Malta b'fost l-ogħla rati ta' riskju ta' faqar fost ġenituri waħedhom fl-UE - EPRS

... imma b'fost l-inqas rati ta' familji b'intensità baxxa ta' xogħol

Ommijiet jew missirijiet waħedhom l-aktar milqutin mill-faqar
Ommijiet jew missirijiet waħedhom l-aktar milqutin mill-faqar

Malta għandha waħda mill-aktar livelli baxxi ta' familji illi fihom hemm intensità baxxa tax-xogħol, jiġifieri persuni taħt id-59 sena li jgħixu f'dar fejn xi ħadd li ħadem inqas minn 20% tal-potenzjal tiegħu fl-aħħar sena - probabbilment minħabba li jkunu bla xogħol jew għal raġunijiet oħrajn bħal tqala, trobbija jew mard imma li ma jinkludux studenti u persuni ta' fuq is-60 sena.

Iżda l-faqar fost ġenituri waħedhom f'pajjiżna fl-2019 kien fost l-ogħla fl-UE.

Dan jirriżulta minn studju ippubblikat din is-sena mis-Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) bl-isem Demographic Outlook for the European Union - 2021.  

Sal-2019 - qabel il-pandemija - f'Malta kien hawn 4.9% tal-poplu li kien qed jgħix f'familji b'intensità baxxa,  viċin is-sitwazzjoni fiċ-Ċekja (4.2%), il-Polonja (4.7%), l-Ungerija (5%) u l-Islovenja (5.2%). 
Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru l-aktar pajjiżi illi fihom hemm persuni li qed jgħixu f'familja fejn l-intensità tax-xogħol hija baxxa huma Spanja b'10.8%, il-Belġju (12.4%), l-Irlanda (13.6%) u l-Greċja (13.8%). 

F'dan l-istudju jirriżulta wkoll li d-differenza fil-faqar meta wieħed jikkunsidra l-benefiċċji soċjali u mingħajrhom mhux daqstant kbira, daqs kemm hi f'pajjiżi bħall-Irlanda, il-Finlandja u l-Awstrija - li allura jfisser li f'dawn il-pajjiżi l-benefiċċji soċjali huma l-aktar effettivi kontra l-faqar. 

Ġenituri waħedhom jibqgħu fost l-aktar vulnerabbli

Madwar l-Unjoni Ewropea, jgħid dan l-istudju, ġenituri waħedhom (single parents) jibqgħu l-aktar settur tal-poplu li jbatu mill-faqar. 
Fl-2019 f'Malta, maġġoranza assoluta  - jew 51.3% ta' dawk li huma ġenituri waħedhom - kienu fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali, li hija ħafna ogħla mill-medja ta' 40.3% tas-27 pajjiż tal-UE. Ir-riskju ta' faqar fost adulti li jgħixu waħedhom jinżel għal 28.8% - li huwa inqas mill-medja Ewropea ta' 32%, filwaqt li fl-2019 l-faqar f'familji fejn mqar persuna hija pensjonanta f'Malta (33.8%) kienet id-doppju tal-medja Ewropea (15%). 

L-iktar pajjiż illi fih hemm nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali huwa l-Bulgarija, fejn 36.5% ta' dawk mingħajr tfal u 28.7% ta' dawk bit-tfal jinsabu f'din il-qagħda finanzjarja.

Dan ir-rapport juri wkoll kif madwar l-UE, l-akbar persentaġġ ta' faqar jinsab fost nisa ta' 60 sena jew aktar hekk kif fl-2018 ir-rata ta' nisa f'riskju ta' faqar kienet ta' 17.7% filwaqt li dik tal-irġiel kienet ta' 14.4%.  Jispjega kif din id-differenza hija frott diversi fatturi ekonomiċi u soċjali bħad-differenzi fil-pagi bejn il-ġeneri u perjodi inqas ta' xogħol minħabba trobbija u xogħol relatat mal-familja. 

92.4 miljun f'riskju ta' faqar - Ir-Rumanija, il-Latvja u l-Bulgarija l-ifqar

Ir-rapport tal-EPRS juri kif fl-2019, qabel il-pandemija li huwa mifhum li reġgħet żiedet in-numru ta' dawk f'riskju ta' faqar, kien hawn xejn inqas minn 92.4 miljun Ewropew li jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni.  Dan iżda jimmarka tnaqqis mill-108.7 miljun fl-2012. 
5.2 miljun minn dawn kienu qed jesperjenzaw it-tliet fatturi kollha tal-faqar:  faqar monetarju, faqar sever u intensità baxxa ta' xogħol. Ftit iktar minn 8 miljuni kienu qed jgħixu fil-faqar - imma ma kinux jgħixu f'residenzi b'intensità baxxa ta' xogħol filwaqt li b'kollox 24.5 miljun kienu persuni deprivati severament, madwar l-UE. 

L-aktar pajjiżi fejn kien hemm nies f'riskju ta' faqar fl-UE fl-2019 huma:  Ir-Rumanija (23.8%), il-Latvja (22.9%), il-Bulgarija (22.6%), l-Estonja (21.7%) u Spanja (20.7%). 

L-ogħla rati ta' persuni deprivati severament bejn l-2010 u l-2019 huma:  Il-Bulgrija (19.9%), il-Greċja (15.9%) u r-Rumanija (12.6%). 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024