Mill-Plenarja: Kliem ta' solidarjetà li xbajna nisimgħu u kritika mill-MEPs fuq l-immigrazzjoni
Il-gazzetta ILLUM segwiet il-Plenarja tal-Parlament Ewropew illi matulha ġiet diskussa l-immigrazzjoni fil-Mediterran - minkejja l-ħafna kliem bħaċ-ċirasa u espressjonijiet ta' solidarjetà, ħafna MEPs ma qagħdux lura fi kritika ħarxa lejn in-nuqqasijiet tal-UE fuq din il-kwistjoni...
minn Albert Gauci Cunningham
Riesaq is-sajf u miegħu nistennew żieda fl-immigrazzjoni, hekk kif il-baħar ikun ħafna iktar kalm, il-ġranet ħafna isbaħ u allura apparati li jkun temp tajjeb biex immorru ngħumu, ikun temp tajjeb ukoll biex eluf jitilqu (ġeneralment - imma mhux biss) mil-Libja u jibdew traġitt fil-Baħar Mediterran għal wegħda ta' ħajja ħafna isbaħ u aħjar!
U ma' dan il-fenomenu ta-immigrazzjoni u kriminalità jibda d-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar din il-materja.
Fil-fatt din il-ġimgħa stess il-Plenarja tal-Parlament Ewropew, immexxija mill-Viċi President tal-istess Parlament Roberta Metsola, iddiskutiet l-immigrazzjoni fl-ibħra ta' madwarna u anke l-imwiet li seħħew - 747 diġà din is-sena, skont il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva (Il-Portugal qed tmexxi l-Presidenza tal-PE bħalissa). Dan flimkien ma' 20,000 persuna li diġà qasmu l-baħar Mediterran din is-sena, sal-aħħar ta' April. Xejn inqas minn 6,000 immigrant qasmu l-fruntiera tal-Marokk lejn Spanja fi ftit jiem - xi ħaġa li ssemmiet minn diversi MEPs waqt ll-Plenarja, b'mod speċjali minn MEPs Spanjoli. Xi MEPs saħansitra talbu biex l-UE twettaq sanzjonijiet fuq il-Marokk talli qed tħalli dawn l-immigranti jgħaddu lejn Spanja.
Id-dibattitu kien iżda immarkat b'sens ta' eżasperazzjoni minn diversi MEPs, b'ħafna jikkritikaw lill-Kummissjoni Ewropea talli mill-paroli qatt ma għaddiet għall-fatti u li fuq din il-kwistjoni hekk importanti mhix qed tidher b'saħħitha politikament. Dan juri illi l-ilmenti lejn l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha fuq l-immigrazzjoni mhumiex realtà lokali biss, imma realtà Ewropea wkoll.
Kien hemm ħsieb mill-aktar diverġenti iżda dwar is-soluzzjoni għal din l-isfida: MEPs jisħqu fuq triq sigura u legali ta' immigrazzjoni u MEPs oħrajn jisħqu li l-UE jeħtieġ tagħmel bħall-Awstralja u tagħlaq il-fruntieri.
Il-gazzetta ILLUM segwiet id-dibattitu u qed tipproduċi uħud mill-interventi fil-Parlament Ewropew, fosthom tal-Kummissarju Ewropew preżenti għas-sessjoni.
'Aħna nilqgħu l-immigrazzjoni marbuta mix-xogħol'
Il-Kummissarju Ewropew tal-Intern Ilva Johansson sostniet illi l-UE tilqa' l-immigrazzjoni ekonomika, ta' nies li ġejjin lejn l-Ewropa biex isibu x-xogħol u dan għaliex saħqet illi l-UE teħtieġ aktar u aktar persuni b'ċerti ħiliet biex jimlew eluf ta' postijiet tax-xogħol. Hija qalet illi dan qed isir filwaqt li l-Kummissjoni qed taħdem biex jiġi miġġieled l-ittraffikar u l-kuntrabandu u minflok jinħoloq mezz ta' kif dawk l-immigranti li jiġu hawn għax-xogħol jagħmlu dan b'mod sigur u legali.
Għamlet referenza għall-immigranti deħlin Spanja, mill-Marokk, din il-ġimgħa u filwaqt li fakkret li hi marret il-Marokk diġà biex tiddiskuti din il-materja (kif ukoll il-Mawritanja u t-Tuneżija) sostniet li l-Marokk jeħtieġ jikkontrolla l-immigrazzjoni mill-fruntieri tiegħu u b'mod organizzat l-UE tara li tibgħat lura immigranti li ma jkollhomx jedd ikunu fl-Ewropa.
'Il-priorità hija l-ħajja'
Għall-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva l-priorità għandha dejjem tibqa' l-ħajja u s-sigurtà allura, kemm tal-immigranti kif ukoll ta' dawk il-ħaddiema li huma parteċipi f'missjonijiet ta' Tiftix u Salvataġġ. Huwa fakkar li din is-sena diġà qasmu l-Baħar Mediterran 20,000 persuna, meta s-sena l-oħra qasmu 100,000 filwaqt li mill-bidu tas-sena diġà tilfu ħajjithom 747 persuna.
"Il-valuri Ewropej jridu jiġu mħarsa dejjem... il-Presidenza Portugiża qed taħdem għall-Konferenza li fiha jiġi diskuss iċ-ċaqlieq migratorju," sostna Silva li qal ukoll illi jeħtieġ jiġu meqjusa modi legali ta' kif persuna tidħol fl-Ewropa.
'Ieqfu parlaw fil-vojt'
"Huwa skandlu li sitt snin minn kriżi ta' immigrazzjoni għad ma hemmx soluzzjoni!" Hekk sostna l-MEP Jeroen Lenaers f'isem il-Partit Popolari Ewropew.
Huwa sostna li l-proposti hemm qegħdin u ilhom isiru, fosthom, mekkaniżmu ta' solidarjetà, proċeduri ġusti li jitrattaw applikazzjonijiet ta' ażil u screening aktar mgħaġġel.
Huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Presidenza biex jieqfu "bil-paroli vojt ta' simpatija u burokrazija u ħudu responsabilità. Ħudu azzjoni għax il-ħajjiet jiddependu minn dan."
'Mill-ġdid nitkellmu, filwaqt li n-nies imutu'
L-MEP Simona Bonafè mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi kienet kritika wkoll tal-fatt li l-Parlament Ewropew qed jibqa' jiddiskuti din il-kwistjoni mingħajr waqfien imma mingħajr soluzzjoni.
"Mill-ġdid qed nitkellmu dwar din il-kwistjoni filwaqt li għadna kif esperjenzajna 130 mewta ftit 'il bogħod mill-Libja." Hija staqsiet kif jista' jkun li dgħajsa tgħajjat għall-għajnuna u din tasal 48 siegħa wara.
Bonafè saħqet li s-solidarjetà għandha tkun waħda tal-UE kollha.
'Ġejjin hawn għax-xogħol'
L-MEP Malik Asmani minn Renew Europe wkoll tkellem dwar l-immigrazzjoni ekonomika - bħal ma għamlet il-Kummissarju Johannson.
"L-unika mod biex nitrattaw din l-isfida huwa billi nirriformaw il-politika tal-migrazzjoni ekonomika. Dawk l-immigranti li jiġu hawn mit-Tramuntana tal-Afrika jiġu hawn għax-xogħol, mhux għall-protezzjoni," sostniet Asmani.
'70,000 lesti biex jitilqu minn Sqallija'
L-MEP Annalisa Tardino minn Identity and Democracy Europe (U mill-Partit Lega fl-Italja) sostniet illi suppost il-Parlament kien qed jiddiskuti realtajiet bħal dawk f'Lampedusa. Sostniet illi hemm b'kollox madwar 70,000 immigrant lesti biex jitilqu minn Sqallija għall-Italja (mainland).
"Is-solidarjetà mhix biżżejjed...l-operazzjonijiet fuq il-baħar qed jinċetivaw, minflok iwaqqfu, l-immigrazzjoni."
'Għalfejn mhux tagħtu finanzi lill-NGOs?'
L-MEP tal-Partit tal-Ħodor Erik Marquardt staqsa għaliex l-UE mhijiex qed tiffinanzja u tgħin lil dawk l-għaqdiet non governattivi li qed jgħinu fis-salvataġġ tal-immigranti fil-Mediterran.
Huwa sostna li l-opereazzjoni ta' Tiftix u Salvataġġ mhix serja u staqsa għaliex dawn l-għaqdiet għandhom iċemplu seba' darbiet biex tasal l-għajnuna.
Marquardt iddeskriva bħala "assurda" l-politika tal-migrazzjoni tal-UE.
'Għax-xellug l-imwiet neċessarji biex imexxu l-aġenda tagħhom'
L-MEP Nicola Procaccini mill-Partit tal-Konservattivi u Riformisti ma tantx kellu kliem sabiħ għal uħud mill-kollegi tiegħu fl-istess kamra. Huwa sostna illi filwaqt li l-partit tiegħu ma jaċċetta ebda mewt, l-imwiet "huma neċessarji għax-xellug biex imexxu l-aġenda pro-immigrazzjoni tagħhom."
Procaccini qal illi hemm diversi soluzzjonijiet, fosthom li jkun deċiż qabel immigrant jitlaq minn pajjiżu għandux dritt u jikkwalifikax biex jiġi fl-UE jew le. Imbagħad jekk ikun eliġibbli jkollu d-dħul iffaċilitat.
'Insalvaw il-ħajjiet mhux nikriminalizzaw lill-NGOs'
Il-membru Parlamentari Ewropew Malin Anna Björk, mill-partit The Left fakkret illi fl-2013 għerqu 260 persuna, 'l barra mill-kosta ta' Lampedusa u li dak iż-żmien bosta pajjiżi bdew jgħinu f'operazzjonijiet ta' Tiftix u Salvataġġ. "Imma minn dakinhar ħafna pajjiżi irtiraw minn dawn l-operazzjonijiet u rtiraw ukoll għajnuna finanzjarja li kienu qed jagħtu."
Hi kkritikat il-fatt li bosta għaqdiet non governattivi qed jiġu "kriminalizzati u ppersegwitati" filwaqt li qalet illi fid-dawl ta' dan qed iseħħ pushback perikoluż ta' immigranti.
"Ejja nsalvaw il-ħajjiet, mhux nikriminalizzaw l-NGOs," temmet issostni Malin Anna Björk.
'F'Lampedusa nara lin-nies neżlin u aħna hawn inparlaw'
L-MEP mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) Pietro Bartolo, li huwa wkoll resident tal-gżira ta' Lampedusa sejjaħ id-dibattitu bħala "ritwal redikolu."
Huwa kkritika lill-UE talli qed turi - skont hu - li mhux kapaċi ssolvi din l-isfida, reali ħafna fil-gżira ta' Lampedusa fejn nhar id-9 ta' Mejju li għadda, fi spazju ta' ftit sigħat biss, waslu 1,000 fuq gżira li hija saħansitra iżgħar minn Għawdex.
"Ma nkunux ipokriti!" jgħid Bartolo li jisħaq illi filwaqt li hu jara lill-immigranti neżlin b'għajnejhom jixfu l-uġigħ tal-vjaġġ li għadhom kif għamlu l-Parlament Ewropew sempliċiment jinħela jiddibatti.
'Ir-reazzjoni tal-Ewropa dejjem kienet talb u nitfgħu il-flus lejn din l-isfida'
“Kemm se ndumu ngħoddu l-iġsma fil-Mediterran?” saħaq L-MEP Malti Cyrus Engerer, f’messaġġ li għadda waqt din il-plenarja.
“Ir-reazzjoni Ewropea għal dan kollu dejjem kienet li noffru t-talb u li nipprovaw ngħattu din l-isfida billi nitfgħula l-flus. Intant, inħallu l-pajjiżi fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea waħedhom, minkejja li dik il-fruntiera hi waħda Ewropea, fruntiera tagħna lkoll” qal Engerer.
“Immaġinaw dawk is-700 persuna, daqs kemm qegħdin Membri Parlamentari hawnhekk f’dan il-Parlament, bilqiegħda fuq is-siġġijiet ta’ quddiemna jispjegawlna x’wassalhom biex jitilgħu fuq dawk id-dgħajjes minkejja li jafu kemm il-vjaġġ hu wieħed perikoluż u mingħajr sigurtà,” kompla Engerer, waqt li fakkar lil dawk kollha preżenti li l-vjaġġ biex jinqasam l-Mediterran baqa’ wieħed mill-aktar perikolużi fid-dinja
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.