Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-assassinju ta' Caruana Galizia tgħaddi b'635 vot favur

Roberta Metsola u David Casa jisħqu l-messaġġ tagħhom huwa li 'l-azzjonijiet tax-xibka kriminali ma jirrappreżentawx il-veru wiċċ ta’ Malta'

Il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni li titratta l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia b'appoġġ qawwi ħafna ta' 635 MEP favur u 46 kontra. 

B’reazzjoni għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni, il-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew David Casa u Roberta Metsola, qalu li l-Gvern Malti ma jistax u m’għandux ikompli jinjora s-sejħiet magħmula mill-Parlament Ewropew.

Il-mozzjoni sabet il-kritika ħarxa tal-MEP Alex Agius 

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa qalu li "l-messaġġ tagħna huwa li l-azzjonijiet tax-xibka kriminali ma jirrappreżentawx il-veru wiċċ ta’ Malta. Dan il-messaġġ instema’ hawnhekk fi Brussell. Din mhix l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew qed jitlob lill-Gvern Malti biex jieħu azzjoni konkreta. Il-Prim Ministru Robert Abela issa għandu jmidd idejh, ixammar kmiemu u jimplimenta s-sejħiet tal-Parlament Ewropew.”

“Ir-riżoluzzjoni tagħmilha ċara li l-problema verà mhijiex il-poplu Malti, iżda l-Gvern li, mhux biss għandu uffiċjali għolja involuti f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, serq ta’ bank u qtil, iżda huwa l-istess Gvern li jipproteġi lil dawk kollha involuti f’tali atti kriminali," qalu Metsola u Casa.

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej