Il-leave ta' wara t-twelid għandu jinqasam bejn il-missier u l-omm kif jiddeċiedu huma

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn rapport tal-Kumitat FEMM fi ħdan il-Parlament Ewropew u kif dan jargumenta favur aktar tqassim tar-responsabilitajiet bejn l-omm u l-missier...

Diversi Stati Membri tal-UE - inkluż Malta fil-fatt - għadhom jagħtu perjodi ta' leave tal-maternità li huma ferm itwal mill-perjodu mogħti lill-irġiel bħala leave ta' paternità.  Rapport tal-Parlament Ewropew mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza (FEMM) qed jipproponi li dan jinbidel, filwaqt li sostna illi arranġamenti bħal dawn jipperpetwaw sterjotipi fir-rigward tal-irwoli tal-ġeneru u diskriminazzjoni kontra missirijiet.  Il-Kumitat, fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, fir-rapport 'The Gender Gap in the EU's Public Employment and Leadership' jisħaq illi filwaqt li hemm bżonn ta' perjodi itwal ta' leave "l-għażla għandha titħalla f'idejn iż-żewġ ġenituri fil-perjodu ta' wara t-twelid ħalli jkunu huma li jiddeċiedu kif l-aħjar jorganizzaw il-ħin tagħhom." 

Huma qalu li jekk il-missier u l-omm ikollhom l-għażla li jiddeċiedu huma min minnhom jieħu l-leave ta' wara t-twelid u kif iqassmuh ikunu qed inaqqsu mill-isterjoptip filwaqt illi t-tfal jikbru f'ambjent fejn it-tqassim tar-responsabilitajiet hija n-norma. 

Dan ir-rapport tal-FEMM qed jipproponi wkoll illi l-Istati Membri kollha tal-UE jtejbu l-kundizzjonijiet tal-impjiegi tan-nisa, inkluż permezz ta' miżuri li jnaqqsu mill-għejja tal-ġenituri (parental burnout).  Dan ir-rapport jagħmel aċċenn partikolari fuq din ir-realtà u kif il-proporzjon ta' xogħol mhux imħallas fost in-nisa huwa ħafna ogħla, milli huwa fost l-irġiel madwar l-UE.  Bla dubju din hija riflessjoni ċara tal-fatt li n-nisa għadhom iġorru ħafna mir-responsabilitajiet relatati max-xogħol fid-dar u t-trobbija tat-tfal. 

"Filwaqt illi l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol żdiedet fl-aħħar snin huma baqgħu jġorru responsabilità ta' ħafna mix-xogħol relatat mad-dar u t-tfal.  Dan ifisser illi ż-żieda fl-ammont ta' xogħol li għandhom jagħmlu - permezz ta' impjieg - ma seħħx fl-istess ħin li naqas ix-xogħol u r-responsabilitajiet tad-dar u t-tfal," jinnota r-rapport tal-Kumitat fil-Parlament Ewropew. 

Il-Kumitat qed jipproponi illi jkunu imbuttati dejjem aktar in-nisa f'pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. 

L-impjegati nisa ntlaqtu ħafna aktar mill-Covid-19.  imma għaliex?

Ir-rapport jagħmel aċċenn ukoll għan-nisa fid-dinja tax-xogħol matul il-pandemija tal-Covid-19 u jfakkar illi n-nisa kienu affetwati b'mod aktar sinjifikanti hekk kif huma jirrapreżentaw il-maġġoranza tal-impjegati fil-qasam tas-saħħa, 76% minn 49 miljun madwar l-UE.  Dan ifisser li miljuni ta' nisa kellhom jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' stress bla preċedent minħabba li kellhom isibu bilanċ bejn ix-xogħol tagħhom (li żdied) waqt il-pandemija u l-ħidma tagħhom id-dar. 

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew ifakkar illi din is-sitwazzjoni kienet ħafna iktar ta' sfida għal dawk li huma ġenitur waħedhom, li 85% tagħhom madwar l-UE huma nisa. 

Ir-rapport ifakkar li l-instrument ta' Rkupru u Reżiljenza tal-UE qed jitlob lill-Istati Membri sabiex jgħidu kif il-pjan individwali tagħhom qed inaqqas mill-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi li ġabet il-pandemija fuq in-nisa. 

Id-differenza bejn il-pagi fl-UE għadha konsiderevoli

L-inugwaljanzi u d-differenzi fil-pagi fl-UE għadhom konsiderevoli.  Ir-rapport tal-Kumitat FEMM - ippubblikat propju għal Jum il-Mara (8 ta' Marzu) ifakkar li skont ċifri tal-Eurostat ippubblikati fl-2020 id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel kienet ta' 14.5%, li jfisser illi l-paga qabel tinqata' t-taxxa u bolla tal-mara hija 14% inqas minn dik tar-raġel. 

Id-differenza fil-paga tan-nisa u l-irġiel fl-2018 kienet tvarja:  Minn 22.7% fl-Estonja sa 3% fir-Rumanija.

Malta fost l-agħar ...

Pajjiżna ma tantx għandu biex jiftaħar bħalissa fejn jidħol dan il-qasam minkejja li qed isiru passi kbar 'il quddiem permezz tal-Liġi li se tippermetti aktar rappreżentanza femminili fil-Parlament Nazzjonali. 

Dan ir-rapport jgħid illi Malta, flimkien mal-Ungerija u Ċipru, kellha fost l-inqas rati ta' nisa membri tal-Kabinett, b'11.6% (l-aħħar bidliet fil-Kabinett mhumiex inklużi f'dawn iċ-ċifri).  F'Ċipru r-rata kienet ftit aktar b'13.2% u fl-Ungerija ħafna inqas b'4.9%. 

Ċipru, l-Ungerija u mill-ġdid Malta huma l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li fihom hemm l-inqas rappreżentanti nisa fil-Parlament nazzjonali. 

Malta kellha wkoll inqas minn 50% tal-persuni f'karigi amministrattivi li kienu nisa, għalkemm hawnhekk pajjiżna huwa ħafna 'l quddiem ikkumparat ma' Ċipru, l-Ungerija, id-Danimarka u anke l-Belġju. 

Fejn jirrigwarda MEPs Malta tinsab fuq quddiem hekk kif eleġġiet tliet MEPs nisa minn total ta' sitt MEPs (50%) fl-2019: Roberta Metsola mill-Partit Nazzjonalista u Miriam Dalli u Josianne Cutajar mill-Partit Laburista.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024