Tmien kandidati tal-Partit Laburista ġew eletti fil-Parlament waqt l-elezzjonijiet każwali li saru nhar il-Ġimgħa fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.
L-ewwel waħda li ġiet eletta kienet Ramona Attard, li kisbet is-siġġu vakat minn Clyde Caruana fit-8 Distrett. F’kummenti lill-ġurnalisti, Attard irringrazzjat lil dawk li fdawha bil-vot tagħhom u qalet li tinsab lesta biex taħdem mal-kollegi tagħha biex jitwettaq il-programm elettorali tal-Gvern.
Ftit wara ġiet eletta Naomi Cachia fuq is-7 Distrett, wara li Ian Borg ċeda s-siġġu tiegħu. Cachia, li kienet serviet bħala Whip tal-Gvern fil-leġiżlatura li għaddiet, dehret emozzjonata hekk kif irringrazzjat lill-partitarji tagħha. Hija faħħret ukoll lill-kandidata l-oħra Samantha Pace Gasan, filwaqt li qalet li tinsab lesta tagħti l-kontribut tagħha fi kwalunkwe rwol li jkun meħtieġ.
Rebecca Buttigieg ġiet eletta fuq wieħed mis-siġġijiet vakanti fid-9 Distrett. Hija qalet li tħossha onorata li ġiet eletta fil-Parlament u sostniet li l-elezzjoni tagħha u ta’ Naomi Cachia turi li l-mekkaniżmu tal-bilanċ bejn is-sessi qed jaħdem.
Fid-2 Distrett ġie elett Clint Azzopardi Flores, li rringrazzja lil dawk li appoġġjawh minkejja li daħal tard fil-kampanja elettorali.
L-eks sindku tal-Għargħur Mariah Meli kisbet ukoll siġġu fil-Parlament wara li ġiet eletta fuq it-tieni siġġu vakanti fid-9 Distrett. Hija qalet li se tkompli żżomm kuntatt mill-qrib mar-residenti li rrappreżentat matul is-snin.
Franco Mercieca ġie elett fit-12-il Distrett, filwaqt li Alex Muscat kiseb is-siġġu vakat minn Miriam Dalli fil-11-il Distrett u b’hekk se jirritorna fil-Parlament għal leġiżlatura oħra.
L-aħħar kandidat li ġie elett kien Andy Ellul fuq it-3 Distrett. Ellul, li serva bħala Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern fil-leġiżlatura preċedenti, qal li l-akbar unur tiegħu jibqa’ dak li jirrappreżenta lill-Partit Laburista fil-Parlament.
L-elezzjonijiet każwali saru wara li diversi deputati Laburisti eletti minn żewġ distretti għażlu liema siġġu jżommu, u b’hekk ħolqu postijiet vakanti li kellhom jimtlew permezz tal-proċess elettorali previst mil-liġi.
L-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista huma skedati li jsiru nhar it-Tlieta li ġej.