MEPs jappellaw lill-KE biex trażżan l-abbuż li jista' jinħoloq mill-AI fuq d-demokrazija u l-elezzjonijiet

Kumitat tal-Parlament Ewropew b'opinjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u bi proposti biex jitrażżan il-possibilità tal-abbuż ...

Il-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili tal-Parlament Ewropew qed jisħaq illi fid-dawl tal-iżviluppi fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) l-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi rakkomandazzjonijiet u restrizzjonijiet possibbli sabiex ikun mrażżan l-abbuż li din it-teknoloġija jaf tagħti lok għalih. 

Fil-fatt, il-Kumitat f'rapport ta' opinjoni li ġie approvat b'59 MEP - fosthom il-Maltija Roberta Mestola mill-EPP - favur u seba' kontra jfakkar li l-AI tista' twassal għat-tixrid ta' diżinformazzjoni fl-ambjent diġitali.  Huma jisħqu li l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjonijiet kontra theddid mill-AI, li jinkludu dawk fuq id-demokrazija u elezzjonijiet ġusti. 

AI tinvolvi is-simulazzjoni tal-intelliġenza umana mill-magni.  Kuntrarjament għal kompjuters, algorittmi tal-AI, jitgħallmu waħedhom - ix-xejriet u d-data li inti tkun qed iddaħħal.  Jekk inti tuża l-Google jew il-midja soċjali biex tara dwar il-vulkani, jew inkella biex tara għalfejn - per eżempju - il-kannabis hija ta' ġid għas-saħħa - inti se tibda f'daqqa waħda tara stejjer, riklami jew informazzjoni li hija relatata mat-tfittxijiet tiegħek, minflok reklamar jew informazzjoni differenti. 

Algorittmi huma wżati minn kumpaniji bħal Facebook, Amazon, Google u Microsoft. Dawn il-kumpaniji kontinwament jiġbru l-informazzjoni tiegħek sabiex jipproduċu l-informazzjoni skont l-interessi, xewqat u preferenzi tiegħek u xi kultant ukoll jgħaddu din l-informazzjoni lil xulxin. 

Dan qed jibdel b'mod assolut ir-relazzjoni bejn il-politiku u l-votant,  b'ħafna mill-politika ssir skont il-bużżieqa ssegregata ta' informazzjoni  li tinsab fiha.  B'hekk ir-realtà tiegħek issir biss dik ir-realtà li l-AI qed toffrilek u l-politiku joffrilek jew iwegħdek, skont l-informazzjoni li dawn il-kumpaniji ġabru mingħandek. 

Dan kollu fil-fatt diġà wassal għall-iskandlu tal-Cambridge Analytica. Dan kien każ ta' informazzjoni ta' miljuni kbar ta' nies li ttieħdet, fuq premessa żbaljata u mingħajr il-permess mill-utenti ta' Facebook li mbagħad spiċċat intużat għal kampanji elettorali u dawk ta' referenda. 

L-appelli mill-Parlament Ewropew ...

Il-Kumitat tal-PE qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex b'mod adegwat joħolqu salvagwardji kontra l-użu illegali tal-AI. 

Huma jfakkru illi din it-teknoloġija għandha dejjem tirrispetta b'mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, valuri, privatezza u anke l-protezzjoni tad-data. Wissew biex f'kull istanza wkoll ikun assigurat li inizzjattivi relatati mal-AI jeħtieġ ma jkunux diskriminatorji b'ebda mod. 

Għalhekk il-Kumitat tal-Parlament Ewropew qed jappella sabiex il-Kummissjoni tintroduċi limitazzjonijiet stretti fuq riklamar ibbażat fuq il-kollezzjoni tad-data personali, billi tipprojbixxi r-riklamar bejn pjattaforma u oħra u jfakkru wkoll li skont id-direttivi Ewropej dan it-tip ta' riklamar huwa legali biss meta persuna tagħti l-kunsens tagħha. 

Huma jagħmlu emfasi partikolari fuq il-bżonn "urġenti" li l-pubbliku jkun edukat fuq kull livell tal-użu tal-AI u sabiex tingħata l-għodda kollha neċessarji  - inkluż lil gruppi vulnerabbli - b'opportunitajiet soċjali u ekonomiċi ugwali, b'sistemi ta' ICT ta' kwalità fis-sistemi edukattivi. 

L-MEPs minn dan il-kumitat juru tħassib għall-fatt li f'ċerti reġjuni madwar l-UE l-aċċessibilità għall-internet għadu limitat. 

Finalment il-Kumitat ifakkar ukoll li l-Intelliġenza Artifiċjali ġġib magħha possibilitajiet u opportunitajiet kbar, bħal aċċess aktar faċilitat ta' informazzjoni, titjib fir-riċerka u titjib fil-mod kif l-istudenti jitgħallmu.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024