'L-unika skop ta' dan id-dibbattitu mbuttat mill-EPP huwa biex ikompli jitħammeġ isem pajjiżna'

L-MEPs Engerer u Agius Saliba jsostnu li huwa "insensittiv" li l-EPP - b'Metsola u Casa - qed jitolbu li jsir dibattitu bħal dan f'din il-fażi daqstant importanti tal-poroċeduri fil-Qorti b'rabta mal-assassinju ta' Daphen Caruana Galizia

L-MEPs Cyrus Engerer u Alex Agius Saliba
L-MEPs Cyrus Engerer u Alex Agius Saliba

L-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u anke Cyrus Engerer ikkritikaw lill-Partit Popolari Ewropew (EPP) wara t-talba ta' dan il-grupp li fih hemm il-Partit Nazzjonalista Malti - u allura l-MEPs David Casa u Roberta Metsola - biex ikunu diskussi l-aħħar żviluppi fil-pajjiż fir-rigward tal-arrest, fost oħrajn, ta' Keith Schembri. 

L-MEP Agius Saliba sostna illi fid-dawl tal-arresti, "u fid-dawl ta' żviluppi importanti li seħħew, waqt li l-pulizija qed jagħmlu avvanzi fuq diversi każi, l-unika raġuni li għalih ser issir dan id-dibattitu huwa biex ikompli jitħammeġ isem pajjiżna."

Agius Saliba qal illi kien il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi li ma appoġġjax din it-talba bl-EPP jibda proċedura speċjali biex isir dan id-dibattitu.  Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli issa se jkun qed jiddeċiedi għada jekk dan id-dibattitu fil-fatt hux se jsir jew le nhar il-Ħamis li ġej.  

"Dan id-dibattitu, lejliet ir-rapport tal-moneyval, għandu għan wieħed biss - li ssir ħsara fuq pajjiżna, biex tingħata daqqa oħra lil Malta." 

“Iridu dibattitu fuq dak li ħiereġ mill-Qorti akkost li ma ssirx ġustizzja” -  Cyrus Engerer

“Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista fi Brussell iridu dibattitu dwar dak li qiegħed jgħid ix-xhud fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia akkost li ma toħroġx il-verità fil-Qorti u ma ssirx ġustizzja,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer f’diskors li sar fuq il-mezzi soċjali dalgħodu.

"L-ebda diskussjoni dwar Malta ma tbeżżgħani għaliex għamilna avvanzi kbar matul din l-aħħar sena bit-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela biex ikollna istituzzjonijiet b’saħħithom mingħajr indħil politiku. Ir-riżultati tax-xogħol li sar issa qegħdin jidhru wkoll u ħadd ma għadu jiddubitahom,” saħaq Engerer.

L-MEP żied jgħid li jkun insensittiv ħafna mill-Parlament Ewropew li jitħalla jsir dan id-dibattitu f’din il-fażi tant importanti tal-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu fakkar fi żbalji li kienu saru fil-passat u li importanti li ma jiġux ripepetuti.

Cyrus Engerer temm jgħid li f’dan l-istadju hu importanti li l-qrati ta’ pajjiżna jitħallew jaħdmu mingħajr ebda indħil politiku, inkluż dak tal-Parlament Ewropew.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024