Il-ħaddiema l-iktar essenzjali fil-ġlieda kontra l-pandemija huma mħallsa b’paga minima

Bħal kull suġġett ieħor li jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew, isib min hu kontra u ssib min hu favur. Din id-darba ġew diskussi d-direttivi proposti tal-paga minima. Il-gazzetta ILLUM tesplora ż-żewġ naħat tal-ispettru filwaqt li tagħti ħarsa lejn il-pożizzjoni ta’ Malta f’din il-kontroversja

Il-ħaddiema l-iktar essenzjali fil-ġlieda kontra l-pandemija fosthom l-infermiera, l-carers u l-cleaners huma fost il-ħaddiema li jaqilgħu paga minima. Dan ħareġ fl-istatistika preżentata mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew.

L-istess kumitat fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ddiskuta d-direttivi proposti mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-paga minima. Dawn id-direttivi diġà ġew diskussi drabi oħra u fil-fatt din il-gazzetta lura fi Frar kienet tat sommarju ta’ x’inhuma dawn id-direttivi u fejn sabet ruħha Malta fl-istatistika ppubblikata mill-Eurostat.  

L-istatistika li ħareġ dan il-Kumitat tkellmet iktar fuq in-nies li se jkunu qed jibbenifikaw minn dawn id-direttivi. Tajjeb nagħtu ħarsa lejhom qabel ma nidħlu fid-dettall ta’ min jaqbel u min le.

In-nies wara l-istatistika

F’dan ir-rapport insibu numri xokkanti bħal 60%. Dan  jirrappreżenta n-numru ta’ ħaddiema mħallsa b’paga minima li huma ta’ sess femminili. Din l-istatistika tikkonferma li “l-ħrafa” tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi mhi “ħrafa” xejn.

L-iktar fatt xokkanti li ħareġ minn din l-istatistika hi marbuta ma’ lista ta’ setturi li joffru paga minima lill-ħaddiema tagħhom. Fil-quċċata nsibu l-infermiera, carers, cleaners u ħaddiema tal-agrikoltura. Koinċidentalment dawn huma kollha ħaddiema li kienu jew essenzjali fil-ġlieda kontra l- pandemija jew inkella li huma kruċjali għall-għixien tal-bniedem.

L-istess statistika turi wkoll li sebgħa minn kull 10 ħaddiema li jaqilgħu paga minima qed isibuha diffiċli biex ilaħqu mal-ħajja u dan bir-raġun. Skont il-kumitat, hemm persuni madwar l-UE li wara li jħallsu kera u kontijiet jispiċċaw bi ftit soldi f’idejhom. 

Allura bir-raġun li l-kumitat ħareġ dawn id-direttivi, fuq kollox, il-Malti jgħid li b’sold wieħed fil-but ma tagħmilx ħoss! Madankollu mhux kulħadd jaħseb hekk u hu għaqli li nagħtu ħarsa lejn l-oppożizzjoni għal din il-miżura wkoll. 

L-MEPs favur ...

Hu stat ta’ fatt li l-istati membri huma liberi biex jagħżlu huma kif jindirizzaw bosta suġġetti. Madankollu l-moderatur u chairman tal-kumitat, l-MEP Olandiża Agnes Jongerius fakkret li l-pajjiżi Ewropej huma mitluba jindirizzaw il-paga minima jew bil-liġi jew b’ftehim kollettiv, bl-aħħar waħda aktar irrakkomandata.

Jongerius pruvat iżomm kontroll f’din id-diskussjoni mqanqla kif ukoll fakkret lil kull MEP preżenti li l-paga minima hi waħda mill-wegħdiet tal-Unjoni Ewropea u għalhekk importanti li “l-Parlament Ewropew jaġixxi fuqha kemm jista’ jkun malajr.”

F’isem l-Ispanjoli tkellmet, Estrella Durá Ferrandis mill-istess grupp ta’ Jongerius. L-MEP Spanjola tkellmet iktar rigward it-tneħħija tal-kriterja nazzjonali li kienet tikkonċerna l-produttività.

Il-produttività kienet waħda mill-kriterji nazzjonali li għandhom jkunu kkunsidrati f’dak li jirrigwarda it-twaqqif jew l-aġġornar ta' paga minima statutorja fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kriterji l-oħrajn huma;  

  • Is-saħħa ta' dik il-paga meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja, taxxi u benefiċċji soċjali
  • Il-livell ġenerali ta' pagi u d-distribuzzjoni tagħhom
  • It-tkabbir fil-pagi

Skont hi, t-tneħħija ta’ din il-kriterja se tgħin għas-sempliċiment raġuni li ma tiżvantaġġjax lil numru ta’ ħaddiema, ngħidu aħna ħaddiema b’diżabilità, li mhux dejjem jistgħu jtellgħu ċertu livell ta’ produzzjoni.  Hi ċċarat li dan kollu mhux se jagħti l-opportunità lil nies li ma jridux jaħdmu minħabba l-għażż jiżdiedu, għax xorta se jkun hemm kriterji oħra li jilqgħu.

Min-naħa tagħha Özlem Demirel, MEP Ġermaniża mill-Grupp tax-Xellug fil-Parlament Ewropew qablet kompletament mad-direttivi proposti iżda talbet lil Parlament Ewropew biex jitfa’ ħarstu lejn il-unjins għax skont hi huma se jkunu utli ferm fejn jidħol il-ftehim kollettiv.

… u l-MEPs kontra 

Waħda mill-MEPs li kienet l-aktar feroċi kontra l-proposta tal-paga minima kienet l-MEP Franċiża Dominique Bilde mill-Grupp Identità u Demokrazija. Din l-MEP li sservi bħala shadow rapporteur fetħet id-diskors tagħha billi staqsiet lill-Parlament Ewropew x’qed jipprova jagħmel, jekk hux att ta’ erojiżmu jew att ta’ ġenn tal-moħħ.

Min-naħa tagħha spjegat li “l-problema primarja hi li qed niddiskutu d-direttivi u mhux inqisu l-piż li se jħallu l-istess direttivi fuq in-nies madwar l-ewropa."

Dominique Bilde ma kinitx l-unika waħda li tkellmet kontra dawn id-direttivi, anzi qablu magħha bosta MEPs oħra, l-iktar minn pajjiżi bħal l-Iżvezja. L-argument minn naħa tal-MEPs Żvediżi kien li huma bħala stat diġà indirizzaw din il-problema u l-Parlament Ewropew bħal donnu qed iqajjem kelb rieqed. 

X’qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea

Fuq dan is-suġġett l-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ biex aktar nies jidħlu fi Trade Union bħala mezz biex titjieb il-paga minima madwar il-pajjiżi fl-istess UE u dan għaliex il-fatti permezz tal-istatistika juru illi fejn ir-rata ta' ftehim kollettiv huwa ogħla, il-pajjiż għandu numru iżgħar ta' nies li qed jaqilgħu pagi baxxi.  Fil-fatt fil-proposta għal Direttiva bejn il-Parlament Ewropew (PE) u l-Kunsill Ewropew qed jitfakkar illi dan hu l-każ fejn dawk koperti bi ftehim kollettiv jaqbżu s-70%.   L-istess, f'pajjiżi fejn dawk il-ħaddiema li huma koperti b'unjin jaqbeż is-70% ir-rata ta' paga minima kkumparat mad-dħul medju huwa għoli. 

Id-direttiva in kwistjoni tgħid illi f'ħafna stati membri il-pagi minimi għadhom wisq baxxi biex ikunu verament jistgħu jipprovdu livell diċenti ta' ħajja. Fil-fatt tgħid li din il-paga hija inqas minn 50% tad-dħul medju fi prattikament kull Stat Membru, tant li f'disa' pajjiżi mhix meqjusa biżżejjed biex persuna waħedha li tgħix bil-paga minima tgħix diċenti u ma taqax fil-faqar.

L-indikatur ġeneralment użat biex tkun determinata l-adegwatezza tal-paga minima hija 50% tal-paga medja u 60% tal-paga medjana. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024