Xejn inqas minn 36% tal-kumpaniji fis-settur tal-midja raw tnaqqis ta' 30% jew aktar fid-dħul tagħhom matul l-2020, primarjament minħabba l-pandemija. Dan filwaqt li 22% raw tnaqqis sinjifikanti ta' 1% sa 20% u 21% raw tnaqqis sinjifikanti ħafna ta' 21% sa 30%.
Dan jirriżulta minn sondaġġ li sar minn Reuters Institute of Journalism fl-Università ta' Oxford u n-News Emergency Relief Coordination u kien ikkwotat minn rapport li sar mill-Parlament Ewropew (PE) propju dwar il-midja fl-UE fl-era diġitali - 'Pjan ta' azzjoni għat-trasformazzjoni tas-settur tal-midja.'
Ir-rapport jiddeksrivi t-tnaqqis fid-dħul bħala 'ta' tħassib' u jinsisti li dan it-telf huwa primarjament il-kawża ta' tnaqqis fir-riklamar u anke l-fatt li l-pandemija affetwat il-bejgħ tal-gazzetti. Fil-fatt fl-istess rapport magħmul għall-Kumitat tal-Edukazzjoni u Kultura tal-PE, jingħad illi minħabba l-pandemija l-kmamar tal-aħbarijiet raw tnaqqis ta' bejn 30% u 80% filwaqt li t-TV ra tnaqqis ta' 20% fit-tieni kwart tal-2020.
L-Unjoni Ewropea se tkun qed talloka għalhekk €75 miljun għas-snin 2021-2027 mill-baġit tagħha biex tgħin lill-midja. Il-Kummissjoni Ewropea, permezz ta' dawn il-fondi se tkun qed taċċerta li l-aċċess għas-self ikun iffaċilitat sabiex tgħin fil-likwidità ta' kumpaniji fil-midja. Se tara illi jkun hemm skema pilota li tgħin fl-investiment meħtieġ għal dawn il-kumpaniji.
L-UE qed tevalwa wkoll għotjiet lil dan is-settur li jgħinu f'mudelli ta' negozju ġodda, partikolarment għal midja lokali, għajnuna biex il-midja tiżviluppa standards editorjali kif ukoll għotjiet li jinkoraġġixxu ġurnaliżmu kollaborattiv.
Ir-rapport jgħid illi sussidji diretti lis-settur huwa kważi non-eżistenti fl-UE, ħlief għal midja pubblika - bħalma hu l-PBS f'Malta. Pero' fejn tingħata għajnuna lill-midja din ġeneralment tkun fil-forma ta' 1) sussidji diretti jew 2) Tnaqqis fil-VAT u eżenzjonijiet tat-taxxa jew 3) riklamar pubbliku mill-Gvern jew 4) skemi speċifiċi li jgħinu f'taħriġ u innovazzjoni.
Fil-Belġju, per eżempju, il-Gvern adotta skema ta' appoġġ għall-midja u l-ġurnalisti b'allokazzjoni ta' €3 miljuni biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas fid-dħul minħabba l-Covid-19. Fl-Awstrija €32 miljun f'fondi intużaw biex l-industrija tiġi mgħejjuna tgħaddi minn din il-kriżi.
F'Malta l-Gvern - apparti għajnuna fil-forma ta' suppliment tal-paga f'ċerti oqsma - għadda €10,000 lil kull kumpanija li tmexxi l-midja.
Il-Covid-19 wasslet biex diversi professjonisti fil-qasam tal-midja u anke ġurnalisti, speċjalment dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll dawk b'pagi prekarji, spiċċaw mingħajr dħul. Il-pandemija fil-fatt kompliet tiggrava sitwazzjoni diġà ħażina ta' setturi differenti tal-midja, b'mod speċjali l-midja stampata (gazzetti, rivisti ...) li kienet diġà qed tiġi affetwata mid-dominanza tal-mowbajls u aċċess tal-internet, b'ħafna jippreferu konsum tal-aħbarijiet onlajn.
Dawn ir-realtajiet huma wkoll prevalenti fil-midja lokali - b'uħud mill-gazzetti jiddependu b'mod qawwi fuq riklamar tal-Gvern, filwaqt li r-riklamar fuq il-gazzetti stampati ta' kuljum (erba' fil-każ ta' Malta) jidher ċar li naqas bil-kbir.
Jonqos il-qligħ ...
Ir-rapport jelenka kif id-dħul tas-settur naqas kważi dejjem madwar l-UE mill-2013. Skont ċifri tal-Eurostat minn qliegħ ta' kważi €37 miljun fl-2013, fil-pubblikazzjoni ta' gazzetti madwar l-UE dan naqas għal €34.4 miljun. Il-qligħ mill-istampar tal-gazzetti naqas minn €3.8 miljun madwar l-UE fl-2013 għal €3 miljuni fl-2017 - erba' snin wara.
Ir-rapport ta ħarsa wkoll lejn kif qed idaħħlu ħafna mill-flus tagħhom il-kumpaniji tal-midja madwar l-UE, skont sondaġġ ta' Reuters, b'52% tad-dħul ikun ġej minn abbonamenti, filwaqt li 35% ġej mir-riklamar.
Skont l-istess sondaġġ huma b'kollox 69% dawk il-gazzetti u portals madwar id-dinja li qed iħaddmu mudell ta' ħlas sabiex il-qarrejja jaċċessaw uħud mill-artikli. Dan il-mudell qatt ma ħadem lokalment, hekk kif l-unika attentat għal xi ħaġa simili sar mill-Allied Newspapers meta biex taqra storja b'mod sħiħ fuq is-sit timesofmalta.com ridt tabbona. Dan l-attentat uniku għal dan il-mudell ta' ffinanzjar ma kienx suċċess u treġġa' lura!
Minkejja dan kollu r-rapport ifakkar kif madwar l-UE erba' minn kull ħamsa minn nies jaqraw xi forma ta' aħbarijiet kuljum. Minkejja dan il-maġġoranza l-kbira - jew 72% - jużaw l-internet biex jaċċessaw l-aħbarijiet darba fil-ġimgħa u 45% jaċċessaw l-aħbarijiet onljan kuljum.