Elezzjonijiet każwali: 8 kandidati laburisti eletti, issa jmiss il-PN
L-elezzjonijiet każwali tal-Partit Laburista wasslu għall-elezzjoni ta’ tmien kandidati minn sfondi differenti. Minn kandidati li jirritornaw sal-ewwel passi fil-Parlamentt
minn Jaelle Borg
Tmien kandidati ġew eletti waqt l-elezzjonijiet każwali tal-Partit Laburista li saru l-ġimgħa, bil-proċess iwassal għar-ritorn ta’ kandidati li diġà servew fil-Parlament kif ukoll għall-elezzjoni ta’ wċuħ ġodda fil-politika nazzjonali.
Fost dawk eletti kien hemm deputati stabbiliti, eks uffiċjali parlamentari, sindki preċedenti u kandidati li kienu kkontestaw elezzjonijiet oħra f’dawn l-aħħar snin.
Waħda mill-aktar elezzjonijiet segwiti kienet dik ta’ Naomi Cachia, li kienet it-tieni kandidata eletta matul il-ġurnata. Cachia serviet bħala Government Whip matul l-aħħar leġiżlatura u kienet daħlet fil-Parlament fl-2022 permezz tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru. Viżibilment emozzjonata wara r-riżultat, hija qalet li kienet kuntenta ħafna bl-eżitu u rrimarkat li kienet ħadmet bis-sħiħ biex tikseb dan ir-riżultat. Cachia ġiet eletta mis-seba’ distrett.
Reġgħet kisbet post fil-Parlament ukoll Ramona Attard, li serviet bħala deputata matul l-aħħar leġiżlatura wara li kienet ġiet co-opted fil-Kamra tad-Deputati. Attard hija avukat u serviet ukoll bħala President tal-Partit Laburista.
Rebecca Buttigieg ġiet eletta mid-disa’ distrett. Wara r-riżultat, hija rringrazzjat lil dawk li tawha l-appoġġ tagħhom u qalet li kienet onorata li ġiet eletta. Buttigieg sostniet ukoll li l-elezzjoni tagħha u dik ta’ Naomi Cachia kienu prova li l-mekkaniżmu tal-ġeneru qed jagħti riżultati konkreti.
Fost l-uċuħ ġodda eletti kien hemm ukoll Clint Azzopardi Flores, li kiseb siġġu mit-tieni distrett. Azzopardi Flores kien ikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2024, iżda ma kienx ġie elett. Wara r-riżultat tal-bieraħ huwa rringrazzja lil dawk li appoġġjawh, filwaqt li rrimarka li minkejja li daħal tard fil-kampanja elettorali, baqa’ f’kuntatt man-nies tul dawn l-aħħar sentejn.
Mis-suċċessi notevoli kien hemm ukoll dak ta’ Mariah Meli, eks sindku tal-Għargħur, li ġiet eletta mid-disa’ distrett. Meli rringrazzjat lil dawk li fdawha bil-vot tagħhom u qalet li se tkompli żżomm kuntatt qrib mal-kostitwenti tagħha.
Franco Mercieca kiseb siġġu mit-tnax-il distrett. Għalkemm ma kienx preżenti fis-sala tal-għadd waqt il-proċess elettorali, huwa rringrazzja lill-votanti permezz ta’ messaġġ qasir fuq Facebook fejn qal li kien onorat bir-responsabbiltà li jirrappreżentahom fil-Parlament.
Alex Muscat, ġie elett mill-ħdax-il distrett u se jirritorna fil-Parlament. Wara r-riżultat huwa rringrazzja lill-votanti tal-fiduċja li wrew fih.
L-aħħar kandidat elett kien Andy Ellul, li kiseb siġġu mit-tielet distrett. Ellul serva bħala Segretarju Parlamentari u Government Whip matul l-aħħar leġiżlatura. Wara l-elezzjoni tiegħu qal li jinsab komdu li jservi bħala backbencher fil-Parlament il-ġdid.
Kif jaħdmu l-elezzjonijiet każwali?
L-elezzjonijiet każwali huma parti mis-sistema elettorali Maltija u jsiru meta kandidat jiġi elett minn aktar minn distrett wieħed jew meta jinħoloq post vakanti fil-Parlament.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-kandidat elett ikollu jirrappreżenta distrett wieħed biss, filwaqt li l-post vakanti li jħalli warajh jimtela permezz ta’ elezzjoni każwali.
Il-proċess ma jinvolvix votazzjoni ġdida mill-elettorat. Minflok, jerġgħu jiġu eżaminati l-voti tal-kandidat li jkun ħalla l-post vakanti u jiġu mqassma skont il-preferenzi tal-votanti. Il-kandidat li jikseb l-ogħla ammont ta’ voti minn dan il-proċess jiġi elett.
Is-sistema hija maħsuba biex tirrispetta kemm jista’ jkun l-għażla oriġinali tal-votanti, filwaqt li tiżgura li l-postijiet vakanti fil-Parlament jimtlew mingħajr il-ħtieġa ta’ elezzjoni ġenerali jew by-election.
Bil-konklużjoni tal-elezzjoni każwali tal-Partit Laburista, issa l-kompożizzjoni parlamentari qed tieħu forma aktar definita hekk kif il-proċess elettorali jkompli lejn il-fażijiet li jmiss li huwa dak tal-elezzjoni każwal tal-Partit Nazzjonalista li ħa jsiru fuq it-3, il-5, is-7, l-10, u t-12-il distrett fejn b’kollox ħa jsiru seba’ elezzjonijiet.
