Josianne Cutajar tfakkar lill-Kummissjoni Ewropea li hawn gżejjer li jiddependu mit-turiżmu

Id-diskussjoni li seħħet illum f'Brussell kienet organizzata mill-Kumitat tat-Transport u t-Turiżmu bil-ħsieb li jiġi evelwat it-turiżmu fl-Ewropa

F'diskussjoni rigward is-sitwazzjoni tat-turiżmu preżenti organizzata mill-Kumitat tat-Transport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew, l-MEP Josianne Cutajar ħasset li kellha tfakkar lill-Kummissjoni Ewropea li hawn pajjiżi u gżejjer fl-Unjoni Ewropea li jiddependu mit-turiżmu.

Skont l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fl-2019, f'Malta ġew ftit inqas minn 3 miljun turist li ħallew €2.2 biljun fl-ekonomija tal-pajjiż. Bħal Malta, pajjiżi oħra li jiddependu ħafna mit-turisti fl-Ewropa huma Ċipru, il-Ġreċja u Spanja.

Cutajar ikkumentat fuq kif kulħadd fehem li l-pandemija ħalliet implikazzjonijiet koroh, iżda mhux kulħadd qed jagħraf li hawn pajjiżi u gżejjer li dawn l-implikazzjonijiet affetwaw is-sors ekonomiku primarju tagħhom.

Intant hi fakkret li l-UE qed tiddiskuti bosta temi relatati mas-safar inkluż id-'Digital Green Passport' però l-importanti issa hu li "l-UE tassigura li t-turisti se jaslu fid-destinazzjoni li jixtiequ huma."

Hi qalet li skont l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni tal-Ajru Eurocontrol, kien hemm tnaqqis ta' 63% fit-turiżmu fl-Ewropa f'Marzu li għadda meta imqabbel ma' Marzu tal-2019. Żiedet tgħid li dawn "in-numri jgħidu nofs l-istorja." Skont Cutajar li n-nies jiġu vvaċċinati kemm jista' jkun malajr tqawwi l-qalb ta' bosta li n-numri tat-turisti jiżdiedu sas-Sajf, iżda "xorta għad għandna problema." 

L-Ewroparlamentari fakkret li wħud qed jikkanċellaw l-vaganzi tagħhom għax jibżgħu li diversi pajjiżi mhux se jiftħu għat-turiżmu. Għalhekk hi staqsiet kif il-Kummisjoni se tassigura li t-turiżmu jiftaħ dan is-sajf. Staqsiet ukoll jekk l-UE hux se toffri għajnuna strateġika għall-pajjiżi bħal Malta li jiġu kkunsidrati bħala hub turistiku.

Id-diskussjoni li seħħet illum fi Brussell kienet organizzata bil-ħsieb li jiġi evelwat it-turiżmu fl-Ewropa hekk kif wasalna qrib l-istaġun tas-sajf.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024