Il-Parlament Ewropew ivvota favur ftehim li jistabbilixxi r-regoli tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit

It-tluq tar-Renju Unit mill-UE jissejjaħ 'żball storiku' iżda l-ftehim milqugħ b'mod pożittiv

Il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira favur l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim li jistabbilixxi r-regoli tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

Id-Deċiżjoni ta’ approvazzjoni ġiet adottata b’600 vot favur, 5 kontra u 32 astensjoni, filwaqt li r-riżoluzzjoni li takkumpanjaha, li tistabbilixxi l-evalwazzjoni tal-Parlament u l-aspettattivi mill-ftehim, għaddiet b’578 voti, b’51 kontra u 68 astensjoni. Il vot sar it-Tlieta, bir-riżultati jitħabbru l-Erbgħa.

Fl-24 ta’ Diċembru 2020, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit kienu qablu dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni li jistabbilixxi t-termini għal kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Sabiex jiġi minimizzat it-tfixkil, il-ftehim ilu jiġi applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021

L-approvazzjoni tal-Parlament kienet meħtieġa biex il-ftehim jidħol fis-seħħ b’mod permanenti qabel ma jiskadi fil-30 ta’ April 2021.

It-tluq huwa “żball storiku”, iżda l-ftehim huwa milqugħ

Fir-riżoluzzjoni mħejjija l-Parlament laqa' bis-sħiħ il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit li jillimita l-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, li huwa jqis bħala “żball storiku” peress li l-ebda pajjiż terz ma jista’ jgawdi l-istess benefiċċji bħal meta jkun membru tal-UE.

L-MEPs jqisu b’mod pożittiv il-ftehimiet kummerċjali mingħajr kwoti u mingħajr tariffi bejn l-UE u r-Renju Unit, u l-garanziji dwar regoli tal-kompetizzjoni ġusti jistgħu jservu bħala mudell għal ftehimiet kummerċjali futuri.

Il-Parlament approva wkoll id-dispożizzjonijiet dwar, fost l-oħrajn, is-sajd, il-konsumaturi, it-traffiku tal-ajru u l-enerġija.

Madankollu, il-MEPs esprimew disjaċir li r-Renju Unit ma riedx li l-ftehim jiġi estiż għall-politiki barranin, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp u ma riedx jipparteċipa fil-programm ta’ skambju tal-istudenti Erasmus +.

Il-paċi fil-gżira tal-Irlanda

Filwaqt li ndikaw li l-paċi fil-gżira tal-Irlanda hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Parlament biex jaqbel mar-relazzjoni futura, l-MEPs ikkundannaw l-azzjonijiet unilaterali reċenti tar-Renju Unit li kisru l-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huma appellaw lill-gvern tar-Renju Unit “biex jaġixxi in bona fede u jimplimenta bis-sħiħ it-termini tal-ftehimiet li ffirma”, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, u japplikahom abbażi ta’ kalendarju stabbilit b’mod konġunt mal-Kummissjoni Ewropea.

Intangt l-MEP tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) Andreas Scheider  - rapporteur għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin - sostna illi l-UE u r-Renju Unit ħolqu l-bażi għal relazzjoni bejn pari. "L-aktar importanti, illum huwa l-bidu, mhux it-tmiem. Qbilna fuq ħafna oqsma importanti, bħall-iżgurar ta’ aċċess reċiproku għas-suq u l-bini ta’ relazzjoni tajba dwar il-kummerċ. Għad hemm ħafna xogħol fuq il-politika barranija u l-programmi ta’ skambju edukattivi. Biex l-interessi taċ-ċittadini jkunu rappreżentati, il-Parlament għandu jkun involut mill-qrib. Hija biss sħubija li fiha ż-żewġ naħat iżommu mal-impenji tagħhom li għandha futur."

L-MEP tal-Partit Popolari Ewropew Christophe Hansen - rapporteur għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali - sostna illi r-ratifika tal-ftehim mhijiex vot ta’ fiduċja għamja dwar l-intenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li jimplimenta l-ftehimiet tagħna in bona fede. "Pjuttost, hija polza tal-assigurazzjoni tal-UE kontra aktar devjazzjonijiet unilaterali minn dak li ġie miftiehem b’mod konġunt. Il-Parlament se jibqa’ viġilanti. Jeħtieġ li issa nlaqqgħu l-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija biex tkompli tibni pontijiet madwar il-Kanal Ingliż."
 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024