F'rapport adottat ilbieraħ, Membri Parlamentari Ewropej qed jagħmlu appell biex it-Turkija turi li hija verament kommessa li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-UE, relazzjonijiet li l-Parlament Ewropew qed jgħid illi messew il-qiegħ.
L-MEPs fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin sostnew illi n-nuqqas ta' rieda tat-Turkija li tmexxi riformi fil-proċess biex dan il-pajjiż potenzjalment isir stat membru u l-fatt li ma indirizzax tħassib tal-UE dwar is-saltna tad-dritt kif ukoll drittijiet fundamentali - huma realtajiet li affetwaw ħażin il-proċess tad-dħul tal-pajjiż fl-UE.
Huma qed jappellaw lit-Turkija biex b'mod kredibbli turi rieda u jwissu li jekk ix-xejra negattiva mhix se tinbidel "Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrakkomanda li n-negozjati mat-Turkija jiġu sospiżi."
"Minkejja li t-Turkija huwa kandidat għad-dħul fl-UE, fl-aħħar snin il-Gvern Tork qed jiddistakka lilu nnifsu, b'mod deliberat, mill-valuri u standards Ewropej," wissew l-MEPs fir-rapport tagħhom. Huma nnutaw stqarrijiet provokattivi kontra l-UE u l-istati membri, speċjalment lejn il-Greċja u Ċipru.
Dawn l-MEPs esprimew tħassib għall-arresti tal-massa ta' nies inkluż ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet umani u avversarji politiċi tal-President Tork Recep Tayyip Erdogan. "Minkejja dan iżda u minkejja t-theddid mill-Gvern xorta għad hemm soċjetà ċvili diversa, waħda mill-aħħar forma ta' sorveljanza fuq il-Gvern," sostnew dawn l-MEPs.
Appell għall-appoġġ lit-Turkija fir-rigward tar-refuġjati Sirjani
L-MEPs mill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin għarfu minn naħa l-oħra, il-passi diplomatiċi mat-Turkija bħala sieħeb ewlieni fl-istabbilità tar-reġjun. Għalhekk ir-rapport jgħid li t-Turkija qed tilgħab irwol importanti billi qed iżomm erba' miljun refuġjat, li minnhom madwar 3.6 miljun huma Sirjani u nnutaw illi din l-isfida saret iktar qalila minħabba l-pandemija tal-Covid-19.
Għalhekk fuq dan il-punt huma faħħru lit-Turkija u inkoraġġew lill-UE biex tkompli tagħti l-appoġġ meħtieġ.
Ir-rapporteur, l-MEP Nacho Sanchez Amor, mill-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) qal illi r-rapport huwa "probabbilment l-aktar aħrax li qatt sar, fil-kritika tiegħu lejn is-sitwazzjoni fit-Turkija u jirrifletti dak li sfortunatament ilu jseħħ f'dan il-pajjiż fl-aħħar sentejn, partikolarment fejn jirrigwarda l-oqsma tad-drittijiet tal-Bniedem u s-saltna tad-dritt."
Huwa wera' t-tama li t-Turkija tbiddel it-triq li qabdet u turi r-rieda li tbiddel.
Ir-rapport issa se jkun sottomess biex jiġi diskuss u jittieħed vot fuqu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew.