'Filwaqt li l-UE ffukata fuq il-pandemija Casa u Metsola qed jimbuttaw attakk ieħor fuq il-Gvern Malti'

Alex Agius Saliba jgħid illi l-EPP - li tiegħu Roberta Metsola u David Casa huma parti - qed jippruvaw iressqu riżoluzzjoni fuq il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, meta bħalissa għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti 

Il-MEP Laburista Alex Agius Saliba esprima l-frustrazzjoni tiegħu għall-azzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, Roberta Metsola u David Casa u qal li "filwaqt li l-bqija tal-Unjoni Ewropea hija ffukata fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, għal darb’oħra, huma mehdijin jagħmlu il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta."

“Matul dawn l-aħħar sigħat, kienu għaddejjin manuvri mill-Partit Popolari Ewropew li jixtieq li jiġi msejjaħ dibattitu u li tiġi adottata riżoluzzjoni matul is-sessjoni Plenarja tal-ġimgħa d-dieħla, dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, waqt li bħalissa għaddejjin proċeduri legali f’Malta. Dan huwa tentattiv ċar mill-Grupp tal-Popolari Ewropej, xprunat mill-membri Maltin tiegħu, biex jerġa’ jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta”, qal il-MPE Alex Agius Saliba.

Agius Saliba - f'messaġġ fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook -  qal li fi żmien fejn l-għaqda hija meħtieġa mill-MEPs, il-membri tal-Partit Popolari Ewropew - skont hu - "qed iwettqu manuvri biex jiddevjaw l-attenzjoni lejn il-każ legali għaddej bħalissa f’Malta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan huwa attakk bla bżonn, hekk kif ghadhom ghaddejin il-proceduri fil-Qorti Maltija. Il-fatt biss li dawn il-proceduri ghadhom għaddejin juri biċ-ċar li l-istuzzjonijiet f’ Malta qegħdin jaħdmu u qed jagħmlu x-xogħol tagħhom," sostna Agius Saliba

“Kont f’kuntatt mat-tmexxija tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li lkoll fehmu li dan attakk vili u inutli fuq il-Gvern Malti”, ikkummenta l-MPE Agius Saliba filwaqt li l-Grupp ġie infurmat dwar l-intenzjonijiet veri ta’ din ir-riżoluzzjoni proposta.

Agius Saliba stqarr li fi żmien fejn ħareġ li l-Ministri Konservattivi Ġermaniżi fi ħdan il-Grupp tal-Popolari kienu nvoluti fi skandli ta’ korruzzjoni, Manfred Weber appoġġjat minn Metsola u Casa qed ifittxu li jiddevjaw l-attenzjoni tal-Ewropa billi għal darb’oħra jiftħu n-nar fuq Malta.

“Nibqa’ niddefendi l-interessi ta’ Malta b’forza sħiħa kontra dan l-attakk li qed jitmexxa ‘l quddiem mill-MPE Nazzjonalisti”, ikkonkluda.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024