Agius Saliba jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li Malta jkollha aċċess għal mediċini affordabbli

Dan fid-dawl - b'mod speċjali - tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

L-MEP Alex Agius Saliba
L-MEP Alex Agius Saliba

L-MEP Alex Agius Saliba qed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-Istati Membri ż-żgħar, bħal Malta, u ċ-ċittadini tagħhom, ikollhom aċċess għal prodotti farmaċewtiċi affordabbli, speċjalment matul il-pandemija tal-COVID.

B’mistoqsija urġenti lill-Kummissjoni Ewropea u ittra mill-Parlament Ewropew, il-MPE Laburista Alex Agius Saliba ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-provvista ta’ mediċina affordabbli madwar l-Unjoni Ewropea tkun ġenwinament ipprovduta lill-Istati Membri kollha u liċ-ċittadini tagħhom, inkluża Malta.

Agius Saliba qal li r-regoli attwali tal-Unjoni Ewropea joħolqu diskriminazzjoni inġusta kontra l-Istati Membri b’sistemi tas-saħħa u swieq farmaċewtiċi iżgħar, bħal Malta. Huwa żied li fil-qagħda attwali, id-deċiżjoni li prodott jitqiegħed b’mod effettiv fis-swieq tal-Istati Membri hija bbażata biss fuq l-interessi kummerċjali u ekonomiċi tal-kumpaniji farmaċewtiċi.

“F’ħafna każijiet, dawn il-kumpaniji privati m’għandhom l-ebda interess jew inċentivi biex iqiegħdu prodott mediċinali fis-suq ta’ Stati Membri żgħar, bħal Malta. Din is-sitwazzjoni toħloq aċċess diffiċli għall-mediċini bi prezzijiet raġonevoli għall-pazjenti Maltin, prezzijiet ogħla għall-prodotti farmaċewtiċi, u spiss anke l-irtirar ta’ prodotti partikolari" qal il-MPE.

Huwa kompla jispjega li għal dawn ir-raġunijiet, Malta baqgħet dipendenti ħafna fuq il-provvista tal-mediċini li ġejja jew tgħaddi mir-Renju Unit. Huwa żied jgħid li sfortunatament, ta' dan il-pajjiż mill-UE, Malta u l-Istati Membri f’sitwazzjoni simili se jiffaċċjaw problema immedjata ta’ aċċess u nuqqas ta’ prodotti farmaċewtiċi u mediċinali.

“Il-pazjenti Maltin m’għandhomx jiġu mċaħħda minn prodotti mediċinali speċjalment f’nofs kriżi tas-saħħa u tal-pandemija. Jekk prodott ikun awtorizzat fis-Suq Uniku, dan għandu jkun disponibbli fl-Istati Membri kollha u ċ-ċittadini Maltin ma għandhomx jiġu mċaħħda jew miċħuda l-aċċess għall-prodotti mediċinali. Huwa għalhekk li tlabt lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni u tiżgura li l-interessi pubbliċi jiġu mħarsa, u li l-aċċess għall-mediċini ma jkunx jiddependi purament mill-interessi ekonomiċi,” temm jgħid Agius Saliba.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024