Testijiet qabel passiġġier jitlaq minn ajruport, għajnuna lil pajjiżi bħal Malta u garanziji ta' rifużjoni

Is-sit illum.com.mt b'ħarsa estensiva lejn il-mozzjoni tal-Parlament Ewropew għal turiżmu sostenibbli fid-dawl tal-pandemija li tat lil din l-industrija daqqa kbira madwar l-UE kollha

Il-Kumitat tat-Trasport u Turiżmu tal-Parlament Ewropew f'rapport illi ppubblika aktar kmieni dan ix-xahar qed jirrakkomanda li skont ir-regoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ittestjar tal-Covid-19 u l-gwidi taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) jiġi stabbilit Protokoll tal-UE għas-Saħħa ta' ttestjar qabel ma persuna titlaq minn ajruport, li jkun effikaċi u affordababbli u li jinkludi wkoll teknoloġiji ta' rapid testing. 

Il-Kumitat - permezz tar-rapportuer l-MEP Cláudia Monteiro de Aguiar - qed tappella lill-Kummissjoni wkoll biex tieħu azzjoni fil-forma ta' fondi  u appoġġ finanzjarju lil dawk ir-reġjuni u pajjiżi - bħal Malta - fejn it-turiżmu jirrapreżenta sehem "sostanzjali" tal-Prodott Gross Domestiku.  Il-mozzjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew qed tisħaq illi fondi tal-UE lil Stati Membri mhux dejjem kienu qed jaslu għand l-operaturi fit-turiżmu illi għandhom bżonn l-aktar għajnuna urġenti, sabiex isostnu l-attivitajiet tagħhom. 

Din il-mozzjoni, li se tkun diskussa nhar l-24 ta' Marzu li ġej, qed tappella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi skema ta' garanzija għall-ivjaġġar bil-għan li tassigura likwidità finanzjarja għall-kumpaniji u tiggarantixxi rifużjonijiet ta' flus imħallsa minn dawk li jkunu se jsiefru kif ukoll spejjeż tar-ritorn f'kriżijiet bħal dik tal-Covid-19.  Il-mozzjoni qed tappella wkoll biex din l-iskema tiggarantixxi kumpens xieraq f'danni fil-każ ta' falliment. 

Il-Mozzjoni qed tħeġġeġ sabiex il-kwarantina tibqa' l-aħħar għażla u fejn hija applikabbli iż-żmien għandu jitnaqqas għall-inqas possibbli filwaqt li jkun l-istess madwar l-UE kollha.  "Kwalunkwe restrizzjoni għall-libertà tal-moviment irid ikun proporzjonat, temporanju u bl-aktar mod ċar marbut mal-Covid-19.  Sabiex jimplimentaw dawn il-protokolli l-Istati Membri għandhom jiġu mgħejjuna b'fondi Ewropej," tgħid il-mozzjoni. 

Qed isir ukoll appell għall-għajnuna lill-aġenziji tal-ivvjaġġar fl-organizzazzjoni ta' esperjenzi ta' safar f'ċerti żoni f'pajjiżi terzi, b'rispett sħiħ lejn protokolli tas-saħħa, filwaqt illi l-mozzjoni qed tħeġġeġ ukoll l-introduzzjoni ta' ċertiikat ta' iġjene Ewropew.  Dan iċ-ċertifikat ikun żviluppat mal-ECDC u Stati Membri u jaċċerta li attivitajiet turistiċi huma konformi ma' livelli minimi ta' iġjene għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-Covid-19. 

Għalhekk il-mozzjoni tal-Parlament Ewropew tappella wkoll għal aktar għajnuna fiż-żmien li ġej u tittama li din il-kriżi twassal biex l-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ta' din l-industrija u jaqblu li jintegrwaha fi pjani ta' żvilupp nazzjonali u Ewropej, jagħmuha aktar sostenibbli u aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Għas-serħan il-moħħ tan-nies din il-mozzjoni qed tipproponi li l-ECDC twettaq moniteraġġ kontinwu u tippubblika mapep b'kuluri li joffru lil min irid isiefer u negozji informazzjoni koordinata u effiċjenti dwar il-Covid-19. 

Finalment il-mozzjoni tappella favur inizzjattivi għal turiżmu sostenibbli bħall-agro-turiżmu, l-mixi u s-sewqan tar-roti minn post għall-ieħor filwaqt li tappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa inizzjattivi favur turiżmu nawtiku u kostali billi tirrikonoxxi il-kwalifiċi ta' dawk li jsuqu d-dgħajjes (skippers), regoli ta' VAT fuq dgħajjes u marinas, fost oħrajn.  Jisħaq ukoll fuq l-importanza ta' turiżmu gastronomiku, ta' saħħa u sportiv 

 

Daqqa kbira lit-turiżmu madwar l-UE

L-industrija tal-ivvjaġġar u turiżmu fl-UE rat il-bookings jonqsu b'92% bejn Jannar u Awwissu tas-sena 2020 meta kkumparat mal-2019 u tnaqqis ta' 85% fl-akkomodazzjoni, ristoranti, operaturi tat-turisti u passiġġiera tal-ferroviji għal vjaġġi twal.  Il-linji tal-ajru esperjenzaw tnaqqis ta' 90% kif esperjenzaw ukoll il-cruise liners. 

Sitt miljun impjieg fit-turiżmu bħalissa madwar l-UE jinsab f'riskju li jintilef.

Fl-ewwel nofs tal-2020 l-Ewropa lagħqet 66% inqas turisti internazzjonali, filwaqt illi laqgħet 97% inqas fit-tieni nofs.  

Ir-rapport jinnota kif meta wieħed jikkonsidra li 22.6 miljun persuna - jew 11.2% tal-ħaddiema fl-UE - huma impjegati f'dan il-qasam, "dan it-tnaqqis qawwi huwa parzjalment grazzi għal nuqqas ta' koordinament minn Stati Membri, in-nuqqas ta' kriterji komuni, flimkien ma' miżuri reġjonali u nazzjonali differenti meħudin minn gvernijiet differenti. 

Għalhekk dan ir-rapport u l-mozzjoni għandu l-għan li l-ewwelnett tinbena mill-ġdid l-industrija, it-tieni li l-politika tat-turiżmu tkun aktar riflessa fil-qafas tal-UE, it-tielet li tissaħħaħ l-industrija u inizzjattivi għal turiżmu sostenibbli, responsabbli u bil-għaqal u finalment li jsir l-ippjanar għall-futur tal-industrija u l-adattament għall-bidliet kollha li se jseħħu fil-futur.

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024