‘L-ibħra tagħna huma ċentrali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali’

L-MEP Cyrus Engerer ifakkar li għal pajjiżi bħal Malta l-baħar huwa importanti għall-bżonnijiet ekonomiċi, għall-ikel u anke divertiment ...

‘L-UE għandha tassigura li l-strateġija tal-biodiversità tagħha tipproteġi l-ekosistemi fl-ibħra Ewropej,’ qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer f’konferenza li ġiet organizzata minnu flimkien mal-MPE liberali Franċiża, Catherine Chabaud. 

Din il-konferenza Ewropea ffukat fuq it-twaqqif ta’ ‘Ocean Framework’ ġdid, bil-għan li jservi bħala bażi biex jgħin lill-kumpaniji u l-industrija jkejlu u jillimitaw l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq il-baħar. 

Engerer enfasizza l-irwol li għandhom l-ibħra biex l-UE timxi lejn il-miri tagħha fil-qasam tal-klima.  Fisser ukoll kif il-baħar huwa essenzjali fit-transizzjoni ambjentali Ewropea. Huwa qal li dan huwa punt li ħafna drabi jiġi minsi mill-‘policy makers’, inkluż mill-Kummissjoni Ewropea meta ppubblikat l-Istrateġija dwar il-Biodiveristà 2030.

“Sfortunatament, qegħdin nitilfu l-biodiversità fl-ibħra b’rata ħafna aktar mgħaġġla minn dik fuq l-art.  Dan ifisser li qegħdin indgħajjfu l-abbiltà naturali tal-ekosistemi biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima.  Dan qiegħed iwassal għal konsegwenzi kbar ambjentali. Jekk irridu verament inwaqqfu din il-krizi, neħtieġu ibħra nodfa u b’saħħithom,” saħaq Engerer. 

“Qegħdin naraw sitwazzjoni fejn l-irwol tal-ibħra għas-sostenibilità qiegħed jiġi minsi. Dan mhux aċċettabbli, għaldaqstant ipproponejt l-ewwel emendi tiegħi fil-Parlament Ewropew għar-Rapport dwar l-istrateġija tal-Biodiversità għall-2030, bil-għan li tigi rinfurzata l-protezzjoni tal-ibħra,” qal Engerer. 

Engerer fakkar kif ħafna pajjiżi, speċjalment gżejjer żgħar bħal Malta, jiddependu fuq l-ibħra għall-bżonnijiet tagħhom fl-attività ekonomika ta’ kuljum. Il-baħar iservi għall-ikel, l-ilma, attivitajiet ta’ divertiment, kif ukoll attrazzjoni turistika - industrija li kkrollat kawża tal-pandemija tal-Covid-19. F’dan il-kuntest, huwa enfasizza l-bżonn li nassiguraw s-sostennibiltà ekonomika ta’ dawn il-pajjizi, filwaqt li fl-istess ħin tingħata prijorità lill-biodiversità tal-baħar. 

Huwa argumenta li l-‘Ocean Framework’ tista’ tkun utilizzata minn kumpaniji fl-impenn tagħhom lejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-miri ta’ żvilupp sostenibbli. Huwa qal li jekk din tiġi implimentata kif suppost, tista’ twassal għal ‘accountability mechanism’ b’saħħtu, bil-għan li nnaqqsu l-impatt ambjentali tagħna. Engerer ikkonkluda billi ħeġġeġ lill-kumpaniji Maltin biex jingħaqdu fil-ġlieda biex insalvaw l-ibħra tagħna.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024