Il-Kabinett il-ġdid tal-Gvern illum ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, b’hekk beda uffiċjalment il-ħidma tiegħu għall-ħames snin li ġejjin.
Iċ-ċerimonja saret ġurnata wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-lista tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li se jiffurmaw l-amministrazzjoni l-ġdida wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista.
Il-Kabinett il-ġdid jinkludi taħlita ta’ kontinwità u bidla, b’numru ta’ ministri jżommu l-portafolli tagħhom filwaqt li oħrajn ingħataw responsabbiltajiet ġodda jew ġew promossi għall-ewwel darba għal kariga ministerjali.
Fost l-aktar bidliet li jispikkaw hemm il-ħatra ta’ Ian Borg bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, filwaqt li Jonathan Attard ingħata ministeru li jiġbor taħtu l-Ippjanar, l-Infrastruttura u x-Xogħol.
Glenn Bedingfield kien wieħed mill-akbar sorpriżi fil-lista mħabbra lbieraħ hekk kif għamel il-qabża minn Segretarju Parlamentari għal Ministru għall-Intern u s-Sigurtà. Dan wassal biex Byron Camilleri jħalli warajh il-portafoll tal-Intern wara sitt snin u jieħu f’idejh l-Edukazzjoni u l-Isport.
Promozzjonijiet oħra waslu għal Keith Azzopardi Tanti, Malcolm Paul Agius Galea, Alison Zerafa Civelli u Omar Farrugia, li kollha ngħataw kariga ministerjali għall-ewwel darba.
Min-naħa l-oħra, mhux kulħadd li kien issemma bħala kandidat għal promozzjoni kiseb post fil-Kabinett. Alicia Bugeja Said, li kienet fost l-ismijiet li ċċirkolaw bħala possibbiltà għal kariga ministerjali, baqgħet Segretarju Parlamentari u se tibqa’ responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali.
Filwaqt li diversi portafolli nbidlu, oħrajn baqgħu f’idejn l-istess persuni. Clyde Caruana żamm il-Ministeru tal-Finanzi, Michael Falzon baqa’ responsabbli mill-Politika Soċjali u l-Familja, Miriam Dalli baqgħat responsabbli mill-enerġija, filwaqt li Julia Farrugia kompliet tmexxi l-qasam tal-Inklużjoni u l-Volontarjat.
Bil-ġurament issa warajhom, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma mistennija jibdew il-ħidma tagħhom immedjatament hekk kif il-gvern il-ġdid jibda jimplimenta l-programm elettorali li fuqu kiseb il-mandat tal-poplu.
Din hija lista sħiħa tal-kabinet tal-Prim Ministru:
Ian Borg – Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa
Owen Bonnici – Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet
Michael Falzon – Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja
Anton Refalo – Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel
Julia Farrugia – Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat
Silvio Schembri – Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi
Clint Camilleri – Ministru għal Għawdex
Clyde Caruana – Ministru għall-Finanzi
Byron Camilleri – Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport
Miriam Dalli – Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir
Clifton Grima – Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Jonathan Attard – Ministru għall-Ippjanar, l-Infrastruttura u x-Xogħol
Jo Etienne Abela – Ministru għat-Turiżmu
Chris Bonett – Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli
Chris Fearne – Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Alison Zerafa Civelli – Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Keith Azzopardi Tanti – Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur
Glenn Bedingfield –Ministru għall-Intern u s-Sigurtà
Malcolm Paul Agius Galea – Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali
Omar Farrugia – Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali
Rosianne Cutajar – Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili
Deo Debattista – Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għas-Saħħa (responsabbli mill-Anzjanità Attiva)
Alicia Bugeja Said – Segretarju Parlamentari fil-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali)