Il-Paga minima f'Malta fl-ewwel xahar tal-2021 kienet ta' €784.68 fix-xahar, li fil-fatt jagħmel lil Malta wieħed mill-pajjiżi li għandhom paga minima li la hija baxxa, pero' lanqas hija mal-għoljin. Fil-fatt il-paga minima Maltija tikkumpara ħażin ma' Spanja u l-Islovenja, fejn din tlaħħaq l-€1,108 u €1,024 rispettivament. Il-paga minima Maltija tikkumpara mbagħad b'mod ħażin ħafna meta mqabbla ma' Franza (€1,554), il-Ġermanja (€1,614), il-Belġju (€1,625), l-Olanda (€1,684), l-Irlanda (€1,723) u l-Lussemburgu li huwa l-pajjiż bl-ogħla paga minima (€2,201).
Minn naħa l-oħra l-paga minima Maltija hija viċin dik tal-Greċja, li hija ta' €758 u l-Portugall (€775).
Dan kollu jirriżulta minn statistika ppubblikata mill-Eurostat, li turi wkoll illi l-paga minima ta' Malta, tikklassifika fin-nofs meta mqabbla mal-prezzijiet ta' oġġetti essenzjali għall-ħajja. Fil-fatt meta jitħaddem dan il-mekkaniżmu jirriżulta li l-paga minima lokali hija aktar b'saħħitha minn dik fil-Portugal, il-Greċja, ir-Rumanija, l-Ungerija, iċ-Ċekja u l-Bulgarija. Dan filwaqt li hija inqas mill-paga minima fil-Lussemburgu, Ġermanja, Spanja Olanda u Franza, fost oħrajn.
Il-PE bi proposti u diskussjoni dwar direttiva li tappella wkoll għal sħubija f'unjins
Fuq dan is-suġġett l-Unjoni Ewropea se tkun qed tħeġġeġ biex aktar nies jidħlu fi Trade Union bħala mezz biex titjieb il-paga minima madwar il-pajjiżi fl-istess UE u dan għaliex il-fatti permezz tal-istatistika juru illi fejn ir-rata ta' ftehim kollettiv huwa ogħla, il-pajjiż għandu numru iżgħar ta' nies li qed jaqilgħu pagi baxxi. Fil-fatt fil-proposta għal Direttiva bejn il-Parlament Ewropew (PE) u l-Kunsill Ewropew qed jitfakkar illi dan hu l-każ fejn dawk koperti bi ftehim kollettiv jaqbżu s-70%. L-istess, f'pajjiżi fejn dawk il-ħaddiema li huma koperti b'unjin jaqbeż is-70% ir-rata ta' paga minima kkumparat mad-dħul medju huwa għoli.
"Filwaqt li ftehim kollettiv f'setturi differenti tax-xogħol jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-paga minima adegwata, in-negozjar kollettiv u l-istrutturi li jħaddmuhom (unjins) iddgħajfu fl-aħħar snin, parzjalment minħabba xerjiet lejn ekomomija li tiffoka f'setturi illi fihom ħafna ħaddiema mhumiex membri ta' trade unions." Hekk tfakkar din il-proposta għal Direttiva dwar Paga Minima fl-UE, li żżid tgħid ukoll illi l-għan tagħha mhux se jkun li l-livell tal-paga minima ikun armonizzat madwar l-UE jew li tindaħal hi kif għandu jaħdem il-mekkaniżmu tal-paga minima f'pajjiż differenti. Minflok qed tara illi jkun hemm qafas biex ikun hemm livelli adegwati ta' paga minima u li l-ħaddiema jkollhom aċċess għall-protezzjoni permezz ta' negozjar kollettiv jew paga minima statutorja, fejn din teżisti.
Din il-ġimgħa il-Kumitat tax-Xogħol u Affarijiet Soċjali fi ħdan il-PE appunta żewġ Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) biex jippreparaw pożizzjoni dwar din id-direttiva li titratta l-paga minima adegwata.
Id-direttiva in kwistjoni tgħid illi f'ħafna stati membri il-pagi minimi għadhom wisq baxxi biex ikunu verament jistgħu jipprovdu livell diċenti ta' ħajja. Fil-fatt tgħid li din il-paga hija inqas minn 50% tad-dħul medju fi prattikament kull Stat Membru, tant li f'disa' pajjiżi mhix meqjusa biżżejjed biex persuna waħedha li tgħix bil-paga minima tgħix diċenti u ma taqax fil-faqar.
Id-direttiva ssemmi wkoll l-impjiegi self-employed "foloz" u tgħid li din id-direttiva għandha tkun applikabbli għal dawn il-ħaddiema wkoll. B'terminu ta' self employed foloz, id-direttiva qed tirreferi għal dawk il-ħaddiema li jitniżżlu bħala li jaħdmu għal rashom minn min jimpjegahom pero' li fil-fatt ikunu impjegati.
Il-Co-rapporteurs, l-MEPs Dennis Radtke mill-Partit Popolari Ewropew u Agnes Jongerius mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi qalu fi stqarrija konġunta din il-ġimgħa li l-UE hemm bżonn li tesperjenza tkabbir reali fil-pagi. "Hemm bżonn inwaqqfu din il-kompetizzjoni dannuża ... meta ħaddiem mhuwiex kopert bi ftehim kollettiv il-paga minima għandha taċċerta dħul xieraq biex dik il-persuna tkun tista' tlaħħaq mal-ħajja."
Huma fakkru illi pagi diċenti huma "parti fundamentali mill-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali," u qalu illi se jkunu qegħdin jaħdmu biex isaħħu l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-kriterji importanti għall-aġġornar tal-Paga Minima
Id-Direttiva tgħid illi l-kriterji nazzjonali li għandhom jkunu kkunsidrati meta jirrigwarda it-twaqqif jew l-aġġornar ta' paga minima statutorja huma:
- Is-saħħa ta' dik il-paga meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja, taxxi u benefiċċji soċjali
- Il-livell ġenerali ta' pagi u d-distribuzzjoni tagħhom
- It-tkabbir fil-pagi
- L-iżviluppi fil-produttività
Malta: Il-Gvern Malti mhux qed jaqbel u f'komunikat mibgħut lil Brussell qal illi l-proposta f'din id-direttiva "ma tirrispettax il-prinċipju ta' sussidjarjetà." Il-Gvern qal li ma jaqbilx mal-attentat tal-mudell 'one-size-fits-all' u fakkar illi l-kundizzjonijiet tal-pagi huma prerogattiva nazzjonali.