjija

Cyrus Engerer (MEP S&D)
Cyrus Engerer (MEP S&D)

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer għadu kemm ingħata żewġ ħatriet fil-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

Negozjatur għall-immigrazzjoni legali tas-S&D

Engerer ġie maħtur bġala n-negozjatur tal-Grupp tas-Soċjalisti dwar l-immigrazzjoni legali lejn l-Unjoni Ewropea.  Hu spjega kif “l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tindirizza b’mod konkret l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’numru ta’ setturi u dwar kif se tiġbed lejha nies ta’ talent li qed jintilfu milli jersqu lejn l-Ewropa biex imorru f’ekonomiji oħra madwar id-dinja.” 

Engerer qal li “fl-istess waqt irridu naraw li nrażżnu l-immigrazzjoni rregolari ta’ dawk li ma għandhomx dritt għall-ażil.  Dan għaliex il-pajjiżi tal-periferija bħal Malta ma jifilħux għan-numru ta’ immigranti li jkunu qegħdin jaslu fl-ixtut tagħhom; kif ukoll għas-sigurta’ ta’ dawk li jkunu qegħdin jagħmlu dan il-vjaġġ perikoluż fuq dgħajjes mhux attrezzati biex jaqsmu dawn l-ibħra”.

L-MEP Laburista irrimarka li madwar l-Unjoni Ewropea kollha jeżistu numru ta’ labour gaps  li jridu jiġu indirizzati sabiex l-ekonomija tkompli tikber.  Bħala eżempju semma’ n-nuqqas ta’ infermiera li kellha Malta u kif bħala pajjiż irnexxielna, b’ħidma flimkien ma’ numru ta’ infirmiera minn barra l-Unjoni Ewropea, nkunu l-leaders Ewropej fil-ġlieda kontra l-panemdija.

Hu tkellem ukoll fuq il-fatt li l-popolazzjoni Ewropea hi l-iktar popolazzjoni li se tiċkien b’mod naturali fis-snin li ġejjin, hekk kif l-Ewropej huma l-inqas nies li qed ikollhom tfal mill-popli kollha madwar id-dinja.  Popolazzjoni iktar anzjana għandha bżonn ħaddiema biex imantnu s-servizzi essenzjali, kif ukoll biex il-qafas soċjali jkompli għaddej.

Delegat tal-Parlament Ewropew fil-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ibħra tal-IMO

Intant, Engerer ingħata wkoll il-kariga ta’ wieħed miż-żewġ rappreżentanti tas-Soċjalisti għad-delegazzjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Ibħra tal-Organizazzjoni Marittima Dinjija, l-IMO.

Sa mill-bidu tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, Engerer ħa rwol attiv fil-Kumitat tal-Ambjent jitkellem dwar l-importanza tal-ibħra, tema li ma kenitx qed tiġi diskussa biżejjed fil-Parlament Ewropew.  “Għalina l-Maltin, l-ibħra huma sors importanti kemm għall-għixien tal-ekonomija tagħna, kif ukoll għar-rilassament ta’ kull wieħed u waħda minna.  Irridu naraw li l-ibħra tagħna jiġu protetti,” temm jgħid Engerer.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024